Thursday, 06 May 2021
           
Home
IL-HAMES HADD TAL-GHID (2021) MIN JEMMEN FI KRISTU JIRCIEVI L-ISPIRTU TIEGHU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 01 May 2021

Din hija il-Liturgija tal-Hames Hadd ta' L-Ghid (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

vine-and-grapes-1020x579.jpg

 

Dan hu żmien ta’ festa u tal-“Hallelujah” għall-Insara, anke fil-qalba tal-Covid-19.  Xejn li jiġri madwarna ma jista’ jimmina l-ferħ u s-sens ta’ rebħa li jgħammru fl-intern tal-bniedem tal-Fidi.  Kristu rebaħ il-Mewt.  Rebaħ il-Mewt darba għal dejjem.  L-Insara tal-Orjent isellmu lil xulxin fit-triq matul dawn il-ħamsin jum tal-Għid bl-espressjoni: “Hristos vaskrese!”  u t-tweġiba: “Ili vaskrese!”  “Kristu qam mill-Mewt!”  “Hu qam tassew! Halleluja!”

 

Mill-ewwel Kristu jibda jimla lid-dixxipli bl-Ispirtu qaddis tiegħu, bl-Ispirtu rebbieħ fuq il-Mewt.  Għax il-Missier qajjem lil Ibnu biex juri li l-Imħabba tiegħu hi akbar mit-taħsir tal-Mewt u tad-dnub, tmur lil hemm mid-dnub kollu tad-dinja.  Imma wkoll Kristu mqajjem mill-Mewt ġie magħmul Spirtu ta’ Ħajja ta’ Dejjem li jinagħta lin-nies.  Huwa hawn fejn jinteressana tant il-Misteru tal-Għid ta’  Kristu.  Għax dan il-Misteru għandu ħafna, ħafna x’jaqsam magħna.  Ir-rebħa ta’ Kristu hija r-rebħa tal-umanità kollha.  F’Adam ilkoll mitna.  Fi Kristu lkoll ngħixu għal dejjem.

Dan l-Ispirtu l-Missier jagħtih jew spontanjament, jew fi proċess li jieħu ż-żmien.  Fil-bidu nett tal-Knisja kien hemm bżonn l-invażjoni spontanja tal-Ispirtu fil-Pentekoste.  Dak in-nhar grupp żgħir ta’ nies inbidlu bis-serjetà, f’daqqa waħda, fi splużjoni meraviljuża, f’infużjoni tal-għaġeb, f’għarar tal-Ispirtu s-Santu li bidilhom b’mod li qatt qabel ma kienu nbidlu n-nies.  L-effett ta’ dan kollu kien li mtlew b’ċertezza li fl-offerta ta’ Kristu kienu nħaslu dnubiethom kollha u mhux tagħhom biss imma ta’ dawk kollha li jemmnu.  Barra minn dan, huma saru nies totalment ħielsa mill-biża’ tal-Mewt għax inagħtaw l-assikurazzjoni, il-garanzija ta’ Ħajja għal dejjem fil-Qawmien ta’ Kristu.  Din hija d-differenza bejn min jemmen u min ma jemminx; bejn il-Kristjan u min mhux.  Din tassew kienet Aħbar Tajba!  Aħbar li ma setgħux iżommuha għalihom infushom.  Għalhekk in-nies malajr indunaw bl-effett tal-Ispirtu s-Santu.  Ħafna ħassew li kienu jinsabu fil-preżenza ta’ Alla.  Oħrajn li kienu nies li xorbu l-inbid kmieni filgħodu!

 

Imma l-Ispirtu jinagħta wkoll bi proċess.  Huwa b’dan il-mod li l-Insara jikbru fi Kristu, normalment; minn Fidi għal Fidi, jgħid San Pawl.  Imma dejjem, l-Ispirtu jinagħta għax Kristu għex il-Misteru tal-Għid.  L-Ispirtu s-Santu hu l-frott tar-rebħa fuq il-Mewt, bħalma d-dnub hu dejjem il-frott tal-kundizzjonamenti tar-rejaltà tal-Mewt.  Kull min jimmatura fih l-Ispirtu, l-għajn tgelgel tal-Ħajja vera, dan għandu jafu lil Kristu u bl-ebda mod lilu nnifsu, jew lil xi merti tiegħu.  L-Ispirtu s-Santu tant huwa rigal enormi li l-ebda ħlejqa ma tistħoqqu.  Hu rigal b’xejn, mogħti lil min jemmen f’Ġesù bħala s-Salvatur personali tiegħu.

 

Sawl kien wieħed minn dawk magħżula biex jirċievi l-kotra tal-Ispirtu b’mod spontaneju.  Il-konverżjoni tiegħu kienet f’daqqa waħda, għalkemm aktarx li kien ilu fi kriżi dwar ir-Rieda ta’ Alla għalih, almenu mill-Martirju ta’ Stiefnu.  Il-bidla ta’ Pawlu, trasformazzjoni totali, belhet lil ħafna.  Insara stess ma setgħux iniżżluha li dak li kien jippersegwitahom kien sar xandar ta’ Kristu.  Ekku kif huma kienu għadhom mexjin lejn Fidi dejjem akbar, għax kienu għadhom ma għarfux biżżejjed  l-enormita tal-qawwa tal-Ispirtu ta’ Ġesù.

 

Pawlu jgħaddi l-bqija ta’ ħajtu jiġri madwar il-Mediterran tal-Lvant jagħti dak li rċieva hu.  Qabel kien reliġjuż akkanit imma  ma ħassux maħbub minn Alla.  Fi Kristu infetaħ dan l-orizzont tal-għaġeb li jkexkex lil kull min jibda jikkonverti lejn Kristu.  “Jien maħbub b’Imħabba tal-ġenn minn Alla li ħalaqni biex ngħix għal dejjem fil-ferħ tal-Preżenza tiegħu!”  Kollox jieħu sens ġdid.  Dak li jiġri hu li dan il-bniedem ma jżommx għalih dak li rċieva... ma jistax.  Il-ferħ tiegħu hu li jxandar lil Dak li tah kollox.  Mill-bqija m’hemm sens f’xejn. Bħal Pawlu kien hemm ħafna oħrajn!  Hu jdur ’l hemm u ’l hawn iwaqqaf komunitajiet (knejjes żgħar) fil-bliet ewlenin li kienu jagħmlu parti mill-kultura Griega u, politikament, mill-Imperu Ruman.

 

Dawn il-komunitajiet kienu jibqgħu jiltaqgħu meta Pawlu kien jitlaq, u kienu dejjem jikbru fl-Ispirtu u l-Fidi.  U ġmiegħi bdew jingħaqdu magħhom.  Dawn kienu jinġibdu għax minn dawk li kienu jemmnu, mill-Knisja, kienu joħorġu żewġ sinjali mportanti li l-Ispirtu s-Santu biss  jista’ jipproduċi: l-Għaqda ta’ bejn l-Aħwa, u l-Imħabba saħansitra għall-għadu! 

 

Dawn l-affarijiet ma tarahom mkien fid-dinja.  Id-dinja ma tistax tipproduċi l-għaqda bejn nies għal kollox differenti u l-imħabba lejn min hu rival tiegħek.  Huwa inutli li llum nippruvaw nippridkaw ir-relevanza... li f’kull bniedem, f’kull reliġjon, f’kull moviment hemm it-tajjeb, hemm almenu xrara dawl.  L-għaqda u l-Imħabba joħorġu biss mingħand Kristu u jinsabu biss fin-Nisrani mhux għax dan hu minnu nnifsu aħjar mill-oħrajn.  Oriġinarjament kien midneb daqs ħaddieħor jew agħar, u jibqa’ ħajtu kollha konvint mid-dgħufijat kbar tiegħu. L-Għaqda u l-Imħabba jitwieldu minn Kristu għax Hu rebaħ il-Mewt.  Il-biża’ tal-Mewt fis-subkonxju tal-bniedem jagħmlu egoista u jidneb, mhux għar irid imma għax hekk hu kkundizzjonat.  Imma l-bniedem li fih jgħammar l-Ispirtu ta’ Ġesù imutlu l-bniedem ta’ qabel u titnissel fih ix-xbieha ta’ Kristu b’tali mod li fil-Qawmien ta’ Kristu qam miegħu in-Nisrani.  Għal dan il-bniedem isir naturali li jħobb lill-aħwa, imma mhux biss, anke lill-għadu.

 

Dan iseħħ meta l-bniedem ikun bħal fergħa magħquda maż-żokk tad-dielja.  Jipproduċi l-għeneb li minnu jagħsru l-inbid li jferraħ qalb il-bniedem.  In-Nisrani hu poġġut fid-dinja biex iferraħ lil dawk li jmissu miegħu.  Imma hu Kristu fih li jwettaq dan.  “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi.  Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott hu jneħħiha.  Ibqgħu fija u jiena nibqa’ fikom.  Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nnifisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.”  (Ġw. 15, 1w).  Dan il-Kliem ta’ Kristu li se nisimgħu illum hu tant qawwi li fih naraw l-oriġini tal-qawwa u tal-ħidma tal-Knisja.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Qalilhom kif Sawl ra lill-Mulej fit-triq.
Atti 9:26-31

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, meta Sawl wasal Ġerusalemm beda jfittex li jissieħeb mad-dixxipli. Imma lkoll kienu jibżgħu minnu, għax ma kinux emmnu li tassew ikkonverta. Imbagħad Barnaba qabdu u ħadu miegħu għand l-appostli. Hu qalilhom kif Sawl kien ra lill-Mulej fit-triq u semgħu jkellmu, u kif f’Damasku kien tkellem b’wiċċu minn quddiem fl-isem ta’ Ġesù.

Għalhekk Sawl baqa’ magħhom, dieħel u ħiereġ Ġerusalemm, u kien jitkellem bil-miftuħ f’isem il-Mulej. Kien jitħaddet mal-Lhud Griegi u jiddiskuti magħhom; iżda huma kienu jfittxu li joqtluh.

Meta l-aħwa saru jafu b’dan, niżżluh lejn Ċesarija u bagħtuh Tarsu. Il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha; kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem bil-biża’ tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 21(22):26b-27,28,30,31-32

R/. 26 (a): Mulej, nagħtik it-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira.

jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

Irrodd il-wegħdiet tiegħi
quddiem dawk li jibżgħu minnu.
Jieklu l-fqajrin u jixbgħu;
ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.
Ħa tgħix qalbhom għal dejjem! R/.

Jiftakru t-truf kollha tal-art,
u jerġgħu lura lejn il-Mulej;
u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.
Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu;
quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.
U għalih tgħix ruħi. R/.

Lilu jaqdi n-nisel tiegħi.
Ixandru ’l Sidi lin-nisel li għad jiġi,
ixandru l-ġustizzja tiegħu
lill-poplu li għad jitwieled:
“Dan għamlu l-Mulej!”.
R/.

QARI II
Dan hu l-kmandament tiegħu, li nemmnu u nħobbu.
1 Ġw 3:18-24

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa. Minn dan naslu li nagħrfu li aħna fil-verità, u quddiem Alla nserrħu l-kuxjenza tagħna, jekk il-kuxjenza ċċanfarna, għax Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox.

Għeżież, jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna qawwija quddiem Alla, u kulma nitolbu naqilgħuh mingħandu, għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu.

Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu ’l xulxin, kif wissiena hu. Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar f’Alla u Alla fih. B’hekk nagħrfu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 15:4a,5b

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;
min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.
Ġw 15:1-8

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom.

Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu.

Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
Next >