Thursday, 06 May 2021
           
Home
IT-TIENI HADD TAR-RANDAN (2021) WEGHDA KBIRA TITLOB CAHDA KBIRA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 27 February 2021

Din hija il-Liturgija tat-tieni Hadd tar-Randan ( 2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

tr2.jpg

 

Fl-Antifona tad-Dħul, li diżgrazzjatament hi maqbuża minn ħafna Presbiteri li  jippresjiedu l-Liturġija tal-Ewkaristija, f’dan it-Tieni Ħadd tar-Randan hi meħuda minn Salm 26 u tgħid: “Ejja”, għidt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu.”  Jiena wiċċek infittex, Mulej; la taħbix wiċċek minni.”  (S. 26, 8-9).  Tfittex wiċċ il-Mulej hu li ssir tafu mill-qrib; issir tafu fl-esperjenza, meta tassew ikollok bżonnU; u tagħraf ukoll int min int, tagħraf il-fond tad-dgħufija tiegħek quddiem il-misteri tal-Ħajja u tal-Istorja.  Din l-imbuttatura lejn Alla li ħass is-Salmista hi komuni għal kull bniedem.  Xi darba jew oħra, lkoll inħossu li hemm leħen fil-profond tagħna jsejħilna biex inħallu l-pjanijiet tagħna li dejjem se jwassluna lejn in-nonsens, u nintelqu  fil-filjolanza tal-Missier, fejn hu postna, wara kollox.  Nerħu fil-ġenb ir-raġuni, dak li dejjem ħolom moħħna, u nsiru wlied Alla; nerħu kollox f’idejH għax hu jħobbna u Hu jaf x’inhu l-aħjar f’kull ċirkostanza.

 

Ħafna din l-istedina ma jagħtux kasha u jintelqu mal-merħla ġerrejja.  Il-bniedem tal-lum hu l-iktar wieħed li qed jirnexxilu joħnoq il-leħen ta’ Alla ġewwa fih u dan wassal għall-ħolqien tal-ideja ta’ “Bniedem-Alla”.  Din mhix xi teorija ’l bogħod minna, tafux.  Waħda mit-tentazzjonijiet ta’ Kristu kienet kontra l-Istorja li fassallu l-Missier.  It-tentazzjoni tar-raġuni li tgħidlek biex taħseb għal rasek u ma tafdax f’Alla għax ma tafx biex se joħroġlok.  Il-bniedem pagan, u anke l-bniedem tal-Knisja għandhom it-tnejn problema simili.  Ma jafux x’inhi l-Iskrittura.  Hi kurjuża kif Kristu jwieġeb għal kull tentazzjoni bl-Iskirttura u mhux bir-raġuni jew Kliem ivvintat dak il-ħin.  Tliet tentazzjonijiet – tliet tweġibiet mill-Bibbja.

 

Imma hemm ħaġa enormi taħdem favur Alla fit-taqbida ma’ satana għal ruħ il-bniedem.  Alla hu l-Verità, u kull darba li l-bniedem ifittex is-sens, il-Verità band’oħra, dejjem, dejjem jibqa’ vojt, dipress, għax id-dnub joqtol tassew.  Ħafna jinkwetaw għax jgħidu li l-Knisja tinsab fi kriżi, billi hekk jgħidu l-istatistiċi tal-bnedmin.  Kif tista’ l-Knisja qatt tkun fi kriżi, meta hi l-Ġisem mistiku ta’ Dak li rebaħ il-Mewt.  Fil-Knisja biss hemm ir-rebħa fuq l-ikbar għadu li għandu l-bniedem.  Mhux il-Knisja li hi fi kriżi imma l-bniedem tal-lum.  Dawk li “huma” fil-Knisja tassew; li jafu li fihom jgħammar Kristu u huma parti minn Ġismu bil-Magħmudija ħajja li għandhom, dawn jafu li huma maħbubin għax huma wlied u mhux qaddejja.  Huma wlied is-Sultan u dan jgħarfuh tajjeb waqt it-Talb.  Dawn jinagħtaw għajnejn “ċirkonċiżi” li jaraw dak li ħaddieħor ma jarax.  Għajnejn trasfigurati!  (Ara l-Vanġelu tal-lum). Jaraw is-sbuħija fejn ħaddieħor ma jara xejn u jibqa’ għaddej, moħħu jħammem fuq il-ġandar tal-art.

 

Għajnejn trasfigurati, mibdula, “jaraw” il-Wegħda li Alla jagħmel u li ħafna ma jintebħux biha.  Noe inagħta l-Wegħda tal-Ħajja li ma tiġix meqruda;  Abraham tbellah quddiem l-għaġeb li wegħdu Alla li hu, bniedem sterili daqs id-deżert, li dejjem għex milwi tnejn b’għajnejh iħarsu lejn it-trab tal-art, kien se jnissel ulied iktar mill-kwiekeb tas-sema!  Iżrael, ilsir taħt l-ikbar setgħa dak iż-żmien, hu  mġiegħel minn Alla joħlom b’Art fejn isib lesti għalih “bliet kbar u sbieħ li int ma bnejtx int; u djar mimlija b’kull ġid li ma ħżintx int; bjar imħaffrin, li ma ħaffirthomx int; dwieli u żebbuġ li ma ħawwilthomx int; u tiekol u tixba’.”  (Dewt. 6, 10-11).  Kull min sab lil Alla, sab Wegħda “impossibbli”, “għax għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir”  (Lq. 1, 37), semgħet Marija minn fomm l-Anġlu.

 

Imma dan x’għandu x’jaqsam man-Nisrani, miegħi u miegħek li qed ngħixu llum f’nofs din il-pandemija, f’kultura fejn l-Insara qed isiru dejjem aktar minoranza mġenba?  X’għandhom x’jaqsmu l-Wegħdi mogħtija lil Abraham jew lil Iżrael mal-problemi tagħna... min għadu kif tilef ix-xogħol, min hu mwerwer mill-virus magħluq ġewwa, inkwiet fil-familji, djun x’jitħallsu... ? 

 

Kull ma hemm miktub fil-Bibbja jkellimna fuq il-Ħajja ta’ Dejjem.  Din hi l-Wegħda ta’ Alla fi Kristu.  Nafu x’inhi?  Mhix il-Ġenna biss!  Mhix xi rigal wara l-Mewt għax tkun batejt hawn, kellek xorti ħażina hawn, il-Ħajja għaffġitek hawn u allura l-bniedem jittama għal “wara”.  Il-Ħajja ta’ Dejjem hi aqwa minn hekk.  Tibda ġa minn hawn!  Fid-dinja, madwarna, hawn, f’din il-“Ħajja”, hawn nies “mejtin” u oħrajn “ħajjin”.  Min sab lil Kristu hu “Ħaj”!  Anke hu jsir rebbieħ fuq il-Mewt.  Din il-Grazzja trid tgħixha biex tifhimha għax hi misteru.  “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-Waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”  (Ġw. 3, 16).  Din hi l-Wegħda li hi tiegħi u tiegħek bħalma l-Wegħda ta’ Iżakk kienet ta’ Abraham.  Ġwanni jgħid għall-Insara: “Aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna.”  (1 Ġw. 3, 14).  Il-Wegħda ta’ Alla sseħħ minn hawn u mportanti li sseħħ hawn biex inkunu Sinjal għal tant nies li tilfu l-Fidi u għandhom bżonn jaraw Tama f’Ħajjithom.  Id-dinja għandha bżonn tara Nsara vera li huma Dawl għax il-problemi u d-disfatti u l-persekuzzjonijiet ma joqtluhomx għax huma ġa qegħdin fil-Ħajja għal dejjem.  U dan mhux għax huma bravi, jew aħjar minn ħaddieħor.  Il-Grazzja hi dejjem “gratis”, b’xejn, bla ma tkun mistħoqqa.

 

Iżda llum għandna rakkont li jidher totalment negattiv, li jaħsadna, li ma jixhidx għal Alla tal-Grazzja, tal-Wegħda, li jagħti kollox b’xejn.  Lil Abraham Alla poġġih f’qagħda li ma narawx iżjed bħalha fl-Istorja tas-Salvazzjoni, ħlief fi Kristu.  Nistagħġbu kif dan il-bneidem, dan il-missier, ma ġġenninx fit-taqbida li kellu bejn ir-raġuni u l-Fidi f’Dak li mill-ġuf mejjet ta’ martu ħareġ il-Ħajja.  Dan kien tassew “il-lejl tal-Fidi” għal dan ir-raġel li qatt ma ħolom li kienu se jibqgħu jitkellmu fuqu ħamest elef sena wara.

 

Il-verità kienet li Abraham kien ġa ġie “trasfigurat” mill-Fidi mibnija fuq l-esperjenza, fuq l-Istorja tiegħu.  Aħna mimlijin dubji, issa “ijwa” u mbagħad “le”, titubanti, sieq ’l hawn u sieq ’l hemm, ma nifhmux lil Alla li jitlob tant minn Abraham.  Imma iktar kemm tikber il-Fidi, iktar jaqgħu l-atteġġjamenti ta’ dari, bħall-weraq niexef li jkun għadda żmienu u li jaqa’ maż-żiffa tar-riħ.  Abraham, u anke n-Nisrani li fih il-Magħmudija laħqet il-milja tagħha, jafu ħaġa waħda: Alla hu Qaddis; Alla hu Mħabba; Alla jżomm Kelmtu; Hu jista’ kollox;  Hu ma jqarraqx.  Abraham fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens tat-tixbiha, ħa lil ibnu tabilħaqq lura mill-mewt. (Lhud 11, 19). 

 

Il-mixja tal-Magħmudija tagħna hija proċess ta’ “Trasfigurazzjoni” qajla qajl għax Alla hu mimli mogħdrija u sensittiv immens għad-dgħufijat tagħna.  Fuq it-Tabor, l-appostli ġarrbu għal ftit mumenti l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn.  Huma raw dak li umanament ma setgħux jaraw.  Għajnejhom ġew “trasfigurati”, spiritwalizzati, u raw dak li kien hemm moħbi taħt laħam Kristu, taħt in-natura umana tiegħU.  Huwa minħabba f’hekk li l-bniedem tal-Fidi jwettaq għemejjel li jbeżżgħu lil ħaddieħor.  Għax, wara kollox: Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna?  (Rum. 8, 31).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I


Is-sagrifiċċju ta’ missierna Abraham.


Ġen 22:1-2,9a,10-13,15-18

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!”. U hu wieġbu: “Hawn jien!”.

U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek”. U waslu fil-post li kien semmielu Alla. U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!”. U dan wieġbu: “Hawn jien”. U qallu: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni”.

U Abraham rafa’ għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu. U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu: “Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – ladarba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret bwieb l-għedewwa tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI


Salm 115(116):10,15-19

 

R/. (9): Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin.

Bqajt nemmen, imqar meta għedt:
“Jien imdejjaq ħafna!”.
Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. R/.

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,
jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi.
Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu,
fil-btieħi ta’ dar il-Mulej,
ġo nofsok, Ġerusalemm! R/.

QARI II


Alla lanqas lil ibnu stess ma ħafirha.


Rum 8:31b-34

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li lanqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mk 9:7

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minn ġos-sħaba kollha dawl instama’ leħen il-Missier jgħid:
“Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu”.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU


Dan hu Ibni l-għażiż.


Mk 9:2-10

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.

Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.

Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >