Sunday, 13 June 2021
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-SITT HADD TAL-GHID (2021) KRISTU JISSORPRENDI!
IS-SITT HADD TAL-GHID (2021) KRISTU JISSORPRENDI! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 08 May 2021

Din hija il-Liturgija tas-Sitt Hadd ta' L-Ghid (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 gesu_u_d-_dixxipli.jpg

 

In-Nisrani li għandu x’jirrakkonta dwar l-għemil ta’ Kristu f’Ħajtu, hu bniedem hieni, bniedem li ġie sorpriż b’qawwa kbira mill-Ispirtu rebbieħ fuq il-Mewt, l-Ispirtu ta’ Kristu.  Kristu hu bħar-riħ li ma tafx minn fejn hu ġej u lanqas fejn hu sejjer.  Ma tafx biex ġej!  Ħaġa waħda hi ċerta: l-ikbar Sorpriża ta’ Kristu hi meta l-bniedem jiskopri xi ħaġa li tbellħu: l-Imħabba kbira li biha Alla jħobbu u li wera meta ta lil Ibnu għall-Mewt għalih.  Meta l-bniedem jiskopri dan, jibqa’ sorpriż u maħsud li hu tant hu mportanti għal Alla, tant jiswa għaliH, tant hu stmat, tant li hu l-mimmi t’għajnejn Alla!  Dan jista’ jirrakkontah biss minn iltaqa’ ma’ din l-Imħabba mhux meta kienu ilu jisforza biex ikun tajjeb, imma meta kien għadu ta’ Alla.  Dan il-bniedem għadu ta’ Alla, jsir jixbaħ lil Kristu!  Isir bħar-riħ, bħal Kristu!

 

Infatti, l-konverżjonijiet veri, kemm kbar u kemm dawk mhux magħrufa, iseħħu fi bnedmin midinba bis-serjetà, u li fil-qalba tad-dnub tagħhom, f’nofs il-miżerja tagħhom, appuntu meta huma kienu mejta minħabba d-dnub li kien sar ħaġa waħda magħhom, f’dak il-ħin meta ħassewhom l-iktar imbegħdin minn Alla... Alla ġie u messilhom qalbhom!  Ma tqażżiżx minnhom.  Ma ġġudikahomx. Issorprendihom billi għarrafhom il-Misteru ta’ Kristu  li miet għall-bnedmin mhux meta dawn kienu tajbin imma meta kienu għedewwa tiegħu!  Kif qal xi ħadd: il-ħaruf resaq lejn l-ilpup imġewħa biex isir ikel għalihom, b’tali mod li hu jmut biex huma jgħixu!!  Hu jmut biex dawk li jobogħduh jgħixu!  Din hija r-Rebħa tal-Imħabba.  Din hija r-Rebħa fuq il-Mewt.  Dan hu l-Misteru tas-Salvazzjoni.  Din hi l-ekonomija ta’ kif jadem Alla.

Fid-dawl ta’ din is-Sorpriża ta’ Kristu kulma hu tad-dinja, kulma jiġri fid-dinja, kulma jivvinta l-bniedem, hu karfa, għafien li jtir mar-riħ... knis, kif jgħid wieħed li skopra dan kollu, li hu San Pawl. Kristu ma jibqax “pigeon hole” oħra ma tant “pigeon holes” li għandna fil-Ħajja, imma jisr “il-Kollox”.  Il-Ħajja  hi Kristu u hieni l-bniedem li jersaq  biex jiskopri dan kollu.  Kristu mhux wieħed minn tant tentufiet, sempliċi tliet kwarti quddiesa l-Ħadd.  Dan mhux il-Kristu mqajjem fuq il-Mewt tiegħek.  Dan hu xi ħadd li int għadek tħossok obligat li tagħtih tliet kwarti fil-ġimgħa... u dejjem qed tarahom iktar żejda.  Int ma tistax tgħaddi l-Fidi lil uliedek għax m’għandekx x’tgħaddilhom.  Kulma għandek huwa tiċlieqa ta’ reliġjożità, kważi superstizzjoni, u wliedek se jaqtgħu mill-Knisja għada pitgħada.  Dan il-kliem jgħodd għalija!  Ħażin għalija jekk ma nqumx fuq tiegħi għax għad jasal jum li jiena ninduna li wliedi tilfu l-Fidi tort tiegħi, u se jibqgħu magħluqin barra, u jien magħhom, quddiem l-eternità.

 

Kemm huma xxurtjati l-ulied li jirċievu l-Fidi mingħand il-ġenituri tagħhom!  Għax huma jiskopru li Kristu hu Teżor moħbi fihom.  Joħorġuh minn taħt it-terrapien fejn hu mirdum, u jindunaw li Hu huwa l-Ħajja.  Mhux il-familja hija l-Ħajja.  Mhux ix-xogħol huwa l-Ħajja.  Mhux is-saħħa hija l-Ħajja.  Mhux l-affetti u l-imħabbiet huma l-Ħajja.  Mhux il-flus huma l-Ħajja. Mhux l-idoli tad-dinja huma l-Ħajja.  Mhux il-vizzji, żgħar u kbar, huma l-Ħajja.  Mhux il-fama u s-suċċessi huma l-Ħajja.  Ċertament li  mhux id-dnub huwa l-Ħajja.  Kristu huwa l-Ħajja.  Huwa hu l-Għajn tal-Ħajja għax Hu biss rebaħ il-Mewt.  Hu biss rebaħ il-Mewt li llum qegħda toqtlok... kull tip ta’ Mewt mhux dik fiżika biss.  Kristu huwa s-Sorpriża l-kbira, u hieni hu min għajnejh raw dak li wiegħed Alla. 

 

Iżrael kien jaf li kellu jiġi l-Messija.  Imma mingħalih li kien jaf x’kien se jkun dan il-Messija: ħellies politiku kbir, bniedem qaddis iva, anzi profeta kbir bħal Mosè, imma kollox fuq livell materjali.  Iżrael infixel għax ħaseb li l-problemi veri tal-bniedem kienu materjali u fassal “Messija” materjali.  Il-politika hija materjali u allura ħolom b’ “Messija politiku”, Sultan fuq tron materjali, ta’ din id-dinja.  Kristu ssorprendih meta deher.  Iżrael ħassu ddiżappuntat quddiem dan il-Messija.  Kien hemm fdal, imma.  Fdal li nduna li l-problema tal-bniedem kienet il-Mewt.  Din hi l-vera traġedja tiegħi u tiegħek.  Id-dell tal-Mewt ma jaqax biss fuq min hu mdaħħal fiż-żmien.  Misterjożament jdellel ukoll tarbija tat-twelid, ġuvnot fl-għors taż-żogħżija, raġel fl-aqwa ta’ saħħtu.  Id-dell tal-Mewt jaqa’ fuqna kuljum u minn hawn ġej l-inkwiet tagħna, it-tħassib tagħna.  Alla bagħat Messija li jeqred il-Mewt u l-bniedem li jsib il-Fidi fiH hu bniedem rebbieħ fuq l-ikbar għadu.  Ħa jintemm il-ġisem u jidfnuhulu, imma hu maħbub minn Alla u l-Imħabba ta’ Alla hi għal dejjem għax Hu etern.  Allura, fl-Imħabba ta’ Alla jien ma mmut qatt; int ma tmut qatt!  U dan, iktar kemm jikber fil-bniedem iktar jagħmlu ħieles, dejjem inqas egoista, dejjem iktar kapaċi jħobb, dejjem iktar Dawl fid-dlam.  X’sorpriża hu Kristu!

 

Pietru nduna b’ħasda kemm kbira hi din is-Sorpriża.  Il-Messija ta’ Iżrael ma kienx għal Iżrael biss imma għall-ġnus kollha tal-art!  Hu ra b’għajnejh l-effett tal-Ispirtu s-Santu fuq nies “imniġġsa”  u pagana bħalma kienet il-familja ta’ Kornelju ċ-ċenturjun.  Pietru beda jinduna li hu u sħabu l-appostli kienu fil-qalba ta’ mewġa fenomenali li kienet se tiknes lill-bnedmin kollha tal-art!  Dawk li kienu marru ma’ Pietru, Lhud li kienu emmnu, stagħġbu kif id-don tal-Ispirtu s-Santu ssawwab fuq il-pagani wkoll.  Imbagħad Pietru  qal: “Jista’ xi ħadd jiċħad l-ilma tal-magħmudija lil dawn in-nies, li ħadu l-Ispirtu s-Santu bħalma ħadnieh aħna wkoll?”  (Atti 10, 45w).  Għalina tidher kwistjoni sempliċi, imma għal Iżrael din kienet anatema!  Il-Messija kellu jkun għalihom u għalihom biss!  Iżrael qatt ma basar li l-missjoni tiegħu fid-dinja kienet ferm ikbar, ferm iktar tal-għaġeb milli qatt ħolom.  Minn Iżrael ħarġet ir-Rebħa fuq il-Mewt għall-bnedmin kollha...  Mhux ta’ b’xejn li s-Salm Responsorjali jgħid: “Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel l-għeġubijiet!  Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu u f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.  Raw it-trufijiet kollha tal-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna!”  (S. 98, 1w).

 

Il-Messija ġie biex jidħol fil-Mewt u hekk jifqagħha minn ġewwa bil-Qawmien tiegħU.  U l-effett sorprendenti ta’ Kristu fil-Ħajja ta’ dawk li jemmnu fil-Qawmien tiegħu hu li jibdew jinħabbu u saħansistra jinagħtaw li jħobbu lill-għadu!  Dan ġej mill-fatt li meta l-bniedem ma jibqax iħossu limitat u mhedded, hu joħroġ minnu nnifsu u jgħaddi b’ħeffa lejn l-ieħor!  Meta l-bniedem iħoss li Alla ħabbu anke meta hu midneb, isseħħ rivoluzzjoni ġewwa fih.  San Ġwann se jgħidilna li dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla (1 Ġw. 4, 8) jista’ jkun kemm irid “reliġjuż” u dejjem il-knisja!  U min iħobb, ħa jkun jaf li jħobb mhux għax hu aħjar mill-oħrajn imma għax skopra xi ħaġa kbira: Hawn qegħda l-imħabba: mhux għax ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna hu u bagħat lil Ibnu bħala tpattija għal dnubietna.  (1 Ġw. 4, 10). 

 

In-Nisrani jintagħraf minn kemm iħobb lill-proxxmu.  “Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.”  (Ġw. 15, 17).  Fejn hemm l-imħabba hemm il-ferħ, il-ferħ Messjaniku, il-ferħ li Kristu biss jagħtina, il-ferħ li ġej mill-konvinzjoni li int maħbub, u li int maħluq biex tgħix għal dejjem għax, nirrepetuha, l-Imħabba hi eterna għax Alla hu etern.  Dan hu l-ferħ tan-Nisrani!  “Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.”  (Ġw. 15, 11).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Id-don tal-Ispirtu s-Santu ssawwab fuq il-pagani wkoll.
Atti 10:25-26,34-35,44-48

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Xħin daħal Pietru fid-dar ta’ Kornelju, dan mar jilqgħu u ntefa’ f’riġlejh jagħtih qima. Imma Pietru qajmu u qallu: “Qum. Jien bniedem ukoll”.

Pietru qabad jitkellem u qal: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqa’ lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun”.

Meta Pietru kien għadu qiegħed jgħid dan, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh. Dawk li kienu marru ma’ Pietru, Lhud li kienu emmnu, stagħġbu kif Alla sawwab id-don tal-Ispirtu s-Santu fuq il-pagani wkoll. Għax semgħuhom jitkellmu bl-ilsna u jfaħħru l-kobor ta’ Alla.

Imbagħad Pietru qal: “Jista’ xi ħadd jiċħad l-ilma tal-magħmudija lil dawn in-nies, li ħadu l-Ispirtu s-Santu bħalma ħadnieh aħna wkoll?”. U ordna li jitgħammdu fl-isem ta’ Kristu. Imbagħad huma talbuh jibqa’ għal ftit jiem magħhom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 97(98):1,2-3ab,3ċd-4

R/. (ara 2b): Il-Mulej wera l-ġustizzja tiegħu lill-ġnus.

jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!
R/.

QARI II
Alla hu mħabba.
1 Ġw 4:7-10

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.

B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih.

U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14:23

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.
Ġw 15:9-17

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi mħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.

Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >