Thursday, 06 May 2021
           
Home
IR-RABA’ HADD TAL-GHID (2021) ULIED ALLA HUMA N-NGHAG TAL-MERHLA TIEGHU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 25 April 2021

Din hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd ta' L-Ghid (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

goodshepherd.jpg

 

F’dan ir-Raba’ Ħadd tal-Għid se nisimgħu fuq l-ulied ta’ Alla, fuq in-ngħaġ tal-merħla u fuq ir-Ragħaj il-Kbir li jagħti ħajtu għalihom.  Fuq “l-ulied ta’ Alla” nisimgħu ħafna; min igħid ħaġa u min igħid oħra.  Bħal ħafna frażijiet oħra mportanti, hemm il-periklu li ssir clichè, ħaġa li nidraw ngħiduha u hekk titlef il-qawwa stupenda tagħha.  Sakemm nitkelllmu fuq il-familja umana, ir-razza tal-bnedmin, aħna tassew aħwa lkoll.  Kull bniedem huwa ħuna fis-sens li huwa bniedem bħalna, bil-bżonnijiet profondi li għandna lkoll, u fuq kollox bil-bżonn dejjiemi li niskopru lil Dak li minnU ħriġna.  Hi mportanti s-solidarjetà bejn l-aħwa l-bnedmin kollha, u kull Nisrani li kiber tassew fil-Fidi f’Ġesù li rebaħ il-Mewt, jirċievi d-don li jara lil Kristu f’kull wieħed minn ħutu l-bnedmin.

 

Infatti Kristu nnifsu jgħid li Hu jagħraf lin-ngħaġ tiegħu fil-Jum il-Kbir tal-Ħaqq, min jekk temgħuHx meta kien bil-ġuħ fil-fqir; jekk żaruHx meta kien maqful fil-ħabs; jekk farrġuHx meta kien qalbu maqtugħa fil-marid eċċ.  Imma meta l-Iskrittura titkellem fuq l-“ulied ta’ Alla” hi tagħmel distinzjoni.  Fit-T.Q. ulied Alla kienu dawk li kienu parti mill-poplu magħżul u adottat ta’ Alla: Iżrael.  Fit-T.Ġ. id-distinzjoni hi ferm aktar profonda.  Ulied Alla huma dawk li għarfu f’Ġesù ta’ Nazaret il-“Mibgħut” mill-Missier, l-Iben tal-Missier innifsu, li ġie jfittex in-ngħaġ mitlufin biex isalvahom bil-Misteru tal-Għid tiegħu.  U dawn huma wliedu mhux għax huma, di natura, aħjar mill-oħrajn, iżda kienu predestinati minn qabel li jkunu l-familja ta’ Alla, il-Ġemgħa li temmen fl-Iben, u din il-Fidi mhux minnhom imma Don kbir ta’ Alla.  San Ġwann, fil-Prologu famuż tal-Vanġelu tiegħu jitkellem ċar.  Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx.  Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.  (Ġw. 1, 11-13).  Dawn twieldu, bħall-bnedmin kollha, minn missier u omm, imma rċevew bi Grazzja twelid ġdid, bħalma l-Mulej innifsu qal lil Nikodemu:  “Tassew tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla.”  (Ġw. 3, 3).  

Hawn Ġesù qiegħed jitkellem fuq l-imgħammdin, iżda l-Magħmudija trid tikber fina, u ħafna dan ma jagħtux kasu.  Jikbru huma fiżikament imma jibqgħu bil-libsa ċkejkna tal-Magħmuduja.  Bla proċess.  Kibru f’kollox barra milli f’Ġesù Kristu.

Issa dawk li tassew kibru fi Kristu, dawk li xi ftit jew wisq ġralhom dak li jgħid San Pawl: b’hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu; tagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla. (Ef. 3, 18-19); dawk li neżgħu il-bniedem il-qadim tad-dnub u libsu lil Kristu (araw kif isseħħ il-Magħmudija); dawk li ndifnu ma’ Kristu u qamu ġodda miegħu wkoll (mill-ġdid il-Magħmudija); dawn saru tassew l-ulied li Alla kiseb għalih.  Dawn huma l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja.  Dawn huma x-xhieda ta’ Alla f’nofs dinja miżżewġa mal-Mewt.

Imma Alla jħobb lil kulħadd!  Alla jrid li  kulħadd isalva u ma jintilef ħadd!  Il-Missier ma jridx li jkun hemm bniedem li għalih id-Demm ta’ Ibnu jinxtered fl-art, bla użu, bla skop, bla frott.  Għalhekk dawk li hu mmarkati biex ikunu wliedu, mill-ġdid mhux għax ra xi ħaġa aħjar fihom imma bi Grazzja, Hu għażilhom b’risq l-oħrajn!  Bħalma l-melħ hu b’risq il-borma; anzi jmut biex il-borma titjieb... bħalma d-dawl hu b’risq in-nies li hemm fil-kamra; anzi l-bozza tinħaraq bil-mod il-mod biex tagħti dan is-servizz... hekk in-Nisrani, hekk ulied Alla.

L-ulied huma dawk li jirriskjaw kollox, saħansitra ħajjithom, biex jaqdu lid-dinja.  Dan jagħmluh, nerġa’ ngħid, mhux għax huma aħjar mill-oħrajn, u lanqas ma jistgħu jiġġudikaw lil ħadd, imma għax irċivew id-Don tal-Ispirtu s-Santu, l-aqwa għotja tal-Missier.  Araw lil San Pietru fil-Liturġija tal-Kelma tal-lum.  Hu li beża’ minn tfajla, purtinara... li ma sħabu dam ħafna jiem imsakkar ġewwa mbeżża’ mil-Lhud... wara l-Pentekoste joħroġ magħhom u jitilqilha lejn il-pjazza tal-Belt u addio “poltical correctness”, addio diplomazija, addio attenzjoni kif titkellem biex ma turta lil ħadd, addio teknikalitajiet li nużaw sikwit illum biex nitkellmu sewwa, biex nikkonvinċu, biex ma ngħidux kliem żejjed, u fuq kollox... biex ma ndumux...!  B’kuraġġ żgur mhux tiegħu, hu jiftaħ garġih u jakkuża lill-poplu li hu kien qatel l-Iben ta’ Alla, kienu sallbu lill-Messija, kienu rmew il-ġebla l-qaddisa, il-ġebla tax-xewka.  Altru li ma kinux “ulied” iżda “barranin” għal Alla.

Din hi Kelma għalija u għalik.  Fuq min, jew fuq xhiex qed nibnu ħajjitna.  X’inhija l-ġebla tax-xewka tagħna?  Il-familja?  L-ulied?  Ir-raġel?  Il-mara? Il-flus?  Ix-xogħol? Il-passatemp?  Minn xhiex qed nitlob il-ferħ, il-Ħajja?  Mill-vizzju?  Mis-serq?  Mill-egoiżmu?  Milli niġbed dejjem lejja?  Mill-poter?  Mis-suċċess f’dak li nagħmel?  Mill-fama u l-prosit tal-oħrajn?  X’inhu dak li jferraħni lili?  Li Alla bagħat lil Ibnu li ta Ħajtu għalija u qam mill-Mewt u issa l-Mewt tiegħi hi mirbuħa u jien se ngħix għal dejjem għax nemmen f’dan kollu li għamel għalija?  Jew nittallab mingħand kulħadd biex jimlewli l-vojt li għandi?  Jien iben ta’ Alla jew barrani għaliH.

X’aħna jidher ċar minn kif nitkellmu ma’ wliedna.  X’ngħidulu lit-tifel?  “Ibni, studja, stinka, ilħaq, faddal, biex ma tiġi bżonn ħadd, biex ikollok dak li tixtieq qalbek, biex tkun aħjar mill-oħrajn”?  Jew: “Ibni, studja, agħmel moħħok hemm għax dan hu d-dmir tiegħek.  Imma ħa ngħidlek minn issa: jekk trid li tkun ferħan fil-Ħajja, fittex lil Alla, aħseb fih, itlob.  U hekk tkun “raġel” tassew u jkollok il-Barka tiegħu ħajtek kollha”?  Liema minn dawn?

Għax qed ngħixu f’soċjetà li għall-ewwel darba fl-elfejn sena mhix tgħaddi l-Fidi lil uliedha!!  Niżżewġu jew inpoġġu, xorta waħda, anzi tal-aħħar aħjar għax niffrankaw il-flus u x’ħin nitħajru għal ħaddieħor, ciao u bye, u qisu ma ġara xejn.  Ħafna m’għadhomx jemmnu li f’Ġesù ta’ Nazaret isibu l-ġebla tax-xewka.  Qed ifittxuha fil-flus fil-but.  Imma bil-flus ma tirbaħx il-Mewt.  Lanqas bis-suċċess, lanqas bis-saħħa.  Kollox jgħaddi u xejn ma jxebba’. 

Alla qed isejħilna biex nitwieldu mill-ġdid!  Biex niskopru t-Teżor enormi, bla qjies, li hija l-Magħmudija midfuna taħt tant terrapien ġewwa fina.  Ħa tiċċarrat il-purtiera tqila li ma tħalliniex naraw l-Imħabba li biha jħobbna Alla!  Ħa nħossu l-bastun tar-Ragħaj imissna l-ħin kollu biex ma nittarfux lejn ix-xifer.  Ħa nkunu fost dawk li jgħarfuH u jgħarfu leħnu!  Hemm hu, miexi quddiemna, jitbandal minn sieq għall-oħra, jaf fejn hu sejjer, jaf fejn se jeħodna, u aħna nimxu warajh. Fejn imur Hu mmorru aħna għax nafu ħaġa waħda: jekk jidher il-lupu lest li jmut Hu u ma jħallix waħda minna tintilef!

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
M’hemmx salvazzjoni ħlief biss fl-Isem ta’ Ġesù.
Atti 4:8-12

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pietru, mimli bl-Ispirtu s-Santu, wieġeb: “Kapijiet tal-poplu u xjuħ, intom illum qegħdin tistħarrġuna fuq il-ġid li għamilna lil wieħed marid, u biex dan fieq. Mela kunu afu intom ilkoll, u l-poplu kollu ta’ Iżrael: jekk dan ir-raġel hu hawn quddiemkom qawwi u sħiħ, dan ġara bis-saħħa tal-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, li intom sallabtuh u Alla qajmu mill-imwiet. Dan Ġesù hu l-ġebla li intom, il-bennejja, warrabtu u li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 117(118):1,8-9,21-23,26,28ċd,29

R/. (22): Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka.

Jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Aħjar tistkenn fil-Mulej
milli tittama fil-bnedmin.
Aħjar tistkenn fil-Mulej
milli tittama fil-kbarat. R/.

Niżżik ħajr talli weġibtni
u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.

Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Inberkukom minn dar il-Mulej.
Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.
Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu! R/.

QARI II
Għad jaraw lil Alla kif inhu.
1 Ġw 3:1-2

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew. Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu.

Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10:14

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,
u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.
Ġw 10:11-18

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri, li mhuwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ.

Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti. Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.

Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >