Din hija il-Liturgija tal-Hames Hadd matul is-sena ( 2021 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kulħadd jaf xi tfisser il-kelma “Misteru”. “Misteru” huwa xi ħaġa li ħadd ma jista’
jifhimha, jew, almenu, jifhmuha biss xi ftit għorrief wara ħafna studju u
tiftix. Bil-kelma “Misteru”, normalment
nirreferu għal dommi jew ħwejjeġ moħbija għal moħħ il-bniedem, imma li jagħmlu
sens bid-dawl tal-Fidi. Alla l-Imbierek
irrivelalna Hu min hu meta bagħat lil Ibnu fid-dinja, imma Hu xorta waħda
jibqa’ “Misteru” li jiġi muri lilna biss
meta narawH, jekk Alla jrid, wiċċ imb’ wiċċ fil-mija tal-Ħajja, fil-Glorja
tas-Sema.
Iżda l-Iskrittura tisħaq li hemm “Misteri” li l-Missier
jixtieq jirrivelahomlna bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu u permezz ta’ dak li
għallem u għamel Ġesù fil-missjoni tiegħU fostna. San Pawl jitkellem fuq il-“Misteru
tas-Salvazzjoni tagħna”. Il-bniedem li
jħalli lil Alla jaħdem fih, jasal biex jifhem is-sens u r-raġuni ta’ dak li
jiġrilu fl-Istorja tiegħu; li xejn ma jiġri għal xejn, u li l-Mulej joħroġ
il-ġid minn kull sitwazzjoni b’risq il-mixja tagħna lejn il-Ħajja ta’
Dejjem.
Wieħed mill-misteri l-kbar li l-aktar iħabblu moħħ
il-bniedem huwa l-misteru tat-tbatija.
Għaliex hawn tant tbatija fid-dinja?
Għaliex din in-natura tant sabiħa kapaċi tagħti daqqa ta’ ħarta
lill-bniedem li tħallih mifni u “tradut”.
Għaliex donnu li d-dubbien iktar idur għall-ħmar il-magħkus u hawn min
ibati iktar minn ħaddieħor? Fil-qari tal-lum,
Ġob jitniehed quddiem l-Istorja li messet lilu, u jgħarrex kemm jgħarrex ma
jistax isib Dawl li jurih il-verità. “Xhur
fiergħa kienu sehmi, u ljieli dwejjaq messew lili. Jekk nimtedd ngħid: ‘Meta se nqum?’ u meta
nqum, ngħid: “Meta se jidlam?” (Ġob 7,
3-4). Dan hu eżempju klassiku ta’
dak li l-mediċina ssejħilha “dippressjoni”, meta xejn ma jibqa’ jinteressak u
taqta’ jiesek li se toħroġ minn dan l-għeluq.
Ġob jibqa’ dejjem nieżel ’l isfel sakemm jasal biex jgħid: “Għaliex
ma mittx fi ħdan ommi? Għaliex ma bqajtx
fil-ġuf u mitt? (Ġob 3, 11). Huwa
jisħet lill-bniedem li mar jagħti l-aħbar lil missieru li kien twelidlu tifel,
għax għajnejh ma jibqgħu jaraw xejn tajjeb u sabiħ. Kollox bla sens. Kollox frugħa.
Il-Knisja tippreżentalna dan il-Ktieb ta’ Ġob b’kuraġġ
għax fi ħdanha hi tgħożż id-Dawl tal-Ispirtu s-Santu li waħdu biss kapaċi
jagħti tweġiba lill-bniedem. It-tbatija
hi dejjem tbatija imma hu tal-għaġeb li l-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja
biex isalvaha mingħajr ma jneħħi s-Salib mill-ħajja ta’ kull bniedem. Iħenn kemm iħenn, ifejjaq kemm ifejjaq u
jsabbar kemm isabbar, Hu mexa fuq il-passi tal-bnedmin u daħal fit-tbatija u
mar għall-Mewt bħalhom.
Għamel kemm għamel mirakli, kollox baqa’ kif kien
fizikament. Il-bniedem jimrad, kultant
kmieni fil-ħajja; jaqbduh id-dwejjaq; iweġġa’; jixjieħ u jmut. Hu ċar li din
id-dinja mhix pajjiżna, ma tixirqilniex għax lilna jixirqilna post ferm isbaħ u
aħjar fejn Hu jixxuttalna kull demgħa minn għajnejna; ma jkunx hemm iżjed mewt,
anqas biki jew għajjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’
qabel. (Apok. 21, 4). Dan hu li nixtiequ aħna, imma nfittxu kemm
infittxu, u nivvintaw kemm nivvintaw kumditajiet u mediċini, dawn l-affarijiet
din id-dinja mhix kapaċi tagħtihomlna.
Din id-dinja hi post l-imwiet u
l-Ktieb ta’ Ġob jagħmel sens fil-Bibbja għax
jurina l-verità dwar il-qagħda tal-bniedem.
Allura, min se jeħlisni lili minn dan il-ġisem li jbati u
jmut; min se jeħlisni minn dinja li tidħaq bija għax filgħodu ġġenninni
bis-sbuħija tax-xemx tiela’, biex filgħaxija nisma’ t-tokki ta’ funeral li
jfakkarni...? Hemm tama? HEMM, U KIF!
Alla, lili u lilek, tana lil Kristu mhux biex iżidilna l-piż bi
kmandamenti ġodda, mhux biex jivvinta xi “reliġjon” ġdida, imma, ħaġa
tal-għaġeb, biex jagħti tifsira lit-tbatija u lill-Mewt, b’tali mod li
jneħħilhom in-niġġieża!! Hu tgħabba
b’ġisem bħal tagħna biex bil-Misteru tal-Għid li Hu għadda minnu jurina li
l-Mewt hi mirbuħa, li s-Salib li kull wieħed minna jġorr hu Glorjuż, jiddi,
kollu deheb, għax lilU daħħlu f’ħalq il-Mewt biex juri lid-dinja li hija
gidba. Il-Mewt hija gidba għax ma ttemmx
lill-bniedem iżda tiftaħlu l-bieb għall-Glorja vera, il-Ħajja vera li għaliha
ġie maħluq.
Hemm ħaġa, hemm Misteru, li jekk ma nifhmuhx ma nkunux
fhimna min hu Kristu u x’kienet tassew il-missjoni tiegħU. Dan hu l-Misteru tal-Għid li jiddomina
l-Istorja u n-natura. Ħares madwarek,
aqra l-Istorja tad-dinja, l-esperjenza ta’ tant nies, ara l-Aħbarijiet ta’
kuljum anke jekk dawn huma rraportati minn lenti pagana... ara tarax il-Misteru
tal-Għid kullimkien. Jidlam-jisbaħ;
xitwa-sajf; żerriegħa midfuna fil-ħamrija-pjanta li tħabbar ħajja ġdida; kriżi-relazzjoni
iktar matura. Kull sitwazzjoni mdallma
tressqek lejn żmien aħjar.
Kristu bata, miet... imma qam mill-Mewt. Dan hu li nżera’ fina fil-Magħmudija. Bil-Magħmudija aħna sirna parti minn
Kristu. Anke jekk abbandunajtU u Alla
biss jaf kemm ilek ma tisma’ quddiesa, li mhi xejn ħlief iċ-ċelebrazzjoni
tal-Għid li jiddomina kollox, anke jekk int hekk imbiegħed, int tinsab fi
Kristu anke jekk dan int ma temmnux. Int
mitt fi Kristu u qomt rebbieħ fuq il-Mewt miegħU, għax dak li għamel Kristu,
wettqu għalik, b’risq tiegħek, f’ismek.
X’ħasra li ngħixu ħajjitna ninkwetaw u nibżgħu minn elf tip ta’ Mewt
meta fil-fatt aħna ninsabu ngastati f’Dak li rebaħ il-Mewt u qed jgħix għal
dejjem! Min jemmen hu ħaj; min ma
jemminx hu mejjet. Il-Fidi kollox. X’jiswa jekk għandek il-miljuni l-bank, wirt
li ħallilek xi ħadd bla ma int taf?
X’jiswa li Kristu miet u rxoxta għalik jekk dan int ma tapprezzahx, ma
temmnux.
Il-Qaddisin (l-Insara veri), fehmuh tajjeb dan. F’kull sitwazzjoni li normalment taqta’ qalb
il-bniedem huma jaraw il-ġid qiegħed jitnissel.
Mewt-Ħajja. S. Rosa ta’ Lima
kitbet versi stupendi fuq din il-qalba tal-Kristjaneżmu. “Ħa
jkun jaf kulħadd li l-grazzja tiġi wara t-taħbit; ħa jkunu jafu li mingħajr
it-toqol tad-dwejjaq, ma jistgħux jitilgħu fuq il-quċċata tal-grazzja; mingħajr
is-salib ħadd ma jsib it-triq biex jitla’ s-sema.”
Mingħajr is-Salib li l-Mulej innifsu tana, ħadd minna ma
jagħti kas tal-Benefattur veru tagħna u nintilfu nilagħbu bil-ħmerijiet
fit-trab tad-dinja. Mingħajr is-Salib
ħadd minna ma jħares ’il fuq lejn il-kwiekeb, imma noqogħdu nikkontemplaw
it-tajn. S. Rosa tkompli: “Jien ħassejt ġo fija bħal qawwa kbira
timbuttani lejn nofs il-pjazza biex ngħajjat u ngħid lil kulħadd, kbar u żgħar,
nisa u rġiel, hu x’inhu l-istat tagħhom; ngħidilhom: ‘Isimgħuni popli... Kieku
tafu kemm ferħ u għaxqa, kemm għana, x’ħaġa kbira hi l-grazzja ta’ Alla!” Kristu kiseb dan kollu għalina. Is-Salib li għandek jixprunak biex dan ma
titilfux, biex ma taljenax ruħek fuq dinja li qegħda tmut madwarek. Din hija l-Glorja tas-Salib: hu jirbaħlek
il-Ħajja ta’ Dejjem li tibda titgawda minn hawn.
Mhux li kien li nemmnu, nerfgħu salibna kuljum, u nimxu
warajH. Jekk nafu ’il fejn sejrin żgur
li t-tbatja tiħfief għax ikollha sens kbir għalina.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Il-ħajja tal-bniedem fuq l-art.
Ġob 7, 1-4.6-7
Qari mill-Ktieb ta’ Ġob
Ġob tkellem u qal:
“Ħajjet il-bniedem mhix forsi xogħol bilfors fuq l-art?
U għomru mhux bħal jiem il-ħaddiem mikri?
Bħalma lsir jixxennaq għad-dell,
u bħalma l-mikri jistenna l-ħlas,
hekk xhur fiergħa kienu sehmi,
u ljieli dwejjaq messew lili.
Jekk nimtedd, ngħid: ‘Meta se nqum?’.
u meta nqum, ngħid: ‘Meta se jidlam?’.
u hekk nixba’ nhewden sa ma jidlam.
Eħfef minn mekkuk għaddew jiemi,
u bla tama ntemmu.
Ftakar li ħajti buffura riħ,
u għajnejja ma jerġgħux jaraw ir-riżq”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM
RESPONSORJALI
Salm 146 (147), 1-2.3-4.5-6
R/. (ara 3a): Faħħru l-Mulej, li jfejjaq
il-qlub maqsuma
Faħħru l-Mulej, għax tajjeb li tgħanni lil
Alla tagħna;
għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.
Jibni ’l Ġerusalemm il-Mulej,
jiġma’ l-imxerrdin ta’ Iżrael. R/.
Hu jfejjaq il-qlub maqsuma,
hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.
Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb;
kollha jsejħilhom b’isimhom. R/.
Kbir Sidna l-Mulej, u ta’ qawwa kbira;
bla tarf id-dehen tiegħu.
Jerfa’ l-imsejknin il-Mulej,
u jniżżel sal-art il-ħżiena. R/.
QARI II
Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju.
1 Kor 9. 16-19.22-23
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin
Ħuti, jekk jiena nxandar l-Evanġelju ma
għandix biex niftaħar; jien obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma
nxandarx l-Evanġelju! Jekk dan nagħmlu minn rajja, ikolli dritt għall-ħlas;
imma jekk nagħmlu għax obbligat, dan ifisser li qiegħed nagħmel ix-xogħol li
Alla fdali f’idejja. X’inhu mela l-ħlas tiegħi? Li meta nxandar l-Evanġelju, inxandru
b’xejn, bla ma nfittex id-dritt li jagħtini l-Evanġelju stess.
Għax għad li ma jiena marbut ma’ ħadd, jien
għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd biex nirbaħ lil ħafna. Sirt dgħajjef
mad-dgħajfin, biex nirbaħ id-dgħajfin. Sirt kollox ma’ kulħadd, biex insalva
lil kulħadd. Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju biex ikolli sehem minnu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Mt 8, 17
Hallelujah. R/. Hallelujah
Kristu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna,
u tgħabba bil-mard tagħna.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ġesù jfejjaq ħafna morda minn bosta mardiet.
Mk 1, 29-39
Qari
mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli ħarġu mis-sinagoga u baqgħu sejrin ma’ Ġakbu u
Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda
bid-deni, u malajr qalulu biha. Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U
d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.
Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx,
ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan.
U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull
xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom
jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.
L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq,
qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u sħabu l-oħrajn
marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik”. U qalilhom:
“Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll,
għax għalhekk ħriġt”.
U dar il-Galilija kollha, jippriedka
fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|