Thursday, 06 May 2021
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TIENI HADD TAL-GHID (2021) KRISTU MAGHMUL SPIRTU LI JINAGHTA LILNA
IT-TIENI HADD TAL-GHID (2021) KRISTU MAGHMUL SPIRTU LI JINAGHTA LILNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 11 April 2021

Din hija il-Liturgija tat-Tieni Hadd ta' L-Ghid (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gesu_u_tomas.jpg

 

L-Għid il-Kbir ta’ Sidna Ġesù Kristu tant hi ġrajja enormi għall-Knisja, tant hi fil-qalba tal-Bxara t-Tajba li hi tħabbar lid-dinja, lili u lilek, li għamlet din il-ġimgħa li għaddiet tirrepeti liturġikament kuljum il-“Memorjal” kbir, l-Otava tal-Għid.   Mhux biss imma issa daħlet fi żmien twil ta’ ħamsin jum li fih hi tkompli tifraħ bir-rebħa fuq il-Mewt tal-Għarus tagħha – ħamsin jum tal-Għid sal-Pentekoste.  Għan-Nisrani mhux permess it-tgergir f’dan iż-żmien!  Mhux permess is-sawm jew penitenzi oħra għax dan hu żmien ta’ Festa, Festa waħda, Festa ta’ Ħamsin jum.

 

X’ġara mela?  Ġisimna ma jara xejn li ġara ta’ barra minn hawn.  Ħafna minna t-Tnejn filgħodu, l-għada tal-Għid, telqu lejn ix-xogħol bħas-soltu; il-ħajja tal-familja reġgħet qabdet ir-rutina; it-traffiku baqa’ għaddej qisu mhux hu u t-tpespis tal-għasafar tal-bejt ifakkar li din hi r-rebbiegħa, żmien il-bejtiet u ż-żgħar tagħhom.  Imma l-bniedem tal-Fidi jifraħ u jeżulta għax il-Mewt intrebħet, Hallelujah!  Iktar kemm nikbru fil-Fidi iktar nikbru f’dan il-ferħ enormi, f’dan is-serħan tal-moħħ, iktar nikbru fil-garanzija, fiċ-ċertezza li aħna diġa għaddejna għall-Ħajja ta’ Dejjem anke jekk għandna niġru fuq din il-pjaneta.  Meta nikbru fil-Fidi ma nkunux nagħmlu pjaċir lil Alla imma lilna nfusna, għax pari passu mal-Fidi li tikber, jonqos il-biża’ tal-Mewt u ħafna mill-problemi ta’ din id-dinja, saħansitra l-mard, jidhru theddida ferm iċken.

Il-ġisem tagħna ma jistax jifhimha din, imma bir-rebħa tiegħu fuq il-Mewt, Kristu ma rebaħx hu biss, imma rebaħ għalina.  Ir-rebħa tiegħu hija r-rebħa tagħna, il-Ħajja ta’ Dejjem tiegħu hija l-Ħajja ta’ Dejjem tagħna.  Fuq kollox, il-Missier għamlu Spirtu ta’ Ħajja għal dejjem li jinagħta lil dawk li jemmnu fih.  Din hi l-kbira!  Il-Missier ried li jinfirex mad-dinja kollha dan l-Ispirtu qaddis, l-Ispirtu s-Santu, li huwa l-għajn tal-Ħajja kif riedha Alla fil-bidu, Ħajja bla tmiem, Ħajja ta’ maħfra mid-dnubiet kollha, Ħajja ta’ ġustifikazzjoni għalina għax issa aħna ġusti quddiem il-Missier mhux għax sirna qaddisin imma għax il-merti ta’ Kristu saru l-merti tagħna.  Dawn l-affarijiet kollha li rebaħ Kristu ġew ingastati fina fil-Magħmudija.  Hemm ġew, fina, jinsabu.  Fina tinsab il-kapaċità li nħobbu bħal Kristu, li nxandruh lil min ma jemminx bih u nirrakkontaw x’akkwistajna bih, il-kapaċità li nobdu l-Liġi meta qabel ma konniex kapaċi, li ngħelbu d-dinja bil-ġibdiet u t-theddid tagħha, il-kapaċità li tgħinna nifhmu dak li nemmnu, u li jkollna xhieda ġewwa fina ta’ kemm iħobbna Alla l-Missier, l-Abba tagħna.

 

Dan kollu jiġi għandna bir-rebħa ta’ Kristu fuq il-qabar.  Mhux ta’ b’xejn li l-Purtiera tat-Tempju ċċarrtet fi tnejn. Kienu jafu xi tfisser il-Lhud, din il-Puritera kbira u tqila. ’Il ġewwa minna biss kienet tgħammar il-Ħajja bla tmiem li hi ta’ Alla waħdu.  Imma bis-sagrifiċċju ta’ tpattija li wettaq Kristu, din il-Ħajja issa toħroġ minn hemm qisha l-ilmijiet li jferrgħu miġnuna għal ġod-deżert meta tinfaqa’ d-diega.  Id-deżert isir miżgħud bl-ilma u jinbidel fi ġnien imsoqqi tajjeb.  Id-dinja tifraħ u magħha l-anġli tas-sema, mistagħġba bil-bidla sorprendenti li seħħet.  Meta kollox deher mitluf, ekku r-Rebħa l-Kbira!

 

Mela Kristu issa sar Spirtu ta’ Ħajja li jinagħta lill-bnedmin u li ma jista’ jeħodhielhom ħadd.  Għalhekk issa l-Knisja tibda tistenna liturġikament il-Festa l-oħra l-kbira tagħha: il-Pentekoste.  Xi ġmiel!  Ejjew nistennew li nikbru f’dan l-Ispirtu li ġa inagħtalna, kif għidna, imma li hemm bżonn niskopruh fina, inħolluh mill-faxex tal-bniedem il-qadim ħsiebu biss f’din l-eżistenza li trid tintemm, u nħalluh ikaxkarna miegħu.

 

Huwa dan l-Ispirtu, l-Ispirtu s-Santu, li jnissel fina l-ħelsien tal-Fidi Nisranija, il-Fidi li l-Mewt tagħna ntrebħet minn Kristu.  Il-Fidi hi don tal-Ispirtu.  Ħadd ma jista’ jkabbarha hu l-Fidi tiegħu. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jaħdimha fina permezz ta’ bosta mezzi li juża, fosthom il-Kelma ta’ Alla, is-Sagramenti li bihom hu jikber fina, l-aħwa fil-Knisja li jgħinuna bħalma aħna ngħinu lilhom... u anke, u din hi kurjuża, jinqeda bl-Istorja li qed ngħixu, anke bis-Salib li nġorru.

 

Huwa dan l-Ispirtu, l-Ispirtu s-Santu li jsir Nar ta’ Mħabba fina, b’tali mod li jinagħtawlna l-għajnejn ta’ Kristu meta nħarsu lejn il-proxxmu.  Ma narawx iktar rivali u nies li jgħadduna fit-tellieqa tal-ħajja.  Dan kollu għadda.  Issa għandna l-Ħajja ta’ Dejjem ġa għandna fi Kristu u dan hu għana enormi li jserħilna rasna.  Seħibna jsir Kristu ieħor!  Fejn issib lil Kristu?  Fil-proxxmu!  Dan jgħidu l-ħin kollu l-Vanġelu.  Imma jrid jaħdem l-Ispirtu s-Santu għax għall-ġisem dan hu ġenn.

 

Huwa dan l-Ispirtu, l-Ispirtu s-Santu li jimliena b’ħeġġa li nitkellmu fuq Kristu u l-ġid li rebħilna.  Jekk għadek fqir u mejjet, ilsir magħluq fiċ-ċella tal-imgħoddi, kif tista’ xxandar x’għamel miegħek Kristu?  Imma bid-dawl li jagħtik l-Ispirtu s-Santu int tiftaħ ħalqek, kif fetħu Żakkarija wara l-muta, u titkellem bla sforz fuq dak li jkun rejaltà fik.

 

Huwa dan l-Ispirtu, l-Ispirtu s-Santu li jneħħi minn fuq spallejna l-madmad tal-Liġi.  Qabel konna nies sempliċement “reliġjużi” li jixtiequ jkunu tajbin u jobdu l-Liġi ta Alla.  Imma x’kienet l-esperjenza tagħna?  Li l-Liġi mhu kapaċi jobdiha ħadd.  Allura l-ħajja spiritwali tagħna kienet immarkata minn waqgħat waħda wara l-oħra, taqa’-tqum, taqa’-tqum u dejjem nafu li nwegħdu kemm inwegħdu, kollu ta’ xejn.  Imma l-Ispirtu s-Santu jwegħedna li aħna se ninagħtaw natura ġdida flok dik li ħadna minn Adam!  Natura divina għax tixbah lil dik ta’ Kristu!! 

 

Xi jgħid San Ġwann fit-tieni qari tal-lum?  “Il-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal; għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb id-dinja.”  (1 Ġw. 5, 3).  Għal Ġwanni, bħal sħabu l-appostli l-oħra, il-Liġi qaddisa kienet altru li tqila, qabel.  Kien jaf li l-Iskrittura kienet tgħid li l-bniedem ġust jaqa’ seba’ darbiet  kuljum.  Issa qed jgħid quddiem kulħadd li l-għemejjel ta’ Alla m’għadhomx tqal, u dan bir-raġun, għax in-Nisrani jimtela bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u r-Rieda tal-Missier hi naturali għal dan il-bniedem il-ġdid imwieled mill-Ispirtu.

 

Huwa dan l-Ispirtu, l-Ispirtu s-Santu li bih ngħelbu d-dinja, bil-ġibdiet u s-seher li għandha fuq ġisimna.  Negħlbu wkoll il-kundizzjonamenti u t-theddid tal-kultura pagana tagħha.  Negħlbu l-mistħija li dari kienet iġġegħlna nħossu kull meta jissemma’ l-Isem Qaddis ta Ġesù.  Imma bl-Ispirtu s-Santu, issa nafu min hu Ġesu.  Ġesù hu Dak li għandu dak li d-dinja, bl-arroganza tagħha, m’għandhiex: il-Ħajja ta’ Dejjem!  “Għax min hu dak li jegħleb id-dinja jekk mhux dak li jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla?”  (1 Ġw. 5, 5).   U l-prova ta’ din ir-rebħa fuq id-dinja huwa l-fatt li aħna ninagħtaw “għana” ġewwieni, sliem, garanżija ta’ rebħa fuq il-Mewt u l-bqija, ġid li ma tixtrihx bil-ġid kollu tal-art u ħadd ma jista’ jmissulek.  “B’qawwa kbira, l-appostli kienu jagħtu xhieda li tal-qawmien tal-Mulej Ġesù... u kull min kellu oqsma jew djar kien ibiegħhom u l-flus li kien idaħħal minnhom kien imur iqegħdhom f’riġlejn l-appostli.”  (Atti 4, 33w).

 

Huwa dan l-Ispirtu, l-Ispirtu s-Santu li jgħinna nifhmu dak li qabel kien misteru fil-Fidi tagħna.  Għax hemm misteri li l-Missier  jixtieq li aħna nifhmuhom, speċjalment il-Misteru tas-Salvazzjoni tagħna biex  inkunu tassew nistgħu niżżu ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħna.

 

U mhux l-inqas, huwa dan l-Ispirtu, l-Ispirtu s-Santu li fil-profond tagħna jixhdilna li aħna maħbubin mill-Missier, li aħna ċ-ċkejknin tiegħu, li għalina Hu ra li kien vallapena li jħalli lil Ibnu f’dik it-tbatija terribbli li għadna kif fakkarna biex jien u int ngħixu għal dejjem!  Kristu jgħid: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu!”  (Ġw. 20, 29).  Tassew henjin aħna jekk  inħossu din ix-xhieda tal-Ispirtu s-Santu ġewwa fina anke waqt it-tribulazzjonijiet.  Henjin aħna jekk meta s-salib jinżel fuq spallejna, bħalma jinżel fuq kull ħaj, jemmen jew ma jemminx, nisimgħu l-leħen ħlejju tiegħu li jfarraġna u jinterpretalna l-Istorja billi jgħidilna: “Kuraġġ!  Alla jħobbok!  Dan hu l-Għid.  Kollox se jgħaddi b’wiċċ il-ġid.  Issa tara kif se jżernaq u Int tfaħħar lil Alla!” 

 

Imma min ma jemminx ma jisma’ xejn.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Qalb waħda u ruħ waħda.
Atti 4, 32-35

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien. B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna. Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kien imur iqegħedhom f’riġlejn l-appostli. Imbagħad kien jitqassam kollox skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 117 (118), 2-4.16ab-18.22-24

R/. (1): Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax it-tjieba tiegħu għal dejjem!

Jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah

Ħa jgħidu wlied Iżrael: “Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
Ħa tgħid dar Aron:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
R/.

Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.
Ħaqarni tassew il-Mulej,
iżda ma telaqnix għall-mewt. R/.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih! R/.

QARI II
Kull min hu mwieled minn Alla jirbaħ lid-dinja
1 Ġw 5, 1-6

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla, u kull min iħobb lill-Missier iħobb lil min twieled minnu. Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu ’l Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu. Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal; għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna.

Għax min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu l-verità.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 20, 29

Hallelujah. R/. Hallelujah
Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;
henjin dawk li ma rawx u emmnu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Tmint ijiem wara ġie Ġesù.
Ġw 20, 19-31

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.

Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”. Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/.
Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >