Din hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd matul is-sena ( 2021 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Meta l-Missier tana lil Ibnu Hu tana kollox, tana l-akbar
Grazzja li seta’ qatt jagħtina u ma għandux iktar x’jagħtina. Alla ftaqar minn kollox meta reħa lil Ibnu
l-Waħdieni f’idejn il-bnedmin għedewwa biex jagħmlu biH li jridu, bil-għan li
l-għotja tiegħU isservi ta’ tpattija, ta’ fidwa, ta’ ħlas għall-jasar
tal-bnedmin kollha.
Imma mhux biss dan tana!
Hu għażilna lilna, lili u lilek, anzi flok għażilna... għax m’hemm xejn
x’tagħżel fina... Hu predestinana, konna f’moħħu minn qabel ma ħalaq id-dinja, biex
jagħtina l-Magħmudija Qaddisa li twaħħadna, tingastana f’Ibnu rebbieħ fuq
il-Mewt. Dan hu tal-għaġeb. Il-Magħmudija hija l-vera għana tagħna. Il-ġid u l-pjaċiri u s-suċċess tad-dinja hu
rmixk, karfa, għafien, ħdejn l-ilma dejjem ġej tal-Magħmudija adulta ġewwa
fina!
Tiżreġ kemm tiżreġ ix-xemx fid-deżert tal-inkwiet,
tal-kriżi, tat-taħbit, tal-mard... tal-Mewt... xejn m’għandu jkiddna la ġewwa
fina hemm l-ilma ġieri, frisk, qatt ma jaqta’ tal-Magħmudija Mbierka li
rċivejna meta ma konna għamilna l-ebda xejn tajjeb. Rigal totalment gratis! Mhix kwistjoni li tgħammidna għax ġejna
f’pajjiż fejn jitgħammed kulħadd.
Le! Il-kontra. Aħna li konna mmarkati għal ma’ Kristu minn
qabel beda ż-żmien, ġejna mwellda, bi pjan ta’ Alla, f’post fejn kellna ninagħtaw
il-Magħmudija. Daqshekk tal-għaġeb huwa
dak ir-rit, xi ftit ikkumplikat li ħaduna għalih għand il-Knisja l-ġenituri
tagħna.
Imma dak in-nhar ma kienx il-bidu u t-tmiem tal-Istorja
tal-Magħmudija tagħna. Inżergħet fina
lewża ta’ potenzjal enormi, żerriegħa qaddisa li fiha kien hemm stampat il-Wiċċ
jiddi ta’ Kristu. F’din il-lewża kien
hemm midfuna tliet karattri, tliet xbihat, li huma wkoll il-karattri qaddisa
ta’ Kristu nnifsu! Dawn huma
l-kwalitajiet ta’ “Profeta”, “Saċerdot” u “Sultan”. Iktar kemm tikber il-Magħmudija fina, iktar
jikbru dawn il-karattri, u joħorġu jidhru minna bla ma nagħmlu xi sforz
partikulari aħna. Meta tikber is-siġra u
tilħaq il-milja taż-żmien tagħha, titqal bil-frott b’mod naturali. M’għandhiex bżonn reklami. Jħarsu lejha n-nies u jgħidu: “Kemm tagħmel
din is-siġra!” Dan hu n-Nisrani!
Il-Liturġija tal-Kelma fl-Ewkaristija ta’ dan il-Ħadd
tkellimna fuq Kristu bħala Profeta qawwi, mlibbes b’setgħa u awtorità liema
bħalhom, ma jħares lejn wiċċ ħadd, il-Kelma li toħroġ minn fommu hi bħal xabla
li taqta’ minn żewġ naħat. Infatti Hu
nnifsu huwa l-Kelma, l-Aħħar Kelma li l-Missier kellu xi jgħid lid-dinja, u din
il-Kelma hi AĦBAR TAJBA. Alla jrid
jagħti lilek Aħbar Tajba għal Ħajtek, u tak lil Ibnu. Fi Kristu hemm il-Ħajja bla tmiem; hemm
il-ħelsien mill-jasar tal-inkwiet, tat-tħassib, tan-nuqqas ta’ fiduċja,
tad-dnub, tal-egoiżmu. FiH insiru
bnedmin ġodda, nitwieldu mill-ġdid iktar kemm tikber il-Magħmudija ġewwa fina. FiH insiru Profeti: waħda mill-karattri li
rċivejna fil-Magħmudija u li hi mirduma taħt it-terrapien tal-vizzji u
d-dnubiet u n-nuqqas ta’ Fidi tagħna.
Ġwanni l-Għammiedi huwa x-xempju per eċċellenza
tal-“Profeta”. In-Nisrani hu Ġwanni
l-Għammiedi, li mhux il-Messija, imma dak li jħejji l-art għaliH. Dan wieħed jista’ jagħmlu bla ma biss jiftaħ
fommu... fuq ix-xogħol, fil-każin, fit-triq, fil-post tad-divertiment jew
passatemp. In-Nisrani jibda jistagħġeb
kif xi wħud jibdew jersqu lejh biex jitkellmu miegħu fuq il-problemi li
għandhom u f’qalbu jgħid: dan għaliex?
Lanqas biss jinduna li minnu jkun ħiereġ Dawl imkebbeb f’misteru imma li
hu kalamita li tiġbed in-nies. In-nies
tinduna! Qed nitkellmu fuq Nisrani
awtentiku, jiġifieri dak li hu umli għax jaf li hu midneb, u li jekk mhux
il-ħabs, dan għax Alla żamm idU fuqu.
Dan il-bniedem jaf kollox lil Alla.
Jaf li kollox hu Grazzja. Li hu
miżerabbli għax ma jiswa għal xejn; bħal fergħa li qatt ma tista’ tagħti
l-frott mingħajr l-enerġija ġejja miz-zokk u l-għeruq. Huwa dan il-bniedem li jistagħġeb bil-meravilja
tal-Imħabba ta’ Alla.
Aħna lkoll ittimbrati biex f’xi waqt ta’ Ħajjitna nkunu
Profeti għal Kristu... inkunu Prekursur tiegħU.
Żakkarija, missier il-Profeta, jgħid għal kull Nisrani “adult”: “U
int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-aktar Għoli, għax tmur quddiem il-Mulej
biex tħejjilu triqatu u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni permezz
tal-maħfra ta’ dnubiethom, mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, li
mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa; u jdawwal lil min jinsab
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.” (Lq.
1, 76-79).
Il-Profeta ma jfejjaq lil ħadd u ma jdawwal lil
ħadd. Ix-Xemx tielgħa wara lejl twil
mudlam huwa Kristu u Kristu waħdu. Huwa
Hu l-Waħdieni li rebaħ il-Mewt, li għex il-Misteru tal-Għid għalija u
għalik. Hu biss kapaċi jaqlagħna minn
ġol-qabar tan-natura l-qadima li biha twelidna u, permezz tal-Magħmudija msawra
tajjeb, jagħtina n-natura tiegħU innifsu!
Imma Hu jridna nkunu dawk li jhejjulu t-Triq. X’xorti tajba tkun Nisrani!
Il-Liturġija tal-Kellma tal-lum:
QARI I
Jiena nqajmilhom profeta u nqiegħed kliemi fuq fommu.
Dewt 18:15-20
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej, Alla tiegħek,
iqajjimlek profeta bħali minn ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu.
Dan kollu skont ma tlabt inti stess lill-Mulej, Alla
tiegħek, fil-Ħoreb f’jum il-laqgħa, meta għedt: ‘Jalla ma nismax aktar leħen
il-Mulej, Alla tiegħi, u ma narax aktar dan in-nar iħeġġeġ, ħalli ma mmutx’. U
l-Mulej qalli: ‘Sewwa għamlu li tkellmu. Jiena nqajmilhom profeta bħalek, minn
fost ħuthom; inqiegħed kliemi fuq fommu, u jħabbrilhom kulma nordnalu. Min ma
jagħtix widen għal kliemi li huwa jħabbar f’ismi, jiena nitolbu kont talli jkun
naqas. U jekk xi profeta jfettillu jgħid f’ismi ħwejjeġ li ma nkunx qabbadtu
jgħid, jew inkella jħabbar f’isem allat oħra, dan il-profeta jkun ħaqqu
l-mewt’”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 94(95):1-2,6-7,8-9
R/. (8): Mhux li kontu llum tisimgħu leħen il-Mulej,
la twebbsux qalbkom.
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.
QARI II
Ikunu ħsibijietna fil-ħwejjeġ tal-Mulej.
1 Kor 7:32-35
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, iva, jiena rridkom bla ħsibijiet. Ir-raġel mhux
miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, kif jogħġob lill-Mulej. Min
hu miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif jogħġob lil martu, u
hu mifrud fih innifsu!
Hekk ukoll il-mara mhix miżżewġa u x-xebba ħsiebhom
fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, biex ikunu qaddisa f’ġisimhom u f’ruħhom.
Iżda l-mara miżżewġa ħsiebha fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif togħġob lil
żewġha.
Dan qiegħed ngħidhulkom għall-ġid tagħkom, mhux biex
inxekkilkom, iżda għall-ġid tagħkom u biex tgħixu marbutin mal-Mulej bla tixrid
ta’ moħħ.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:16
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam
ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt
idda dawl għalihom.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa.
Mk 1:21-28
Qari
mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt,
daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod
tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u
mhux bħall-kittieba.
Mela
jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid:
“Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min
int: il-Qaddis ta’ Alla!”.
Imma
Ġesù kkmandah: “Iskot! Oħroġ minnu!”. Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda
jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.
U
lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim
ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu
għalih!”. U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|