Din hija il-Liturgija ta' l-ewwel Hadd tar-Randan ( 2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Hu żball kbir jekk inħalltu lill-Kristjaneżmu
mar-reliġjonijiet l-oħra, jew inqisuh bħala xi “reliġjon” oħra. Il-Kristjaneżmu hu bil-bosta iktar minn
“reliġjon”. Hu Aħbar li xxandar li Alla
niżel jgħix mal-bniedem f’mument “X” fl-Istorja; li hemm taqtigħa bejn il-Ħajja
u l-Mewt u li f’Ġesù Kristu, il-Ħajja għelbet il-Mewt u issa l-bniedem għandu
triq miftuħa quddiemu għal Ħajja bla tmiem.
Jekk tiftaħ il-Bibbja tinduna b’din it-taqtigħa li
tisssemma b’xi mod jew ieħor f’kull paġna.
Illum, fil-bidu tal-vjaġġ tagħna tar-Randan, il-Liturġija tippreżentalna
lil Noe u l-familja tiegħu li ħelsu minn ħalq il-Mewt għax Alla kien fidil
magħhom u mal-Wegħda li tahom. Alla jagħmel patt ma’ Noe, u jġedded dan il-Patt
kemm-il darba iktar tard; Patt li se jkun favur il-bniedem fit-taqtigħa tiegħu
biex jgħix, biex jegħleb il-monstru
tal-Mewt. Abraham kien qed jgħix il-“Mewt”
meta kellu Ħajtu mfarrka għax ħass li kien falla għal kollox.
Iżrael għex l-esperjenza tal-Mewt għal sekli sħaħ ta’ jasar
fl-Eġittu. Kemm Abraham u kemm Iżrael
raw il-“Jum tal-Mulej”, l-Għid tar-rebħa tal-Ħajja fuq il-Mewt.
Din il-ġrajja tal-gwerra bejn il-Mewt u l-Ħajja
għad-destin ta’ kull bniedem laħqet l-“apex” tagħha fit-Testment il-Ġdid. Alla bagħat lil Ibnu li twieled f’dinja
mdallma u miġrugħa mill-biża’ tal-Mewt.
Hu ġie biex jerfa’ fuqu l-madmad tal-Mewt li kien ikidd
lill-bniedem. Hu kien jitħassar
lill-kotra li kienet tiġri warajh għax fiH kienet tara ħjiel ta’ xi ħadd li
kellu setgħa fuq il-Mewt. Ma kinux jafu
li Ħajtu fuq din l-art kienet Mixja iffokata lejn il-Golgotha fejn il-Mewt
iltaqgħet mal-Ħajja u belegħtha, iżda l-Ħajja saret il-velenu tal-Mewt għax
kienet aqwa minnha, u l-ġebla tal-qabar inqalbet u Kristu ħareġ rebbieħ fuqha,
l-ewwel bniedem li ġie lura miċ-ċimiterju.
Din it-taqtigħa hija wkoll tagħna, ta’ kull bniedem li
jitwieled f’din id-dinja. Anke aħna
lkoll twelidna bil-biża’ tal-Mewt, u dan għadu jsaltan fuqna. Iżda ġewwa fina hemm miżrugħa żerriegħa ta’
qawwa enormi, iktar minn splużjoni atomika!
Din iż-żerriegħa hija l-Magħmudija li rċivejna ilu, imma li għalkemm hi
tant qawwija, għadha ckejkna u midfuna taħt ħafna terrapien. Din iż-żerriegħa tal-Magħmudija hija r-Rebħa
ta’ Kristu fuq il-Mewt, Rebħa midfuna fil-profond ta’ kull wieħed minna. Allura anke aħna nġorru rebħa fuq l-għadu
tagħna. Ġo fina hemm l-ilma ġieri
tal-Magħmudija li jxandrilna: “Int mhux se tmut! Int għandek b’wirt il-Ħajja ta’ Dejjem! Mhux int se tiksibha imma kisibha għalik
Kristu bil-Misteru tal-Għid tiegħu!”
Hemm bżonn inħammlu biex insibu din iż-żerriegħa, biex
niskopru l-qawwa tal-Magħmudija tagħna.
Hemm Mixja ’il ġewwa fina, għax il-Ferħ, il-Ħelsien, is-sens tal-Ħajja
mhux ’il barra minna jinsabu iżda ġo fina.
Kristu qed jgħammar fina permezz tal-Magħmudija għax biha l-Għid tiegħU,
ir-Rebħa tiegħU ġie ingastata fina. Hu
jinsab fina, u bl-istess mod, aħna fiH, aħna l-Ġisem tiegħU, aħna nagħmlu parti
mill-Ġisem ta’ Dak li rebaħ il-Mewt.
Mela anke aħna għandna l-Mewt tagħna megħluba.
Kull sena r-Randan jiġi biex jgħinna f’dan il-vjaġġ ta’
Ħajja jew Mewt. Fih innifsu hu xbieha
ta’ din iil-Mixja ’il ġewwa fina biex niskopru l-valur bla qjies
tal-Magħmudija. Hemm irridu naslu: li
nitwieldu mill-ġdid, kif qal Kristu lil Nikodemu. Meta l-Magħmudija tikber, għax wara kollox hi
proċess, aħna nibdew ninżgħu lill-bniedem il-qadim li twelidna bih, biex
nitwieldu għal bniedem ġdid, “Il-Bniedem il-Ġdid”, li jixbah lil Kristu, li hu
rebbieħ, bħal Kristu, fuq il-Mewt u dak kollu li jinkwetana, ibeżżagħna,
jisirqilna l-fiduċja f’Alla Missierna.
Iseħħ l-Għid fina! Mid-dlam
għad-dawl, mill-Mewt għall-Ħajja, mill-biża’ għall-eżultanza. Possibbli din il-bidla kollha? Iva!
Mhux bil-ħila tagħna imma bil-Grazzja ta’ Kristu.
Mhux ta’ b’xejn li fil-Lejl tal-Għid hu mportanti li
jkolllna l-Magħmudijiet. L-Għid hu
l-festa tal-Magħmudija, għax il-Magħmudija hi l-Għid li jseħħ fina. Meta l-Magħmudija ssir bl-immersjoni,
is-sinjal ikun iktar ċar u l-ġemgħa preżenti jaraw katekeżi sseħħ
quddiemhom. Bl-“immersjoni” jfisser li
t-tarbija, jew l-adult jitniżżel kollu kemm hu taħt l-ilma. Dejjem hekk kienet issir il-Magħmudija. Xi jkun qed jiġri? Dak li tkun qed tara int! Il-bniedem jinżel taħt l-ilma, sinjal
tal-Mewt għan-natura li wiret mingħand il-ġenituri tiegħu, u jitla’ Ħaj,
bniedem ġdid, immarkat għal dejjem bl-Għid ta’ Kristu, bir-rebħa tiegħU fuq
il-Mewt.
Xi Grazzja! Kemm hi
kbira l-ġenerożità ta’ Alla magħna. Iżda
rridu nżommu f’moħħna li ċ-ċerimonja li rċivejna ta’ trabi, hi biss żerriegħa
għall-ewwel, li trid tikber permezz tal-Kelma li tnissel il-Fidi, permezz
tas-Sagramenti li jsaħħu l-Fidi, u permezz tal-Knisja li tgħinna, tagħmlilna
kuraġġ fil-mumenti tqal, hi Ommna u l-Għalliema tagħna.
Il-Knisja tatina r-Randan biex tfakkarna f’dan kollu li
qed jaħdem fina l-Mulej. Imma Alla, li
hu Mħabba, ma jisforza lil ħadd. Kulħadd
hu ħieles li jqis dan kollu bħala ġawhar, jew jgħaffeġ fuqhom għax iktar jinteressah il-ġandar tad-dinja. Int għandek dan il-ħelsien tal-għażla. Jekk l-intuwizzjoni tiegħek tgħidlek li
fil-Magħmudija tiegħek hemm il-Ħajja ta’ Dejjem, li d-dinja ma tafx x’inhi,
allura obdi lill-Knisja meta tgħidlek li f’dan iż-żmien għandek bżonn issum,
għandek bżonn tiskopri l-ħlewwa tat-Talb, għandek bżonn tħares madwarek, għal
darba, u tara nies li għandhom bżonn l-għajnuna u tgħinhom mill-qalb.
Fuq kollox għandna bżonn nimxu ’l quddiem fil-Fidi. Kristu se jgħidilna f’dan il-Ħadd: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla
waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju.”
(Mk. 1, 15). “Evanġelju”
tfisser “Aħbar Tajba”, “Kerigma”. Liema
“AħbarTajba”? Li l-Mewt hi mirbuħa. Li hu possibbli titwieled mill-ġdid. Li dan mhux xogħol tagħna imma rigal mogħti
b’xejn (Grazzja) mill-Missier lil dawk li jemmnu f’Ibnu. Anzi, din il-Grazzja diġa ġiet mogħtija lilna
dak in-nhar li nagħqadna mal-Knisja bil-Magħmudija. Imma rridu nikbru fil-Magħmudija tagħna. U tgħinna f’dan l-Indiema. X’inhi l-Indiema? Li int tobgħod id-dnub; tobgħod it-taħsir li
writt minn Adam; tobgħod il-bniedem il-qadim li int illum, u tixxennaq li
Kristu jikber fik u jagħmlek “Ġdid”.
Huwa f’dan li jagħmlu sens is-Sawm, it-Talb u l-Karità.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Alla jeħles lil Noè mid-dulluvju u jagħmel patt miegħu.
Ġen
9:8-15
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom:
“Arawni, hawn jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u
ma’ nisilkom warajkom; ma’ kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u
mal-bhejjem, ma’ kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li
ħarġu magħkom mill-arka. Jien nagħmel il-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma
jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet tad-dulluvju; u qatt iżjed ma jkun hemm
dulluvju biex iħarbat l-art”.
U żied jgħid Alla: “Dan ikun is-sinjal tal-patt li jien
qiegħed nagħmel bejni u bejnkom, u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom,
għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem. Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u
jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. Meta niġma’ s-sħab fuq l-art u tfeġġ
il-qawsalla fis-sħab, jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ
ħajja f’kull laħam; u ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dilluvju biex jeqred kull
laħam ħaj”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 24(25):4-5ab,6-7bċ,8-9
R/. (10): Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u
fedeltà.
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.
Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skont it-tjieba tiegħek. R/.
Tajjeb
u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.
QARI II
L-ilma tal-magħmudija jsalva lilkom ukoll.
1 Piet
3:18-22
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba
d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien
mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu, li bih mar ixandar
is-salvazzjoni lill-erwieħ li kienu magħluqa fil-ħabs. Dawn kienu l-erwieħ ta’
dawk li darba ma ridux jisimgħu, meta Alla qagħad jistenna bis-sabar fiż-żmien
li Noè kien jibni l-arka. Ftit, jiġifieri tmienja biss, salvaw bis-saħħa
tal-ilma. Dan l-ilma huwa tixbiha tal-magħmudija, li issa ssalva lilkom ukoll.
Mhux għax tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma għax hi talba lil Alla ħierġa minn
kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu, li tela’ s-sema u qiegħed
fuq il-lemin ta’ Alla u għandu taħtu s-Setgħat u l-Qawwiet tal-anġli.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL
L-EVANĠELJU
Mt 4:4b
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
EVANĠELJU
Kien
imġarrab mix-xitan, u l-anġli kienu jaqduh.
Mk 1:12-15
Qari
mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert erbgħin jum,
jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli.
Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla
u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu
fl-Evanġelju”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|