Din hija il-Liturgija tas-Sitt Hadd matul is-sena ( 2021 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kalamitá kbira ġratlu l-bniedem f’xi mument tal-iżvilupp
tiegħu. Il-poplu Lhudi, li kellu
esperjenza ta’ Alla mill-aktar intimà, ġie mdawwal fuq dan u niseġ l-istorja
ta’ Adam u Eva biex jitfa’ dawl fuq dan il-fenomenu ikrah. Il-bniedem safa ferut serjament. Instamat waħda kbira u kull ilma issa jaħsbu
misħun. Dan welled ġewwa fih biża’,
tħassib, insigurtà, ma jafda lil ħadd u, fuq kollox, egoiżmu. Min iħossu mhedded jew inkwetat m’għandux
moħħ ħaddieħor. Malli Adam inkixef li
dineb, waħħal f’martu. Kajjin qatel lil
ħuh. Lamek ftaħar li min jonqsu ikollu
jpatti għal sebgħa u sebgħin darba.
Għaliex din in-niżla lejn il-qerda?
Il-bniedem beda jibża’ u beda jħoss il-bżonn jiddefendi lilu nnifsu u
jaħseb għal rasu għax inqata’ minn Alla li ħalqu. Beda jaħseb ħażin fiH. Għebet l-Imħabba. Mil-lum ’il quddiem inħobbok jekk
tħobbni. Dan hu d-dnub.
L-umanità hi marida bid-dnub bħalma kien jimrad bniedem bil-ġdiem. Id-dnub ta’ wieħed jaqtgħu mill-bqija. Kulħadd għal rasu. L-oħrajn jitbegħdu minnek
għax id-dnub tiegħek iniġġeż l-arja. U
m’hemmx dnub li jagħmel il-ħsara lis-soċjetà u ieħor le għax isir
fis-sigriet. Kull dnub joqtol
lill-familja tiegħek, lil ta’ madwarek fuq ix-xogħol, fl-ambjent tiegħek. Finalment kull dnub, hu x’inhu, jeqred
il-Knisja, jekk int mgħammed, u lill-pajjiż, u, saħansitra l-umanità kollha.
Hu faċli tissoponi li ħalliel jeqred lil min jisraq; li
wieħed li jħobb iqassas fuq ħaddieħor iweġġa’ lill-proxxmu; li min jagħti
skandlu jkun jikkorrompi liż-żgħar... imma anke jekk tara l-pornografija
fis-sigriet, jew tidneb bla ma jarak ħadd, int tkun qed tfieri lill-Imħabba
għax tkun qed teqred il-kapaċità tiegħek li tagħmel it-tajjeb. Dan ikisser lill-oħrajn. Kull dnub joqtol is-soċjeta anke l-iktar
wieħed moħbi. Wieħed imur għax-xogħol
bil-buli u ma jiflaħx għan-nuqqasijiet ta’ sħabu għax mhux iħossu sew. Jgħidu: “Dan x’għandu llum?” Jekk ikun hemm xi profeta fosthom (!), malajr
jgħid f’qalbu: “Dan dineb; u issa hu vojt; u ma jiflaħ għal ħadd.” “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?” (Rum. 7, 24).
Id-dnub tan-Nisrani hu iktar serju minn dak tal-pagan
għax ifieri lill-Knisja. Il-Knisja hi
l-ġemgħa ta’ nies magħmulin minn Kristu bħala Dawl għad-dinja, melħ u
ħmira. Servizz vitali u mportanti! Imma meta jien nidneb, anke bla ma jarani
ħadd, jien li suppost jien Dawl insir dlam u nkun qed inċajpar il-missjoni
tal-Knisja b’risq id-dinja. Id-Dawl
tagħha jonqos bla ma ħadd ikun jaf għaliex.
Huwa d-dnub li jeqred lill-Knisja.
L-ebda persekuzzjoni ma qatlet lill-Knisja, anzi, oħroġ il-għaġeb, iktar
kemm tkun ippersegwitata iktar tikber!
Dan dejjem ġara fl-Istorja tagħha.
Id-Dawl tal-Knisja tmewwet meta hi kienet ixxamplata, protetta, għanja
bil-ġid tal-art. Dawn kollha huma
kundizzjonijiet li jiġibu d-dnub magħhom.
Bħalma d-dnub hu l-marda tal-ġdiem għad-dinja, it-talb hu
l-kontra; hu l-fejqan. Anke meta wieħed
jitlob fis-sigriet, fejn jaraħ u jisimgħu Alla waħdu, dan it-talb ikollu qawwa
tal-għaġeb. Darba wieħed evanġelizzatur
intbagħat biex iwassal il-Vanġelu f’belt fil-Kanada li kienet pagana
għall-aħħar u fejn fallew dawk kollha li marru qablu jippruvaw inisslu komunità
ċkejkna ta’ Nsara. Kien post iebes
għall-aħħar, anti-Kristu, anti-Knisja, u dejjem iżżuffjettaw b’kull Nisrani li
għadda minn hemm. L-allat il-veri għalihom
kienu l-flus, iż-żina u l-vjolenza.
Meta dan il-bniedem tal-istorja tagħna wasal hemm, hu ma
daħalx fil-belt, imma mar fi xtajta kbira li kien hemm fil-qrib, sab post
imwarrab fejn ma jarah ħadd, ħaffer ħofra kbira daqs qabar, niżel fiha u beda
jitlob kemm jiflaħ għan-nies li fosthom kien intbagħat. Talab jum sħiħ; tnejn; tlieta. Fir-raba’ jum, f’daqqa waħda ħass li t-talb
tiegħu kien instema’. Ħareġ mill-ħofra,
daħal il-belt, mar fl-ikbar pjazza, u hemm, fin-nofs, bħal Ġona, beda jixli
lin-nies bi dnubhom u jxandrilhom l-Imħabba ta’ Alla għal kull min jindem. Għamel furur!
Il-folol bdew jiżdiedu. Il-Mulej
kien miegħu b’qawwa kbira. Kbar kienu
l-ġmiegħi li kkonvertew u l-Knisja reġgħet ixxettlet f’dak il-post.
Il-kontra kien ġara lill-armata ta’ Ġożwe li kienet qed
titqabad biex Iżrael jakkwista l-Art Imwegħda wara li l-Mulej kien ħareġ
lill-poplu tiegħu mill-Eġittu. Il-belt
kbira ta’ Ġeriko kienet ġiet mirbuħa meta waqgħu is-swar tagħha, iżda meta
ġranet wara ġiet attakkata l-belt ċkejkna ta’ Għaj, il-poplu qala’ xebgħa! Ġożwe xamm li kien hemm id-dnub moħbi
x’imkien. Alla kien qalilhom biex minn
Ġeriko ma jmissu xejn, iżda wieħed, wieħed biss, u bil-moħbi, kien seraq xi
affarijiet u mar ħbihom fit-tinda tiegħu.
Inqabad u l-poplu tnaddaf bil-kastig tiegħu.
Il-marda tal-ġdiem kienet twerwer lil kulħadd
fl-imgħoddi. Illum, il-lebbra hi
kkontrollata mill-mediċina u m’għadhiex il-marda qerrieda li kienet. Kienu jqabbluha mad-dnub li jiekol laħam
ir-ruħ u jinxtered bħall-mard li jittieħed.
Il-Levitiku kien jordna lill-imġiddem biex jinqata’ mis-soċjetà u jmur
jgħix x’imkien waħdu maqtugħ minn kulħadd.
Dan għall-ġid komuni biex il-komunità tkun meħlusa mit-tixrid tal-marda. Illum, is-soċjetà ma tikkonfondix li
tittieħed mill-ġdiem tad-dnub. Anzi
lid-dnub tawh iċ-ċittadinanza, darba qal San Ġwanni Pawlu II. Id-dnub sar dritt tal-bniedem u hu mħares
mil-liġijiet ta’ ħafna pajjiżi. Qed
niżirgħu ir-riħ u għad naħsdu r-riefnu.
Imma quddiem id-dnub tal-bniedem li qed joqtlu bla ma dan
jinduna, il-Missier xeħet xita ta’ grazzji bil-Misteru tal-Għid ta’ Ibnu. Salm 32 se jgħidilna fil-Liturġija tal-Kelma:
Hieni
l-bniedem li ħtijietu maħfura, li għandu d-dnub tiegħu mistur! Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu
l-Mulej, u ma għandu ebda qerq f’qalbu!
(S. 32, 2). Kif jista’
d-dnub ma jibqax iktar magħdud, jinħafer, jitgħatta u jsir mistur? Il-ġustizzja titlob il-kastig, imma għaliex
huwa mbierek dan il-bniedem u dnubu għab?
Għax il-Ħaruf ta’ Alla, Kristu Ġesù, ħa fuqu d-dnub tiegħu u patta
għalih Hu! Din hi l-Aħbar it-Tajba li
aħna lkoll għandna bżonn nisimgħu. Dan hu l-fejqan għall-imġiddem. Imma rridu nemmenu fil-merti ta’ Kristu! Mhux il-merti tagħna li jfejquna imma l-merti
glorjużi ta’ Kristu. Huwa s-Salib tiegħu it-tama wadanija tagħna u xejn
aktar. Ħafna ma jemmnux u jibqgħu
mgħarra fil-mard tal-ġdiem spiritwali.
Imma mbierek l-imġiddem tal-Vanġelu tal-lum!! Hu resaq lejn Ġesù u emmen fih u talbu b’qalb
umli, imċekkna mill-mard li kellu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni!” (Mk. 1, 40).
Immaġina lill-midneb li jixtieq jeħles mid-dnub, mill-vizzju,
mid-drawwiet tiegħu, imma hu dgħajjef wisq.
Ma jistax ifejjaq lilu nnifsu.
Liema bniedem jista’ jagħmlu dan?
Imma hemm triq miftuħa. F’qalbu
jgħid li jekk Kristu jrid, Hu jista’ jfejjqu.
Immaġina ftit... Imqanqal
mill-ħniena Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu:
“Irrid, kun imnaddaf!” (Mk. 1,
41). Hu messu u fejqu. Messu bla ma tqażżeż minnu. Ħa nkunu ċerti aħna, li ikrah kemm hu ikrah
id-ndub tagħna, jekk jitqażżiżna kulħadd, Kristu ma jitqażżiżniex. Hu l-Waħdieni li jħobbna hekk kif aħna,
sfigurati mill-mard li għandna. Imma Hu
jħobbna biex ifejjaqna, mhux iħobbna biex iħallina kif konna. Ħa jagħtina li
nobogħdu d-dnub tagħna, għax l-eqqel tal-mard tagħna hu li m’aħniex nindunaw li
qed jeqred lilna u lil ta’ madwarna.
Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Joqgħod
għalih waħdu u jgħammar ’il bogħod min-nies.
Lev 13, 1-2.45-46
Qari mill-Ktieb tal-Levitiku
Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u
qalilhom: “Meta xi ħadd ikollu fil-ġilda xi qxur jew xi bużżieqa, jew xi
tebgħa bajda, qisha ġerħa tal-ġdiem, jeħduh għand Aron il-qassis, jew għand xi
ħadd minn uliedu l-qassisin.
Il-marid bil-ġdiem għandu jilbes ħwejjeġ
imqattgħa u jħalli rasu mikxufa, u jitgħatta sa geddumu, u jgħajjat: ‘Imniġġes!
Imniġġes!’. Kemm idum marid ikun miżmum b’imniġġes li hu, u jgħix waħdu f’postu
barra mill-kamp”.
Il-Kelma tal-Mulej
SALM
RESPONSORJALI
Salm 31 (32), 1-2.5.11
R/. (7): Int kenn għalija, iddawwarni u
tferraħni bil-ħelsien tiegħek
Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,
li għandu d-dnub tiegħu mistur!
Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,
u ma għandu ebda qerq f’qalbu! R/.
Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,
u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx.
Jien għedt: “Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti”.
U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi. R/.
Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej;
għajtu bil-ferħ, intom ilkoll ta’ qalbkom safja. R/.
QARI II
Ixbhu lili, bħalma jien nixbah lil Kristu.
1 Kor 10, 3-11,1
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Apostlu lill-Korintin
Ħuti, sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu,
tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla. Tkunux ta’ tfixkil, la
għal-Lhud, la għall-Griegi, u lanqas għall-Knisja ta’ Alla. Hekk jiena nogħġob
lil kulħadd f’kollox, bla ma nfittex l-interessi tiegħi, imma tal-ħafna biex
isalvaw. Ixbhu lili, bħalma jien nixbah lil Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Lq 7,16
Hallelujah. R/. Hallelujah
Profeta kbir qam fostna,
u Alla żar il-poplu tiegħu.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Il-ġdiem marlu u ġismu ndaf.
Mk 1, 40-45
Qari
mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, inxteħet
għarkupptejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni!”. Imqanqal mill-ħniena,
Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf!”.
U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf.
U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda
mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna
Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda”.
Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’
kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol
bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn
kullimkien.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|