Sunday, 13 June 2021
           
Home arrow News arrow Latest arrow HADD WARA GHID IL-HAMSIN: IT-TRINITÀ QADDISA ALLA HU ESPERJENZA
HADD WARA GHID IL-HAMSIN: IT-TRINITÀ QADDISA ALLA HU ESPERJENZA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 29 May 2021

Din hija il-Liturgija   tal-Hadd wara Ghid il-Hamsin ( It-Trinita Mqaddsa ) (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gesu_2.jpg

 

Wara l-esperjenza tal-Pentekostè, il-Knisja, li hi aħna, tgħix b’sens ta’ qima u stagħġib reliġjuż, il-Misteru tat-Trinità Qaddisa.  Alla huwa Wieħed imma fl-istess ħin huwa Komunità.  Għax jekk Alla hu Mħabba, din l-Imħabba ma tiflaħx tkun waħedha.  Għalhekk waqt li Alla hu Wieħed, hu wkoll Komunità ta’ Mħabba.  Wieħed magħmul minn tliet Persuni li jinħabbu u magħqudin f’Imħabba Waħda.

 

Issa dan hu misteru li nkunu prużuntusi jekk nippretendu li naslu biex nifhmuh.  Hi l-manija tal-era supperva ta’ żmienna li l-bniedem irid jifhem kollox.  Jekk int tifhem lil Alla, dan x’Alla hu?  Aħna rridu ngħaġnu “Alla” f’sura tagħna, inniżluH għal-livell ta’ moħħna.  Li tant għandna bżonn aħna mhux li nifhmu lil Alla iżda li jkollna “laqgħa” miegħu ikollna esperjenza tiegħu, ikollna x’nirrakkontaw fuqu minn ħajjitna stess.

 

Il-verità hi li aħna ħlejjaq imsejkna li lanqas biss m’għandna l-ħila noħorġu miċ-ċirku ta’ egoiżmu li jdur madwar kull individwu, kull raħal u belt, kull partit u nazzjon.  Il-bniedem irid  jammetti, anke jekk mexa tant ’il quddiem fix-xjenza u t-teknoloġija u anke fil-mediċina, li f’dak li hu tant importanti, bħar-relazzjoni ta’ bejnietna, il-paċi fid-dinja, il-ftehim ta’ bejn l-aħwa... bqajna qisna l-annimali tal-ġungla fejn min hu b’saħħtu jħawwel u fejn tiddomina il-“food chain” fejn wieħed jiekol lil min hu iżgħar minnu biex hu jispiċċa mikul minn dak li hu akbar minnu.

 

Fuq kollox il-bniedem huwa ddominat mir-rejaltà tal-Mewt li tistenna lil kulħadd u lil kollox fuq din il-pjaneta.  Dak kollu li naħsbu u nagħmlu, jgħidu l-psikoloġisti, huwa kkundizzjonat minn din ir-rejaltà.  U xorta, dan il-bniedem, għax inrenxxielu jagħmel karozza u ajruplan u niżel jimxi fuq pjaneta oħra, jippretendi li dak li ma jifhmix moħħu ma jeżistix.

 

Inutli nitkellmu fuq it-Trinità bħala suġġett li nippruvaw nifhmuh.  Alla huwa Ġrajja, huwa Storja huwa Esperjenza.  Alla hu tant umli li jinżel juri ruħu lil-bniedem ċkejken li lanqas jaċċetta lilu nnifsu, imma Alla jirrispettah tant li jurih Hu min hu fl-Istorja li jgħaddih minnha.  Alla hu Mħabba u kull Storja ta’ bniedem, anke jekk tgħaddi minn widien ta’ dell il-mewt, fl-aħħar mill-aħħar tipproklama din l-Imħabba li Alla għandu għal kull wieħed minna.  Il-Missier li hu Mħabba, ħalaq kollox bil-Kelma ħallieqa tiegħu u din il-Kelma, li hi Ibnu, Hu bagħatha fid-dinja biex tidħol f’qalb il-bnedmin u ssir Ħuġġieġa Nar fihom, u dan in-Nar hu l-Ispirtu s-Santu.  Kristu nnifsu bl-aħħar Kelmiet tiegħu fuq l-art għamar lil dawk li emmnu fih biex jixterrdu mad-dinja kollha u jgħammdu lil dawk li jemmnu fiH, “fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.”  (Mt 28, 19).  Huwa Kristu li, fuq kollox, wera Alla min hu.

 

Issa, jekk il-Misteru ta’ Alla Trinità hu mmensament ogħla minn fejn nistgħu nilħqu aħna b’moħħna, hemm Misteri oħra li Alla jixtieq jirrivelalna bil-Persuna umana-divina ta’ Ibnu u bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu.  Misteru li Alla jixtieq jurina hu ċertament il-Misteru tas-Salvazzjoni tagħna, jgħid San Pawl.  Għidna li Alla juri ruħu fi Ġrajja, fi Storja, f’dak li ngħaddu minnu aħna fuq livell intimu u personali.  Jekk tistaqsi lil Abraham għaliex jemmen f’Alla, hu ma jistax isemmi l-katekiżmu, jew xi tagħlim profond fuqU.  Kulma jagħmel hu li jsejjaħ lejh lil tifel jismu Iżakk u jgħidilna li dak kien ibnu.  Imma jgħidlna wkoll li martu ma setax ikollha tfal u meta anke hu kien xjaħ ħafna (75 sena) u issa anke hu ma setax ikollu tfal, kellu l-ewwel esperjenza ta’ Alla li hu ma kienx jaf biH.  Alla poġġielu ċertezza f’qalbu li hu ma kienx se jmut qabel ma jgħannaq miegħu lil ibnu.  Għadda ħafna żmien, imma Abraham baqa’ jittama  kontra kull tama li Dak li kien għamillu l-Wegħda kien aqwa minn kull setgħa fid-dinja.  Ta’ mitt sena lil Abraham tawh it-tarbija tiegħu f’idejh!  Miraklu!  Ħaġa mpossibbli!  Kemm kienu waqqgħuh għaċ-ċajt.  Anke martu Sara kienet tibda tidħaq. 

 

Abraham sar jaf xi jfisser tgħix “Jum il-Mulej”.  Għalhekk hu emmen f’Alla Wieħed għax esperjenzjaH.  Ħadd ma għallmu.  Kien Alla li żera’ l-Fidi fih.  L-istess ġralu Iżrael bħala poplu. Kien sema’ b’Alla ta’ missirijietu, imma s-sekli ta’ jasar f’art barranija (l-Eġittu) nessewh kollox.  Kienet esperjenza qarsa li matulha Alla kien sieket, donnu għeb.  Issa jekk tistaqsi lil Iżrael għaliex jemmen f’Alla, min għallmu, hu jgħidlek: “Jien kont ilsir fl-Eġittu.  Ma kelli l-ebda tama li negħleb lil min kien qed ijassarni u jġagħalni naħdem minn dlam sa dlam.  Jien rajt lil missieri fi xjuħitu jmut ġot-tajn meta ma felaħx iktar u jien kont qed nistenna li lili jiġrili l-istess.  Imma darba deher profeta fostna li wegħedna li Alla kien se joħroġna ’l barra minn dak l-infern.  Ftit emmnuh, imma mbagħad bdew jiġri ġrajjiet misterjużi, flaġelli fuq l-għedewwa tagħna, sinjali li xi ħaġa kbira kienet qegħda tinħema favur tagħna. 

 

L-Eġizzjani keċċewna għax bdew jibżgħu minna!  U meta reġa bdielhom u aħna ġejna bejn il-basla u qoxritha, Alla fetħilna triq quddiemna fil-baħar.  Rajna l-baħar jinferaq!  Kulħadd tbellaħ!  Inżilna f’qiegħ il-baħar, mexjin fuq ir-ramel u tlajna n-naħa l-oħra.  Ħarisna lura u rajna l-baħar jerġa’ jinagħlaq fuq l-għedewwa biż-żwiemel u l-karrijiet tagħhom!  Għalhekk nemmen f’Alla jien, għax rajt ħwejjeġ li jien nibqa’ nirrakkontahom lil uliedi u huma jirrakkontawhom lil uliedhom sal-aħħar taż-żmien.  Anke int, jista’ jinfetaħ “il-baħar” quddiemek f’xi waqt tal-Istorja u fik titwieled Fidi li ħadd ma jkun jista’ jisraqhielek.

 

U jekk nistaqsu lil Sawlu ta’ Tarsu?  Min għallmu fuq Ġesù ta’ Nazaret?  Hu kien jobgħod lis-“setta” tad-dixxipli tiegħu.  Hu kien sema kif l-anzjani u l-iskribi tal-poplu tiegħu li hu kien tant jammira u jħobb kienu ddikkjaraw lir-Rabbi ta’ Nazaret bħala wieħed eretiku u neħħewh min-nofs.  Għalih dan kien biżżejjed biex jobgħod lil dawk li kienu baqgħu jemmnu fiH.  X’ma għamlilhomx?  Meta kien fl-eqqel tal-qilla tiegħu ħa sehem fil-qtil ta’ Stiefnu, u ftit wara tela’ lejn Damasku imkaxkar mix-xjaten tal-ġudizzji u l-mibegħda.  Kien fl-eqqel tal-jasar tad-dnub li ltaqa’ ma’ Kristu!  F’leħħa ta’ berqa Kristu keċċa x-xjaten kollha li kienu ġennewh u hu ra b’għajnejh, iva ra b’għajnejh li Dak li kien sallbu u difnu, kien għadu ħaj u kien tassew l-Iben ta Alla!

 

Kemm jirrakkontaha din l-Istorja Pawlu!  Quddiem rejiet; quddiem folol irrabbjati għalih; fl-ittri tiegħu lil dawk li kienu emmnuh...  Ġrajja, Storja, Esperjenza!  Anke magħna, l-Mulej jixtieq jurina bl-esperjenza li hu huwa Mħabba, sakemm naslu li bħal Ġuljana ta’ Norwich ngħidu: “Ma ninkwetax u ma nibża’ minn xejn għax kollox se jispiċċa tajjeb.  Kollox.  Għax Alla hu Mħabba!”

 

Id-dinja ma tistax tifhem lil dawk li tassew jemmnu fl-Alla ta’ Ġesù Kristu.  Ma tistax!  Ma tistax tifhem l-esperjenza tagħhom!  Ma tistax timmaġina li f’qalb minn jemmen jgħammar l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ Alla, l-Ispirtu ta’ Ġesù li rebaħ il-Mewt!  “Intom ma rċevejtux l-ispirtu tal-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu ta’ adozzjoni ta’ wlied Alla, li bih aħna ngħajtu: “Abba! Missier!”  Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna, li aħna wlied Alla.”  (Rum. 8, 15-16).  Kemm imieru l-Fidi; kemm jattakkawha; kemm iġibu raġunamenti!  Kollu ta’ xejn.  Alla jeżisti u Hu jaħdem fin-nies u l-Fidi li Hu jiżra ma tmut qatt.  Għax kif qal Ġesù fl-Evanġelju tal-lum: “U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.”  (Mt. 28, 20).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Il-Mulej hu tassew Alla kemm fil-għoli tas-sema kif ukoll hawn isfel fl-art, u m’hawnx ieħor għajru.
Dewt 4:32-34,39-40

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Staqsi liż-żminijiet tal-imgħoddi, iż-żminijiet ta’ qabel, sa minn mindu Alla ħalaq il-bniedem fuq l-art, fittex minn tarf għall-ieħor tas-sema, u ara kienx hemm ġrajja hekk kbira bħal din, jew qattx instemgħet oħra bħalha. Qatt kien hemm poplu li sama’ leħen Alla jitkellem minn ġon-nar – bħalma smajt int – u baqa’ ħaj?

Jew qatt xi alla fittex li jagħżel għalih poplu minn fost poplu ieħor b’tiġrib, b’sinjali, b’għeġubijiet, b’taqbid, b’id qawwija u bi driegħ merfugħ, b’għemejjel kbar tal-biża’, bħalma għamel għalik quddiem għajnejk fl-Eġittu l-Mulej, Alla tiegħek?

Mela, kun af illum, u żommha f’moħħok, li l-Mulej hu tassew Alla, kemm fl-għoli tas-sema kemm hawn isfel fuq l-art, u li ma hawnx ieħor għajru. Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu li se nagħtik illum biex ikollok riżq, int u wliedek warajk, ħalli tgħix żmien twil fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik għal dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 32(33):4-5,6,9,18-19,20,22

R/. (12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu.

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,
u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.
Għax hu tkellem, u kollox sar;
hu ordna, u kollox seħħ. R/.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna.
R/.

QARI II
Irċevejtu l-Ispirtu tal-adozzjoni ta’ wlied Alla.
Rum 8:14-17

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”. Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Apok 1:8

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,
lil Alla li hu, u li kien u li għad irid jiġi.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Għallmu u għammdu fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Mt 28:16-20

Għeluq tal-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >