Tuesday, 11 May 2021
           
Home arrow Home
IT-TIELET HADD TAL-GHID (2021) ID-DEMM TA’ KRISTU JIXTRI MAHFRA G&AL KULL BNIEDEM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 18 April 2021

Din hija il-Liturgija tat-Tielet Hadd ta' L-Ghid (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gesu_wara_li_qam.jpg 

 

F’dawn il-ġranet hekk friski, ta’ żogħżija mġedda mill-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, naqraw ħafna siltiet mill-Atti tal-Appostli, narrazzjoni kollha żelu tal-ġrajjiet meraviljużi li għaddiet minnhom il-Knisja fiż-żmien ta’ tfulitha.  Storja ta’ grupp ta’ nies li huma xhieda ta’ x’kapaċi jagħmel l-Ispirtu s-Santu b’tafal artab u niedi li joqgħod għall-forma li jrid jagħtih.  Huma xhieda, li għandna tant bżonnha llum, mhux ta’ Knisja mgħobbija b’ħafna drawwiet, kulturi, tradizzjonijiet u għanqbut ieħor, imma Knisja miftuħa totalment għall-imbuttaturi tal-Ispirtu s-Santu.  Knisja li tixhed li hu possibbli li jseħħ dak li qal Kristu: “Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer.  Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu.”  (Ġw. 3, 8).

 

L-Ispirtu s-Santu hu l-ikbar setgħa li teżisti, imma huwa sensittiv immens.  Huwa l-Imħabba li ma tisfurzax propju għax hi Mħabba.  Huwa l-Imħabba li taċċetta li ma tkunx maħbuba, mifhuma, reċiprokata.  Hu dak li lili u lilek iħallina fil-libertà u jirriskja kollox fuqna.  Imma f’dawk li jbexxqulu ftit il-bieb, Huwa jinvesti u jidħol b’qawwa ta’ riefnu li jtajjar l-għanqbut, it-trab, l-intiena tal-għeluq, u jlibbes skeletri bil-laħam u n-nervi, jonfoħ fihom Ħajja Ġdida, isawwar fihom natura ġdida u jagħmel li jwettqu għeġubijiet li min hu mmarkat minn Alla biss kapaċi jagħmel.  Min fejn jgħaddi Hu jaqgħu l-ktajjen tal-kalkoli, tar-rispett uman, tad-diplomazija u l-kompromessi... fuq kollox tal-biża’.  Minn nies muti jagħmel xandara li jiftħu garġihom biex jgħidu l-verità li tweġġa’ lil min ikun ikun.  Jagħmel minn nies sempliċi li qatt ma riedu jkunu differenti, Nar li jqabbad ħuġġieġa ta’ rivoluzzjoni.  Dan, l-Ispirtu s-Santu dejjem jagħmlu, f’kull ġenerazzjoni, u qed iwettqu bħalissa wkoll.

Il-bniedem imbuttat mill-Ispirtu s-Santu, lili jgħidli l-verità dwari nnifsi bla ma jħabbel moħħu jekk hux se jitlef ġieħu jew le. Hu jagħmel dan għax iridli l-ġid. M’għandux x’jitlef!  Din hi l-ikbar arma tan-Nisrani veru: M’għandux x’jitlef!  Lili jgħidli dnubi għax jimpurtah mis-salvazzjoni tiegħi.  Jgħidli li kont jien li sallabt lil Kristu fuq l-għolja barra l-belt.  Imma jgħidli wkoll li Kristu miet għal min sallbu.  Hu jħares ċass f’għajnejja biex jara jekk messlix qalbi jew le.  Jekk jara li l-Kelma tal-Profeta Żakkarija: “Huma għad iħarsu lejn dak li nifdu u jibkuh bħalma wieħed jibki lil ibnu l-waħdieni”  (Żak. 12, 10)  saret laħam fija, hu mill-ewwel jgħidli li dnubieti huma maħfura għax tħallas prezz kbir, kbir ħafna.

 

Din tal-Maħfra tad-dnubiet irridu noqgħodu ħafna attenti għaliha.  L-Għid iħabbar il-Maħfra tad-dnubiet għal kull min jemmen u  jindem minn dnubietu.  Ġwanni l-Evanġelista jgħid fl-ewwel Ittra tiegħu illum li Kristu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.  (1 Ġw. 2, 2).  Din il-Maħfra aħna dejjem ħadniha “for granted”.  Kull qrara li qarrejna hi serja mmens.  Jekk aħna ħadnihiex bis-serjetà hi ħaġa oħra.  Għax Alla ma jagħtix il-Maħfra tiegħu hekk, qisu mhu xejn.  Il-Maħfra ta’ Alla għandha prezz enormi, immens, etern imdendel magħha.  Aħna ngħidu: “U Alla jaħfer...” bla ma nafu x’qegħdin ngħidu.  Alla hu l-iktar ħanin u l-iktar wieħed li jgħadirna u jifhimna u fi Kristu fuq is-Salib, qal: “Ma jafux x’inhuma jagħmlu.” (Lq. 23, 34). 

 

Imma l-Maħfra mhix “cheap”!!  Jien inħares lejja nnifsi u messni nitriegħed meta naħseb li Alla huwa l-Ġust per eċċellenza.  Jekk naħsbu li l-Maħfra tiegħu hija “awtomatika”, kemm tagħfas buttuna, la fhimna d-dnub tagħna u lanqas fhimna l-kobor, l-“għaġeb” li hi l-Maħfra ta’ Alla.  Jekk mill-qrar għamilna xi ħaġa “faċli”, biex neħilsu, għax illejla funeral jew tieġ, u taċ-ċajt ma nitqarbinx, dan ifisser li għadna ma nafux x’inhi Ndiema.  Kull meta nersqu lejn il-konfessjonarju biex inqerru, ħa nkunu nafu li dik il-Qrara tiswa d-Demm ta’ Kristu!  Fi Kristu msallab u midfun bi tpattija għalina, l-Missier kien qed jixtri l-Maħfra għal dnubietna, u dan hemm bżonn li napprezzawh, almenu xi ftit!  Altru li mhix “cheap” għal Alla l-Maħfra tiegħu.  Hu ma jistax imur kontra tiegħu nnifsu.  Jekk jagħlaq għajn waħda u anke Hu jistma d-dnub qisu xi ħaġa ta’ xejn, itaptaplek tnejn fuq dahrek u jgħidlek “Ma jimpurtax!”  jkun qed imur kontra tiegħu innifsu.  Għax id-dnub joqtol!  Il-Ħajja vera = Qdusija, u lanqas Alla ma jista’ jibdel dan!  Barrra mill-Qdusija hemm il-Mewt.  Kull midneb hu mejjet, imma l-Missier bagħat lil Ġesù Ibnu l-għażiż biex jieħu fuqu l-konsegwenzi tad-dnub tiegħi, jieħu fuqu l-Mewt tiegħi, biex imut Hu floki, ħalli jien ngħix għal dejjem.  Din hi l-Maħfra.  Mingħajr il-Ħaruf b’għonqu mħanxar ma tinxtarax il-Ħajja.  Il-Maħfra tinagħta għax Kristu xtrahielna b’Demmu!

 

Kif qed naraw “il-Maħfra ta’ Alla” mhix sempliċi maħfra kif naħfru aħna.  Hi Miraklu Morali, Qawmien mill-Mewt għall-Ħajja, xi ħaġa enormi li sseħħ fil-ħajja tal-midneb.  Mank ikollna esperjenza mqar darba ta’ dan!  Kif smajna l-Ħadd li għadda, min tassew iduq il-Maħfra ta’ Alla u jesperjenzja li hu Bniedem Ġdid, allura tant isir għani b’għana spiritwali, li ma jħabbilx moħħu jekk hux fqir jew sinjur, jekk hux żagħżugħ jew xih, jekk hux b’saħħtu jew marid, jekk hux magħruf jew bniedem komuni.  Kif rajna l-Ħadd li għadda, il-Bniedem Ġdid maħsul fid-Demm ta’ Kristu, jiġifieri li skopra x’għamel għalih Kristu fil-Misteru tal-Għid, jasal biex ibigħ il-beni tiegħu biex iqassamhom fost dawk li għandhom iktar bżonn minnu!  Forsi tgħid li dawn kienu mġienen.  Wieħed filosofu qal li għad jasal jum meta  l-kotra tiġġennen u jekk ikun hemm bniedem wieħed f’sensih fosthom, iduru għalih għax għalihom dan ikun il-miġnun.  Ma naħsibx li aħna wisq ’il bogħod minn dan iż-żmien.

 

San Ġwann l-Evanġelista, bħal San Pawl, kien bniedem radikali għall-aħħar.  L-Aħbar it-Tajba li hu jwassal taħsad bil-qawwa tagħha.  Hu jistenna li għeġubijiet iseħħu fil-bniedem li jikber fil-Fidi f’Ġesù sakemm jitwieled mill-ġdid, iħalli warajh il-bniedem ta’ dari miġbud għad-dnub, u jilbes lil Kristu.  Għalih hu ħafna possibbli li jseħħ fil-bniedem dak li jgħid San Pawl: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu.”  (Gal. 2, 20).   Hu ħafna possibbli, għax din il-bidla fil-bniedem iwettaqha l-Ispirtu s-Santu u mhux il-bniedem!  Dan għandna bżonn nemmnu.  Alla mhux jgħinna biex insiru aħjar.  Din kelma fjakka!  Alla joħloqna mill-ġdid bil-Kelma u s-Sagramenti.  Fit-tnejn jgħammar l-Ispirtu s-Santu.  U tant jagħmilna “Ġodda” li l-kmandamenti jsiru ħfief, jgħid Ġwanni.  Dak li qabel kien tant tqil, impossibbli, issa jsir ħafif.  Għax “Mhux jien li ngħix, imma Kristu jgħix fija!” 

 

IL-Liturġija tal-Kelma għal-lum:

 

QARI I
Intom qtiltu lil Sid il-ħajja, imma Alla qajmu mill-imwiet.
Atti 3, 13-15.17-19

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pietru qal lill-poplu: “Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb, Alla ta’ missirijietna gglorifika lill-qaddej tiegħu, Ġesù, li intom ittradejtuh u ċħadtuh quddiem Pilatu, għalkemm dan kien qatagħha li jitilqu. Intom ċħadtu l-Qaddis u l-Ġust, tlabtu l-ħelsien ta’ wieħed qattiel u qtiltu lill-awtur tal-ħajja. Imma Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna xhieda.

Issa, ħuti, jiena naf li kemm intom u kemm il-kapijiet tagħkom, għamiltu dan għaliex ma kontux tafu. Imma b’hekk Alla temm dak li hu kien ħabbar sa minn qabel b’fomm il-profeti, jiġifieri, li l-Messija tiegħu kellu jbati. Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 4, 2.4.7.9

R/. (7a): Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek

Jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah

Weġibni, meta nsejjaħlek,
Alla tal-ġustizzja tiegħi;
oħroġni fil-wisa’ meta nkun imdejjaq,
ħenn għalija u isma’ talbi. R/.

Kunu afu li l-Mulej
wera tjieba kbira miegħi;
jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu. R/.

Ħafna jgħidu: “Min jurina r-riżq?”.
Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek.
Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem,
għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni. R/.

QARI II
Kristu ħallas għad-dnubiet tagħna u tad-dinja kollha.
1 Ġw 2, 1-5a

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust. U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.

U b’dan nafu li nagħrfu ’l Ġesù: jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu. Min jgħid: “Jiena nafu” u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u l-verità mhijiex fih. Iżda kull min iżomm ilkelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 24, 32

Hallelujah. R/. Hallelujah
Mulej Ġesù, fissrilna l-Iskrittura;
ħeġġilna qalbna, int u tkellimna.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kif hemm miktub fl-Iskrittua: il-Messija kellu jbati u jqum mill-imwiet fit-tielet jum.
Lq 24, 35-48

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, iż-żewġ dixxipli li reġgħu lura Ġerusalemm minn Għemmaws kienu qegħdin itarrfu lill-Ħdax u lil dawk li kienu magħħom xi ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż!

Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien”. Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?” Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom.

Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet: jeħtieġ li jseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi”. Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Last Updated ( Sunday, 18 April 2021 )
 
< Prev   Next >