Din hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd tar-Randan ( 2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fl-Istorja umana, Alla dejjem għażel fdal
żgħir biex ikun il-poplu tiegħu. Hu
daħal fil-Ħajja ta’ Abraham biex minnu nissel il-poplu ta’ Iżrael biex dan
il-poplu jkun il-mezz li bih juri lill-ġnus kollha l-verità moħbija imma tant
rejali: li jeżisti Alla Wieħed li ħalaq kollox; li dan Alla hu Mħabba; u li fiH
biss hemm tama ta’ eternità għall-bniedem.
Hu bagħat lil Ibnu l-Waħdieni biex jifrex dan il-fdal fost il-ġnus kollha,
u hekk il-poplu tiegħu sar issa l-Knisja, il-Ġemgħa ta’ dawk li jemmnu tassew
fil-missjoni ta’ salvazzjoni ta’ Kristu li laħqet il-quċċata tagħha fil-ġimgħa
tal-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt tiegħu: l-esperjenza tremenda
tal-Għid ta’ Kristu.
Dan il-poplu tiegħu, Iżrael/Knisja, Alla qatt
ma riedu jkun iktar minn “fdal”. Iżrael
kien “fdal” tal-popli, żgħir, dgħajjef, imdawwar b’għedewwa li dejjem raw fih
ġens stramb, differenti, ċellula maqtugħa għaliha mill-bqija. La kien
differenti, huma dejjem għamlu għalih, kif jgħid Salm 129 jgħid: “Ħabbtuni ħafna sa minn żogħżiti – ħa jgħid
hekk Iżrael – ħabbtuni ħafna sa minn żogħżiti, imma ma rnexxilhomx
jegħlbuni. Bil-moħriet għaddew minn fuq
dahri, raddiet twal bis-swat għamluli.”
(S. 129, 1-3). Kull meta
l-Knisja kienet tassew awtentika, xhud vera ta’ Alla, dejjem ġiet
ippersegwitata, minn barra u kull tant ukoll minn ġewwa l-istituzzjonijiet
tagħha. Kemm Iżrael u kemm il-Knisja,
Alla qatt ma riedhom ikunu iktar minn melħ, dawl, ħmira b’risq il-kumplament
tal-ġnus. Dawn it-tliet eżempji, miġjuba
minn Kristu, fl-ambjent tagħhom huma ċkejknin, kważi irrelevanti, imma ta’
qawwa enormi. Din il-qawwa misterjuża
tal-poplu veru ta’ Alla tidher fil-fatt li huwa jinagħta biex imut għall-bqija
u hekk jirrifletti l-Imħabba ta’ Alla murija fi Kristu li jinagħta bħal Ħaruf
għall-qatla b’risq il-bqija li sikwit mhuma xejn ħlief ilpup imġewħa u ħattafa.
Infatti l-missjoni tal-melħ hu li jinħall, ma
jibqax jidher, imut biex il-borma tieħu t-togħma propja tagħha. Il-musbieħ, jew ix-xema, jew il-bozza li
ddawwal id-dar tinħaraq waqt li ddawwal, sakemm tmut. Il-ħmira tgħib fil-kotra tat-tqiq biex togħla
l-għaġna. Imma l-meravilja hi li din
hija l-mewt li twassal għall-qawmien, għall-Ħajja. Din l-Imħabba li tinagħta, Alla ma jħallihiex
tintemm fil-qabar imma jqajjimha għall-Glorja.
Din hi l-esperjenza ta’ Iżrael.
Din hi l-esperjenza tal-Knisja.
Din hi l-esperjenza tal-Għid.
Allura fil-qalba tal-Istorja tal-bniedem
dejjem kien hemm din l-Imħabba li tinagħta.
Hi dgħajfa u qajla tidher, ma tagħmilx ħsejjes. Il-ħsejjes jagħmluhom l-avvenimenti politiċi,
militari, ekonomiċi, soċjali. Ħadd ma
jgħid kemm hu tajjeb il-melħ, imma kemm ġiet tajba l-minestra. Kulħadd japprezza d-dawl tal-kamra imma ħadd
ma jagħti kas tal-bozza. Dejjem hekk
kien. Alla jagħżel id-dgħufija tal-mezzi
li juża, biex tidher iktar il-Glorja tiegħu għax hi l-Glorja tiegħU li ssalva
lill-bniedem.
Dan
kollu hu xbiha tal-missjoni ta’ Kristu, naturalment. Huwa hu l-Imħabba li tinagħta bla ma tistenna
xejn lura, per eċċellenza. Huwa hu
l-melħ li jinħall u jisparixxi, imma li jiġi mqajjem rebbieħ fuq kollox. Huwa hu d-Dawl li dejjaq lill-bnedmin sa ma
tfewh u għalquH ġo qabar, imma li xtered sal-ibgħad irkejjen tad-dinja. Biex iħejji “fdal” umli li bih jagħmel
l-għeġubijiet, Alla kellu battikata (biex nużaw kelma li ma tantx tixraq lil
Alla!) prima. Iżrael kien poplu ta’ ras
iebsa! Bħal fuħħari determinat li
miċ-ċappa tafal li kellu quddiemu jagħmel Opra stupenda, Alla jdum seklu wara
seklu jsaffi l-poplu minn dnubu.
Il-problema dejjem kienet in-nuqqas ta’ fiduċja, ta’ fidi, li għamlet
minn Ġerusalemm belt infidila lejn Alla.
Din l-infedeltà, li hija wkoll l-infedeltà
tagħna, bla ebda dubju, hi l-frott tal-ġerħa fil-profond tal-bniedem kawżata
mis-suspett li daħal fin-natura umana fil-ġenesi, fil-bidu tal-eżistenza
tiegħu. B’xi mod, il-bniedem laqa’ fih,
irraġuna, żamm ħsieb infernali li Alla kien rival tiegħU. Għaraf li kien jaqbillu jitħabbeb miegħU għax
kellu bżonnU; kien jaqbel jixtriH b’xi opri tajba. Din il-mentalità qatt ma kienet mibnija fuq
Imħabba, imma fuq Liġi, fuq “nagħmlu hekk, xi trid tagħmel!” Iżrael ra għeġubijiet minn Alla li kien xhieda
tal-Imħabba ta’ Missier li ma kienx hemm għalfejn “tixtriH” biex jagħtik
sigurtà, imma n-natura tal-bniedem hi dik li hi. Ftit kienu l-bnedmin li tassew ħabbew lil
Alla.
Ir-riżultat kien li kemm Iżrael, u anke
l-Knisja, kull meta għaddew minn żmien “komdu” kienu jitbegħdu f’qalbhom minn
Alla u jisirqu l-Glorja li kienet tiegħU.
Alla kien “jonġor” il-poplu tiegħu bil-profeti, fil-kas ta’ Iżrael, u
b’qaddisin kbar, fil-kas tal-Knisja.
Dejjem kien hemm din ir-relazzjoni mqallba bejn Alla u l-“fdal”, li dejjem
kellu bżonn jissaffa iktar biex jitnissel minnu l-Messija Salvatur
għad-dinja. Alla qatt ma jikkastiga,
bil-mod li tikkastiga s-soċjetà bil-qrati u l-ħabsijiet tagħha. Il-kastig ta’ Alla hu dejjem mediċinali, mhux
biex joqtol jew jivvendika ruħU, imma biex ifejjaq, biex isaffi, biex jagħġen
it-tafal sakemm ikun jista’ jagħmel bih dak il-ġmiel li għandu ppjanat
Alla.
L-Ewwel qari jkellimna fuq l-esperjenza tant
diffiċli li Alla daħal lil Iżrael fiha meta itturrufnah f’Babilonja. Kienet esperjenza umana terribbli. Ġerusalemm ġiet meqruda bit-Tempju b’kollox;
il-biċċa l-kbira tal-poplu sar refuġjat f’art barranija; l-Art Imwegħda li
kienet tgħaxxaq, tħarbtet u ma nħadmitx għal sebgħin sena. Salm 116 juri d-disperazzjoni, in-niket
tal-poplu, in-nostalġija għall-art u l-belt li tilfu, b’mod
impressjonanti. “F’xatt ix-xmajjar ta’ Babel, hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna, aħna u
niftakru f’Sijon. ‘Għannulna mill-għana
ta’ Sijon’, qalulna dawk li jassruna.
Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej f’art barranija? Ħa tibbiesli idi l-leminija jekk ninsa lilek,
Ġerusalemm! Ħa jeħilli lsieni mas-saqaf
ta’ ħalqi jekk ma niftakarx fik! (S. 137,
1w).
Mur għid lill-bniedem li dan kollu kien frott l-Imħabba
misterjuża ta’ Alla!! Kemm drabi,
(ilkoll xorta aħna!), kemm drabi nikkonvinċu ruħna li Alla mhux veru li hu
Mħabba, anzi nsiena, anzi hu “tough” magħna, meta l-Istorja tniżżilna ġo xi
wied waħxi fejn il-Mewt tħares lejna mil-lemin u mix-xellug? Kemm drabi ħsibna ħażin fiH! Qatt ma jaħbat ma’ moħħna li dak ikun
il-Misteru tal-Għid li Alla jkun jaħdem fina!
Mogħdija minn Mewt għal Ħajja dejjem aqwa minn ta’ qabel. Dejjem hekk ħadem ma’ Iżrael; dejjem hekk
ħadem mal-Knisja. Wara kollox hekk ħadem
ma’ Ibnu. Iżrael ma mietx f’Babel. Ġie lura b’fidi iktar soda, imsoffija
mit-tiġrib u anke mill-iskoperta tal-Kelma ta’ Alla li saret iċ-ċentru
tas-sinagoga li taf il-bidu tagħha appuntu fl-Eżilju.
Mhux dejjem hekk ġara lill-Knisja? Fil-qalba ta’ żminijiet imwergħa, fejn
il-Knisja lanqas biss kienet għadha tinagħraf, Alla dejjem saffiha. Bħal fi żmien il-Missirijiet tal-Knisja, bħal
fi żmien l-irħieb tad-deżert, bħal fi żmien il-Konċilji kbar tal-ewwel sekli,
fi żmien l-ordnijiet u l-monasteri, il-kontroriforma, il-Konċilju ta żmienna. L-istess anke fil-ħajja tiegħi u
tiegħek. Xejn ma jiġri għalxejn. Alla qed isaffi l-ħin kollu biex nixhdu b’mod
veru għal Kristu. “Għax Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min
jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex
jagħmel ħaqq minnha, imma biex bih hija ssalva.” (Ġw. 3, 16-17).
San Pawl, fl-Ittra lill-Efesin, illum għandu innu
tal-għaġeb dwar l-opra manjifika li l-Missier qed iwettaq fina, permezz
tal-merti ta’ Ibnu u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Aħna li konna mejta fi dnubietna u fin-natura
mħassra li writna minn Adam, ġejna mogħtija minnU Ħajja Ġdida, natura ġdida,
natura ta’ Alla nnifsu bla ma mmeritajna xejn, u għalhekk aħna ġa salvi, bi
grazzja, mhux għax aħna tajbin jew aħjar minn ħaddieħor. Tafal bħal ħaddieħor aħna! Noqogħdu attenti li ma nirvinawx ix-xogħol li
Alla qed jaħdem fina. Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi;
u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma
jiftaħar. (Ef. 2, 8-9).
Ir-Randan, anke r-Randan ta’ din is-sena li għal
darb’oħra hu mfixkel mis-sitwazzjoni preżenti li għadna ma nistgħux ngħarfu
s-sens tagħha, ir-Randan jiġi biex iqajjimna mit-telqa tal-Mixja tagħna u
jixprunana biex innaddfu għajnejna li ma jmurx li d-Dawl jgħamina, dak id-Dawl
li idda minn ġol qabar miftuħ. “Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod
id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn
id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu.”
(Ġw. 3, 20-21).
Il-Liturġija tal-Kelma għal-lum:
QARI I
Il-jasar u l-ħelsien tal-poplu huma sinjal tal-korla u l-ħniena tal-Mulej.
2 Kron 36:14-16,19-23
Qari mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki
F’dak iż-żmien, il-kbarat kollha
tal-qassisin u l-poplu komplew jidinbu u jagħmlu l-qżiżijiet kollha tal-ġnus, u
niġġsu t-tempju tal-Mulej li hu kien qaddes f’Ġerusalemm.
U billi ġietu ħasra mill-poplu tiegħu, u
mill-għamara tiegħu, il-Mulej, Alla ta’ missirijiethom, kien ta’ sikwit jibgħat
iwiddibhom bil-messaġġiera tiegħu. Iżda huma kienu jiddieħku bil-mibgħutin
tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu, sa ma saħnet il-korla
tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar. U ħarqulhom
it-tempju ta’ Alla, ġarrfu s-swar ta’ Ġerusalemm, taw in-nar lill-palazzi kollha
tagħha, u hekk qerdulha kulma kellha prezzjuż.
U dawk li ħelsu mill-qerda tax-xabla,
Nabukodonosor eżiljahom lejn il-Babilonja, u baqgħu suġġetti għalih u għal
uliedu, sa ma ġew jaħkmu fuqhom il-Persjani. Hekk seħħ dak li qal Alla b’fomm
Ġeremija: “Sakemm tgawdi l-art il-mistrieħ ta’ Sibtijietha, ma tinħadimx l-art
iż-żmien kollu tal-ħerba tagħha, sa ma jgħaddu sebgħin sena”.
Fl-ewwel sena ta’ Ċiru, sultan tal-Persja,
biex isseħħ il-kelma tal-Mulej li kienet intqalet b’fomm Ġeremija, il-Mulej
qanqal lil Ċiru, sultan tal-Persja, u dan xandar proklama fis-saltna tiegħu
kollha, saħansitra bil-miktub, li kienet tgħid: “Dan jgħid Ċiru sultan
tal-Persja: ‘Il-Mulej, Alla tas-sema, tani f’idejja s-saltniet kollha tal-art,
u hu qabbadni nibnilu tempju f’Ġerusalemm, li hi f’Ġuda. Kull min minnkom hu
mill-poplu tiegħu, ħa jkun il-Mulej miegħu, u jitla’’”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
136(137):1-2,3,4-5,6
R/. (6a): Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’
ħalqi,
jekk ma niftakarx fik, Ġerusalemm!
F’xatt ix-xmajjar ta’ Babilonja,
hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna,
aħna u niftakru f’Sijon.
Mas-siġar tal-luq tagħha,
dendilna ċ-ċetri tagħna. R/.
Għax hemm, dawk li ijassruna,
talbuna ngħannulhom xi għanja;
dawk li hemm għakksuna
stennew minna għana ta’ ferħ:
“Għannulna mill-għana ta’ Sijon”. R/.
Kif
nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej
f’art barranija?
Tibbiesli idi l-leminija,
jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm! R/.
Jeħilli
lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,
jekk ma niftakarx fik,
jekk ma nżommx ’il Ġerusalemm
’il fuq minn kull ferħ tiegħi! R/.
QARI II
Kontu mejta minħabba fid-dnubiet, u bi grazzja intom salvi.
Efes 2:4-10
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Efesin
Ħuti, Alla, għani fil-ħniena tiegħu,
bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi
dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu – bi grazzja intom salvi.
Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù, biex juri
fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera
magħna fi Kristu Ġesù.
Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi;
u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma
jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba
li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 3:16
Glorja
u tifħir lilek, Kristu!
Alla hekk ħabb lid-dinja
li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
EVANĠELJU
Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva.
Ġw 3:14-21
Qari
mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak
iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk
jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja
ta’ dejjem.
Għax
Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma
jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu
fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz
tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa
kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.
U
l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam
aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel
il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx.
Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla
f’għemilu”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|