Sunday, 13 June 2021
           
Home arrow Home
IL-PENTEKOSTE (GHID IL-HAMSIN) 2021 IL-QAWWA TAL-ISPIRTU S-SANTU TOHLOQ KNISJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 23 May 2021

Din hija il-Liturgija   ta' Ghid il-Hamsin Pentekoste (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

ghid_50-2000.jpg

 

Il-Pentekoste, jew kif nafuha wkoll bil-Malti pur, Għid il-Ħamsin, hija solennità kbira fis-Sena Liturġika tal-Knisja; aktarx it-tieni festa, wara  l-Għid il-Kbir, li bdiet tiġi ċċelebrata mill-Knisja primittiva tal-ewwel sekli.  F’din il-Festa, l-Knisja terġa’ tgħix mill-ġdid it-twelid tagħha mnissel fin-nirien tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla.  Il-Ġemgħa kien ilha xi snin miġbura madwar Ġesù, ir-Rabbi minn Nazaret, imma saret tassew “Knisja” fil-miraklu enormi li seħħ fil-kamra ta’ fuq taċ-Ċenaklu.  L-Ispirtu s-Santu hu tassew l-ikbar Qawwa li teżisti fl-univers u biH sar kollox.  Huwa nvesta lil dawk kollha li kienu miġbura flimkien mal-Verġni Mqaddsa Marija, Omm l-Imgħallem, bin-nirien tal-ħeġġa u bir-riħ tal-ħelsien.  Dawk kollha li kienu preżenti għaddew mill-esperjenza memorabbli tat-Twelid Ġdid li kien bassar Kristu nnifsu, u ħassew li kienu waqgħu minn fuqhom il-ktajjen antiki tal-kalkoli, tad-dubji, tal-biża’ u ħarġu jxandru l-Bxara t-Tajba bħal nies li ma kellhom xejn li xejn x’jitilfu!

 

Tant kienet tal-għaġeb din id-deħra li ħafna ħasbuhom fis-sakra.  Li kien ġara kien il-frott immedjat tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Għall-ewwel darba l-Ispirtu niżel fuq Ġemgħa u ħoloq Poplu Ġdid, il-Poplu l-Ġdid ta’ Alla.  San Ġwann jgħidilna ċar u tond li qabel l-Ispirtu ma setax jinagħta... l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.  (Ġw. 7, 39).  Kristu “xtara” (biex nużaw kelma baxxa) l-Ispirtu s-Santu bl-Ubbidjenza tiegħu lejn il-Missier.  Il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt fetħu beraħ l-għejjun tal-ilmijiet tal-Ħajja.  Minn dak il-mument ’il quddiem, l-Ispirtu s-Santu beda jgħammar fil-Knisja u jinagħta lil kotra ta’ nies minn ġenerazzjoni għall-oħra. 

Għalhekk għandu raġun dak li quddiem tant diskors dwar Knisja fi kriżi, b’wiċċu minn quddiem qal li l-Knisja ma tista’ qatt tkun fi kriżi, u qatt ma kienet fi kriżi għax l-Ispirtu s-Santu li jgħammar fiha u jagħtiha l-Ħajja ma jista’ qatt ikun fi kriżi.  Fi kriżi hu l-poplu tagħna u l-popli tal-punent, li mifxulin fuq il-frugħat u l-ġandar tad-dinja qegħdin fi kriżi ta’ Fidi.  Huwa l-poplu li qiegħed fi kriżi u mhux il-Knisja.  Bħalma qal il-mibki Oliver Friġġieri: “Il-poplu tagħna huwa bħal tifel adoloxxenti li tilef rasu wara l-affarijiet li qed jara madwaru u sar jistma lil sħabu ferm aktar milli lill-ġenituri tiegħu.  Din hi l-kriżi li għandna madwarna.  L-importanti sar l-ispirtu tad-dinja u ta’ dawk il-pajjiżi li nħossuna nferjuri għalihom u għalhekk nikkuppjawhom f’kollox.

 

Allura, l-Ispirtu s-Santu tant hu rigal għani u mprezzabbli li sewa d-Demm ta’ Alla nnifsu fi Kristu msallab.  Il-Missier qajjem lill-Ibnu mill-qabar bil-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu u issa dan il-Qawmien, din il-Qawwa issawbet fuq il-Ġisem sħiħ ta’ Ġesù li hi l-Knisja.  Jien u int irċivejna sehem minnu!  Irċivejnih fil-Magħmudija.  Issa, dan jiddomina lil Ħajjitna fil-qjies li kibret il-Magħmudija tagħna.  Il-Magħmudijja hi Mixja, hi Proċess.  Fir-Rit tas-Sagrament inagħtalna kollox!  Il-Missier m’għad baqagħlu xejn x’jagħtina!  Tana kollox!  F’Ibnu rebbieħ fuq il-Mewt tana l-Ħajja għal Dejjem.  Diġa kollox qiegħed għandna... imma inti dan ma temmnux, jew qajla temmnu.  Allura kollox sieket, mutu, midfun taħt it-terrapien ta’ tant suspetti, dubji, ġrieħi, vizzji, idolatriji...  Għandna bżonn nikkonvertu!  Xi jfisser dan?  Ngħidu għalija l-ewwel.  Il-konverżjoni hi li nibdew innadfu t-terrapien li qed jidfen u joħnoq l-ilma tal-Magħmudija ġewwa fina.  Jien għandi bżonn li l-Magħmudija tiegħi tikber biex sa fl-aħħar inkun nista’ ngħajjat ferħan: “Ara!  Dak li qaluli hu minnu!  Tassew li l-Missier tani kollox!!"

 

Fis-silta sabiħa mill-Ittra ta’ Pawlu lir-Rumani, l-Appostlu llum jgħidilna: “Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied.”  (Rum. 8, 22-23).  Id-dinja kollha titniehed għall-Ispirtu li ġa jinsab fl-imgħammdin, imma li jagħmel għeġubijet kbar f’dawk li mmaturaw fil-Fidi.  Min ħalla l-Ispirtu ta’ Kristu Rebbieħ fuq il-Mewt jimmatura u jikber fih, rebaħ il-Mewt.  Dan hu tal-għaġeb u mhux se jitwemmen hekk, billi tfaqqa’ subgħajk.  Għalhekk l-Ispirtu hu mxennaq biex jimlina bl-ilmijiet tiegħu ħalli d-deżert li hemm f’kull bniedem isir ġnien imsoqqi tajjeb, b’siġar sbieħ li jagħtu frott is-sena kollha.  U l-frott tal-Ispirtu li jimpressjonaw lid-dinja huma tnejn:  l-Għaqda ta’ bejn l-aħwa u l-Imħabba bla limiti anke għall-għadu.  Dawn iż-żewġ sinjali l-ebda bniedem mhu kapaċi jwettaq bil-ħila tiegħu.  Quddiemhom, id-dinja jkollha tgħid: “Hawn jinsab Alla!  Alla tassew jeżisti!  Alla jagħmel l-għeġubijiet bin-nies!” 

 

Għalkemm hawnhekk, Pawlu donnu jgħid li l-adozzjoni ta’ wlied irridu nistennewha fid-dinja l-oħra, x’imkien ieħor hu jsostni li din l-adozzjoni sseħħ hawn u huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħmilna wlied.  Infatti fl-istess Ittra hu jgħid: “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla.  Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abba Missier!”.  Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.  U jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta ta’ Alla!”  Taf x’qegħda tgħidilna din il-Kelma ispirata mill-Ispirtu s-Santu?  Li aħna wlied Alla fil-qjies li kiber fina l-Ispirtu s-Santu.  U jekk aħna wlied, mela aħna għandna l-istess natura tiegħu!  U taf xi writtna b’dan?  Aħna m’aħna se mmutu qatt!  Aħna wlied Alla imnissla minnU u aħna eterni bħalU għax l-Ispirtu tiegħu jiġri fil-vini tagħna!

 

Ara kemm hi tal-għaġeb il-Fidi!  Ara kemm għandha rigali ta’ barra minn hawn fi ħdanha l-Knisja!  Fejnhom il-gdiedem?  Fejnhom it-tqanżiħ u d-dieqa li tara f’tant uċuħ “reliġjużi”.  Inqumu fuq tagħna u nduru tassew lejn Alla mhux, bis-suspetti li Hu jippretendi ħafna minna, imma bil-fiduċja li aħna biċċa arti tal-għaġeb li Hu qed jaħdem bil-ħila tal-Ispirtu s-Santu.  X’nistgħu qatt nagħtuh aħna lill-Mulej?  X’għandna aħna li Hu għandu bżonnha?  Aħna lkoll żero, imma għonja fl-istess ħin għax niftħu qalbna u Hu jimlihielna.  Fuq kollox igerrex il-biża’ tal-Mewt ’il bogħod minna għax l-Ispirtu jixhed lill-Ispirtu tagħna li aħna werrieta ta’ Alla.  “U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abba! Missier!  U hekk m’intix iżjed ilsir, iżda iben; u jekk iben, werriet ukoll bil-grazzja ta’ Alla.”  (Gal. 4, 6-7). 

 

Ara x’xorti tajba tkun Nisrani tassew!  Fil-ferħ inti tgħajjat “Abba! Missier!”  Fis-saħħa inti tgħajjat:  “Abba! Missier!”.  Meta kollox ġej tajjeb u inti mimli ħeġġa, tgħajjat: “Abba! Missier!”  Meta tibda tixjieħ u jżernaq żmien il-mard, inti tgħajjat: “Abba! Missier!”  Meta madwarek kollox qisu rovina, inti tgħajjat: “Abba! Missier!”  Meta s-salib jinżel fuq spallejk u tkun se togħtor, inti tgħajjat: “Abba! Missier!”  Meta ħadd ma jifhmek u kulħadd jaħseb ħażin fik, inti tgħajjat: “Abba! Missier!”  Meta l-Istorja ddardrek u l-għadu jiġi jgħidlek li Alla nsiek, inti tgħajjat: “Abba!  Missier!”  U meta l-knisja ddoqlok l-agunija, u int taf li wasal il-mument tal-Għid il-Kbir tiegħek, inti tiftaħ fommok għall-aħħar darba u tlissen bla saħħa: “Abba! Missier!  Abba! Missier!” 

 

Dan hu li jagħmel l-Ispirtu s-Santu fina.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-Velja tal-Pentekoste:

 

L-Ewwel Qari:

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  11, 1-9.

    L-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem wieħed.  Iżda ġara li, meta telqu mil-Lvant, sabu pjanura f’art Singħar, u qagħdu hemm.  U qalu lil xulxin: “Ejjew nagħmlu ġebel tat-tafal u naħmuh fil-foħħarija.”  Il-ġebel tagħhom kien tal-fuħħar, u flok tajn kienu jużaw iż-żift.  Imbagħad qalu:  “Ejjew nibnu belt għalina u torri, b’quċċata tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu monument għalina ħalli ma nitferrxux ma’ wiċċ l-art kollha.”

    U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu qegħdin jibnu l-bnedmin.  U qal il-Mulej: “Arahom daqsxejn, ġens wieħed huma, u jitkellmu lsien wieħed. U dan għadu l-bidu tax-xogħol tagħhom!  Issa kull ma jfettlilhom jagħmlu ma jaqtagħlhomx qalbhom.  Żul ħa ninżel hemm inħabblilhom ilsienhom biex ma jifhmux ’íl xulxin.”

     U minn hemm il-Mulej xerridhom ma’ wiċċ l-art kollha, u huma waqfu mill-bini tal-belt.  Għalhekk issejħet Babel, għax hemmhekk il-Mulej ħawwad ilsien l-art kollha, u minn hemm il-Mulej xerridhom ma’ wiċċ l-art kollha.

It-Tieni Qari:

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu.  19, 3-8a.  16-20b.

    F’dak iż-żmien: Mosè tela’ ħdejn Alla, u l-Mulej sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan għid lil dar Ġakobb u tgħarraf lil ulied Israel: ‘Intom rajtu x’għamilt lill-Eġizzjani.  Jiena rfajtkom fuq ġwienaħ l-ajkli u ressaqtkom lejja.  Issa, jekk tisimgħu sewwa leħni u tħarsu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-ġnus kollha.  Għaliex l-art kollha kemm hi hija tiegħi.  Tkunu għalija saltna ta’ qassisin, ġens qaddis.’  Dan hu l-kliem li għandek tgħid lil ulied Israel.”

    Mosè mar u sejjaħ lix-xjuħ tal-poplu u qiegħed quddiemhom kull ma orndalu l-Mulej.  Il-poplu kollu, b’leħen wieħed, wieġeb: “Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh.”

    Fit-tielet jum mas-sebħ kien hemm ragħad u beraq, u sħab oħxon għatta l-muntanja.  Instama’ wkoll iż-żarżir qawwi tat-tromba, u triegħed il-poplu kollu fil-kamp.  Mosè ħareġ il-poplu mill-kamp biex jiltaqgħu ma’ Alla; u waqfu f’riġlejn il-muntanja.

    Il-muntanja Sinaj bdiet iddaħħan kollha kemm hi għax niżel fuqha l-Mulej fin-nar.  Id-duħħan beda tiela’ ’l fuq bħad-duħħan ta’ forn u l-muntanja kienet titheżżheż kollha.  Kull ma jmur, id-daqq tat-tromba beda dejjem jitqawwa.  Imbagħad tkellem Mosè, u Alla wieġbu b’ragħda.

    U niżel il-Mulej fuq il-quċċata tal-Muntanja Sinaj, u l-Mulej sejjaħ ’íl Mosè biex jitla’ fuq il-quċċata tal-muntanja.

It-Tielet Qari:

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  37, 1-14.

    F’dak iż-żmien: Id il-Mulej qabditni u ħaditni bl-ispirtu tal-Mulej, u qegħditni f’nofs il-wied.  Dan kien miżgħud bil-għadam.  Huwa għaddieni dawramejt madwarhom; kien hemm kotra bla qjies fuq wiċċ il-wied, u kienu nexfin qoxqox.  U l-Mulej qalli: “Bin Adam, jista’ dan il-għadam jerġa’ jieħu l-ħajja?”  Jiena weġibt: “Sidi Mulej, dan inti tafu.”

    U qalli: “Ħabbar lil dan il-għadam u għidlu: Ja għadam niexef, isma’ l-kelma tal-Mulej.  Hekk qal Sidi l-Mulej lil dan il-għadam niexef: ‘Ara, jiena se nġib fik ir-ruħ, uinti terġa’ tgħix.  U nqiegħed fik in-nervi, u ntellagħlek il-laħam, u ngħattik bil-ġilda, u nqiegħed fik ir-ruħ.  U inti terġa’ tgħix, u tkun taf li jiena l-Mulej.’”

    Imbagħad ħabbart kif ordnali.  U jiena u nħabbar instema’ ħoss, u ara, il-għadam tqanqal, u kollha bdew resqin lejn xulxin, għadma lejn għadma.  Jien ħarist, u ara, ġew fihom in-nervi, telgħalhom il-laħam, fuqhom infirxet il-ġilda, imma nifs ma kienx hemm fihom.  U qalli: “Ħabbar lir-ruħ, ħabbar Bin Adam u għid lir-ruħ: ‘Hekk qal Sidi l-Mulej: Ejja, ja ruħ, mill-erbat irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin, u jerġgħu jieħdu l-ħajja’”

    Jien ħabbart kif ordnali, u r-ruħ daħlet fihom, reġgħu ħadu l-ħajja, u waqfu fuq riġlejhom, eżerċtu kbir fuq li kbir.  U qalli: “Bin Adam, dan il-għadam huwa d-dar kollha ta’ Israel.  Ara, huma jgħidu: ‘Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, inqridna għal kollox.’  Għalhekk ħabbrilhom u għidilhom.  Hekk qal Sidi l-Mulej: ‘Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi, u nġibkom mill-oqbra tagħkom ja poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Israel.  Imbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi.  U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja.  Nagħtikom il-mistrieħ f’artkom, u tkunu tafu li jiena l-Mulej.  Hekk għidt u hekk nagħmel.’”

Ir-Raba’ Qari:

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel.  3, 1-5.

   Dan jgħid il-Mulej: ‘Jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.  Uliedkom iħabbru, subien u bniet, ikollhom ħolm ix-xjuħ tagħkom, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.  U fuq l-ilsiera wkoll, irġiel u nisa, insawwab l-Ispirtu tiegħi f’dawk il-jiem.  Fis-sema u l-art nuri sinjali, demm u nar u kolonni ta’ duħħan!  Ix-xemx tinbidel fi dlam u l-qamar f’demm qabel ma jasal jum il-Mulej, kbir u tal-biża’!  Jeħlisha kull min isejjaħ isem il-Mulej; għaliex fuq il-muntanja ta’ Sijon u Ġerusalemm ikun hemm il-meħlusin, kif qal il-Mulej; u fost il-maħrubin ikun hemm min isejjaħlu l-Mulej’.

Il-Ħames Qari:

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 22-27.

    Ħuti: Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed u jokrob bħal waħda fl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nnifisna waqt li nistenew l-adozzjoni ta’ wlied Alla, il-fidwa ta’ ġisimna.  Għax aħna wkoll salvati bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma jkunx hemm aktar tama; għax kif jista’ wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa qiegħed jara?

    Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m’aħniex narawh, qegħdin nistennewh bis-sabar.  Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, igħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.  Għax aħna anqas biss nafu x’għandna nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu, bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u Dak li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu, kif bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont ma jrid Alla.

 

Versett:  Hallelujah. Ejja Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.  Hallelujah.

 

L-Evanġelju:

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  7, 37-39.

   Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam igħid b’leħen għoli: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob.  Kif tgħod l-Iskrittura, min jemmen fija minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.”

    B’dan ried ifisser l-Ispirtu s-Santu li kellhom irċievu dawk li jemmnu fih – għax l-Ispirtu kien għadu ma ġiex mogħti billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 
< Prev   Next >