Thursday, 09 December 2021
           
Home
IS-SEBA’ HADD TAL-GHID (2021) IT-TIFKIRA SOLENNI TA’ TLUGH IL-MULEJ FIS-SEMA (LAPSI) PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 16 May 2021

Din hija il-Liturgija tas-Seba'Hadd ta' L-Ghid (2021)TLUGH IL-Mulej fis-Sema ( Lapsi)bi hsibijiet min Joe Rapa.

jesus_ascending_to_heaven-2000.jpg

 

Sal-aħħar waqtiet ta’ Kristu fuq din l-art, l-appostli u dawk qrib tiegħu baqgħu ma jistgħux jifhmu tassew x’kienet il-Missjoni kbira tiegħu; għal xhiex kien daħal għat-tbatija tal-Passjoni, il-Mewt u mbagħad il-Qawmien tiegħu.  San Luqa jistqarr li kellhom ħerqa kbira jkunu jafu meta kien se jsir Sultan u jerġa’ jwaqqaf is-Saltna ta’ David li kienet sparixxiet sekli qabel mal-Eżilju f’Babel!  Kristu telaqgħom, hekk kif kienu, bit-taħwid tagħhom, f’idejn l-Ispirtu s-Santu... “Mhix biċċa tagħkom li tkunu tafu l-jiem u ż-żmien li l-Missier żamm fis-setgħa tiegħu.  Imma intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu.  U tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm...”  (Atti 1, ???).  Nistgħu nimmaġinaw kif baqgħu iċċassati hekk kif ftit wara dan id-dibattitu dwar is-Saltna tad-dinja, jaraw lil Dak li fih kienu qegħdu t-tamiet tagħhom jittieħed minn ħdejhom u jiġi meħud ’il fuq lejn is-Sema!

 

L-esperjenza tal-Pentekoste (Għid il-Ħamsin) bidlet għal kollox il-mentalità tad-dixxipli ta’ Ġesù.  Id-Dawl tal-Ispirtu s-Santu urihom dak li qabel kien moħbi minnhom.  Issa fehmu għaliex Ġesù kien qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.  Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.”  (Mk. 16, 15).  X’kienet din il-Bxara t-Tajba li ntbagħtu mad-dinja kollha jxandru?  Żgur li ħarsu lejn xulxin, għax għal darb’oħra ma fehmuhx.  Kellhom raġun.  Kristu kien qed ikellimhom fuq ħwejjeġ sopranaturali, huma li kienu għadhom nies għal kollox naturali u “down to earth”.  Sakemm Kristu kien għadu magħhom, huma ma setgħux jifhmu l-Missjoni tiegħu.  Dan hu Misteru.  Hu ittieħed minn magħhom lejn is-Sema, biex imbagħad jiġi l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur u jimlihom bl-għerf tas-Sema, bl-għerf veru.  Kristu stess kien qalilhom li jekk ma jmurx Hu ma jiġix l-Ispirtu tal-Verità li kellu jdawwalhom fuq kollox.  Ma baqax magħhom fiżikament, imma, u dan hu Misteru tafux, il-Preżenza tiegħu kienet se tkun akbar u aktar intimà u aktar b’saħħitha spiritwalment.

L-Ispirtu s-Santu wriehom il-“qjies bla qjies”, il-għoli u l-fond u l-wisa’ u t-tul tal-Opra ta’ Kristu.  Insew is-saltniet tad-dinja u l-ħmerijiet tagħha!  Mamma mia kemm ninfixlu fuq ix-xejn!  Aħna bħalhom.  Huma fehmhu x’kien hemm wara l-Għid li għex Kristu.  Moħħhom tħabat biex jesa’ d-dawl li nagħtalhom dwar l-Inkarnazzjoni ta’ Alla nnifsu f’laħam bħal tagħna f’Ġesù l-Mulej;  il-kenosi tremenda tal-passjoni u l-Mewt  (kemm kienu jiddarsu kull darba li kien isemmilhom dawn l-affarijiet!), u l-Glorja tal-Qawmien.  Issa huma kienu qed jesperimentaw dak li rebaħ għalihom Kristu bl-għotja tiegħu: l-Ispirtu ta’ Ħajja Ġdida, l-Ispirtu ta’ Twelid Ġdid, l-Ispirtu ta’ Ħajja għal dejjem.  In-nostalġija għas-Saltna ta’ Iżrael għebet minn moħħhom.  Issa kienu ġa daħlu fil-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn u lkoll bdew iħarsu lejn il-vera pajjiżhom li hu s-Sema, hemm fejn mar jistennihom Kristu l-Mulej.

 

L-Ispirtu s-Santu wriehom li flimkien huma kienu jagħmlu l-Ġisem ta’ Kristu preżenti fid-dinja.  U jekk Kristu r-Ras kien ħaj għal dejjem, allura anke huma, il-Ġisem tiegħu kellhom minn din in-natura u kien ħajjin bħalu għal dejjem.  Għax jekk ir-Ras ġa kienet hemm f’dan il-pajjiż ġdid, anke huma kienu għal hemm, u hemm riedu jmorru. 

 

Issa din l-isplużjoni ta’ Dawl Alla ma riedx jagħtiha lill-Appostli biss.  Hu beda jagħtiha lil kull min beda jemminhom.  L-Ispirtu s-Santu sar bħal “waterfall” immensa, bla qjies, li għal żmien twil kienet miżmuma wara diega impossibbli li tirfida.  Inqasmet biss meta Kristu mejjel rasu fuq sidru fuq is-Salib, għax id-dnub kien tpatta u aktar minn tpatta.  Id-diega saret kollha kemm hi konsenturi, sa ma ġġarrfet għal kollox u l-għarar tal-illma tal-Ispirtu s-Santu faqa d-deżert li kienet id-dinja kollha.  Kull bniedem li għadu ma kellux din il-laqgħa ma’ Ġesù Kristu huwa deżert, nixfa, vojt, dieqa li xejn ma jtaffiha.

 

Imma dan l-Ispirtu, dawn id-doni kollha li nagħtaw lill-ewwel Insara baqgħu jinagħtaw lill-Knisja sal-lum!  Min hi l-Knisja?  Aħna.  Meta inagħtalna dan l-għana kollu?  Fil-Magħmudija, u ġew ikkonfermati mill-Isqof b’Sagrament ieħor aktar tard.  Forsi tgħidli, li int ma tħossx dak li ħassew dawn in-nies.  Tajjeb.  Dan ma jfissirx li int m’għandekx dan l-għana kollu.  Fil-Magħmudija inagħtalek kollox: il-Fidi sħiħa, l-Ispirtu ta’ Ħajja Ġdida, natura divina li ma tmut qatt, l-Imħabba u l-kapaċità li tagħmel ir-Rieda tal-Mulej.  Imma dawn jinsabu midfunin fik.  Hemm qegħdin, imma mirdumin taħt ħafna radam u laqx.  Fik hemm dan  l-Ispirtu ħelu li jfarrġek meta tħossok mhedded, li jagħmillek il-kuraġġ meta qalbek maqtugħa, li jpoġġi maġenbek meta inti mdejjaq għax waħdek... imma kollox għadu ċkejken ħdejn il-materjaliżmu tal-bniedem il-qadim li għadu ħaj fina wkoll.  Din il-Magħmudija li qisha l-kaxxa mgħattna u  kollha trab li fiha hemm dawn ir-rigali enormi kollha ta’ Alla, din il-Magħmudija trid tikber fina.  Jekk għadha lewża, trid tinqasam u tnibbet u tfeġġ pjanta ċkejkna minn qalb il-ħamrija, u b’ħafna sabar issir siġra.  Imbagħad għidli jekk din is-siġra tagħmilx frott jew le.  Ħadd ma jgħallimha kif tagħmel il-frott.  Il-frott joħroġ naturali.

 

L-Istess il-Ħajja Nisranija.  San Pawl jgħidilna li mill-Magħmudija toħroġ il-Grazzja tas-Sejħa tagħna.  Min hu msejjaħ għal ħaġa min għal oħra.  Imma Alla ma jsejħilniex għall-familja tagħna biss imma wkoll għall-Ġemgħa, għall-Knisja.  Min jaħdem għall-Knisja mod, u min ieħor.  Ħaġa waħda hi ċerta: kulħadd hu  mportanti f’għajnejn Alla.  Kulħadd sewa d-Demm ta’ Kristu.  Għalhekk kulħadd jirċievi d-doni tal-Ispirtu s-Santu fil-qjies li għalih ikun biżżejjed biex iwettaq ix-xogħol li Alla jkun ġa lesta għalih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja.

 

Aħna li nikbru fil-Magħmudija tagħna nsiru bħal Palma mħawla fid-deżert.  Għandha xuxxitha titbandal taħt in-nar tax-xemx tiżreġ tad-deżert, imma lilha ma tagħmlilhiex ħsara.  Tafu għaliex?  Għax għandha l-għeruq li niżlu fil-fond ifittxu l-ilma u sabuh.  Għalhekk waqt li s-siġra hi fin-nixfa, hi qatt mhi bil-għatx għax għeruqha jgħumu fl-ilmijiet friski moħbija taħt ir-ramel.  L-istess int u jien  jekk inkunu Nsara tassew.  Inħaffru fil-fond biex inniżlu għeruqna fl-ilmijiet tal-Magħmudija. Tiġi n-nixfa, tirvilla s-sħana, imma bil-għatx ma nkunu qatt.  Għeruqna fi Kristu!  U dan kif?  Nikbru fil-Fidi bis-Smigħ u l-qari tal-Kelma, bis-Sagramenti tal-Knisja, u bit-Talb umli ta’ min jaf li mingħajr l-Ispirtu ta’ Alla kollox hu mejjet.

 

Il-Festa tal-Lum, Lapsi, jew Tlugħ il-Mulej fis-Sema tgħidlna ħaġa waħda:  inkunu eskatoloġiċi, jiġifieri b’mod pożittiv inħarsu lejn is-Sema pajjiżna fejn ħwejjeġ enormi hemm jistennewna.  Din il-Ħajja tgħaddi malajr, imma hemm se ngħixu għal dejjem fil-Ferħ, fil-Mistrieħ, fl-għajbien tal-Mewt, fid-Dehra ta’ Alla, tal-Madonna, tal-Qaddisin, ta’ qrabatna, ta’ ħbiebna, ta’ kotra ta’ anġli u nies li taw xhieda ta’ Ġesù fid-dinja.  Hawn hu biss post it-taħbit, għalkemm xorta jkollna s-sliem tal-Mulej.  Anzi, l-Kelma twegħedna li bi Kristu l-Ħajja ta’ Dejjem tibda minn hawn.  Imma fid-dinja dejjem hawn il-prova li tgħaddi minnha l-Palma fid-deżert.  Ma jimpurtax! Kristu qiegħed jistenniena biex jilqagħna b’idejH miftuħa u x’għaġeb ikun dak meta tara lill-qaddisin jifirħulek għall-Imħabba li wera miegħek il-Mulej!  Awguri!

 

Il-Liturġija tal-Kelma għall-lum:

 

QARI I
Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh.
Atti 1:1-11

Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.

Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha”, qalilhom “smajtu x’kont għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”.

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”. Hu weġibhom: “Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art”.

Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.

Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 46(47):2-3,6-7,8-9

R/.(6): Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ.

jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

Popli kollha, ċapċpu jdejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha.
R/.

Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.

Għax Alla s-sultan tal-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.

QARI II
Naslu fl-aħjar taż-żmien biex isseħħ il-milja ta’ Kristu.
Efes 4:1-13

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.

Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skont il-qies tad-don ta’ Kristu. Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura: “Tela’”: xi jfisser dan għajr li hu niżel ukoll fl-inħawi l-aktar t’isfel tal-art? Dak li niżel huwa dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox.

U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud ragħajja u mgħallmin. Hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla; insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 28:19a,20b

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.
Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Il-Mulej Ġesù kien imtella’ s-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.
Mk 16:15-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu”.

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jipprietkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >