Sunday, 13 June 2021
           
Home arrow Home
IT-TIFKIRA SOLENNI TAL-GISEM U D-DEMM TA’ KRISTU (2021) ALLA JITBAXXA U JITGHOLLA B’RISQ TAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 06 June 2021

Din hija il-Liturgija   tat-Tifkira Solenni tal-Gisem u d-Demm ta' Kristu (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

l-ahhar_cena.jpeg

 

Għidna ħafna drabi li l-Kristjaneżmu mhuwiex kopja tar-reliġjonjiet tad-dinja, kif inhuma kopja ta’ xulxin ir-reliġjonijiet kollha.  Per eżempju, kemm il-Ġudajiżmu u l-Iżlam, bħal kull reliġjon, huma msejsa fuq sett ta’ liġijiet li jekk il-bniedem jobdihom jinagħta r-rigal tal-Ħajja wara l-Mewt, imma jekk ma jobdihomx jaqla l-kastig tal-Mewt ta’ dejjem.  Hi ħaġa ċara li hawn l-essenza mhix l-imħabba imma l-kapaċità li l-bniedem individwali għandu li jobdi biex hekk jakkwista dik li San Pawl isejħilha “il-paga tax-xogħol li jkun wettaq”.

 

Hawn lanqas tidħol il-Grazzja.  Għax il-Grazzja hi rigal enormi li ħadd ma jistħoqq imma li tinagħta lil ħafna b’xejn, gratis, mirbuħa minn Kristu għall-midneb.  Tidher ċara d-differenza bejn il-Grazzja u r-“reliġjożità naturali” li hemm f’kull bniedem.  Iktar kemm għandek lill-bniedem fiċ-ċentru ta’ kollox fejn tpoġġih ir-“reliġjożità”, iktar tqum il-mistoqsija: “Jekk kollox jiddependi mill-bniedem, allura x’ġie jagħmel Kristu?  Għalfejn għex il-Misteru tal-Għid?”

 

Issa dawn l-affarijiet, jintlemħu wkoll xi ftit fil-Kristjaneżmu, għalkemm diżgrazzjatament għamilna emfasi żejda fuq l-isforżi tal-bniedem biex tappanna u ċajparna dak li hu fiċ-ċentru, dak li hu l-essenzjal, dak li l-ebda reliġjon m’għandha.  Fil-Kristjanezmu, mhux il-bniedem hu fiċ-ċentru.  Mhux kemm kapaċi jobdi l-bniedem u ma jagħmilx dnub li hu l-iktar importanti, imma l-fatt li Alla ndaħal fl-Istorja tal-bniedem u ġie biex Hu jsalvah u mhux il-bniedem isalva lilu nnifsu. 

 

Din hi d-differenza.  Meta Kristu xandar id-Diskors tal-Muntanja, Hu kien qed jagħmilha ċara li jekk dak li hemm f’dan id-Diskors huwa r-ritratt tal-bniedem salv, allura huwa Alla li jsalva lill-bniedem u mhux il-bniedem isalva ruħu, kif tant drabi mdorrijin ngħidu aħna.  Hu ċar li l-ebda bniedem m’hu kapaċi jgħix bil-ħila tiegħu d-Diskors tal-Muntanja.  Quddiem dan id-diskors tidħol fi kriżi r-reliġjożità.

 

U la l-bniedem ma kienx kapaċi jsalva lilu nnifsu bir-reliġjożità tiegħu kollha, kif salvah Alla?  Alla ġie jgħix miegħu!  Din hi ħaġa tqila biex wieħed Lhudi, Mislem, “reliġjuż”, jemmnu!  Kif jista’ jkun li Alla, li tant hu kbir, tant hu qaddis, tant li lanqas l-univers kollu ma jesgħu, jinkarna ruħu f’ġuf ta’ tfajla sempliċi, u libes laħam il-bniedem f’Ġesù ta’ Nazaret?!  Alla nnifsu tgħabba b’laħam Adam, miġbud lejn id-dnub u l-Mewt, Hu li ma jafx x’inhu dnub u Mewt!

 

Tassew li l-Inkarnazzjoni hi bomba li qalbet l-Istorja tal-umanità.  Dan hu l-Kristjaneżmu.  Ġrajja.  Esperjenza. Storja li seħħet fi żmien storiku preċiż.  Fit-tali żmien, Mara welldet tarbija f’għar qrib Betlehem, u dik it-tarbija, dik iċ-ċappa laħam,  kienet Alla li ħalaq is-sistemi solari u l-univers kollu!  Tassew li l-Kristjaneżmu mhux “reliġjon” tip tar-reliġjonijiet normali l-oħra.  Il-Kristjaneżmu jinqata’ għalih waħdu u jiddikkjara xi ħaġa li trid tkun il-Grazzja tal-Ispirtu s-Santu biex il-bniedem jemminha.

 

Il-Fidi Nisranija turini li Alla għamel kenosi, niżla, minħabba fija u fik.  Dan hu l-għaġeb.  Lili u lilek ma ħalliniex nitħabtu, nitqanżħu, nisfurzaw weħedna, imma ġie u ħa fuqu t-toqol kollu tagħna, id-dnub li kien imkaħħal magħna, id-dejn kollu li tellajna tul ħajjitna, is-saħta li hemm nieżla fuq kull bniedem midneb... ħadhom Ħu, Kristu, u lilu dan it-toqol kollu qatlu!  Hu spiċċa msallab ma’ salib, ma siġra, il-mewt li għal-Lhud hi misħuta u tixraq biss lill-eqqel fost il-midinbin.  Kristu kien ġerħa waħda għax hu sar l-ikbar midneb, u l-ħlas żgur tad-dnub hu l-Mewt.  Imma bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu, dnubiet il-bniedem inħaslu u min jemmen li Alla jħobbu tassew b’dan il-mod hu ġġustifikat, magħmul ġust għax id-Demm ta’ Kristu ma jkunx ixxerred għalxejn għalih!

 

San Pawl għandu Innu mill-isbaħ biex jurina n-niżla u l-Glorja ta’ Kristu.  Hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li h daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbaħ lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.  Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù – fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art – il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkupptejhom, u kull ilsien jistqarr: “Ġesù Kristu hu l-Mulej, għall-glorja ta’ Alla l-Missier.”  (Fil. 2, 6-11).  Dan hu l-Kristjaneżmu.

 

Mela, n-Nisrani ma jemminx biss f’Alla li ħalaq kollox.  Dak hu naturali, wara kollox.  Hi t-tweġiba li toħroġ waħedha meta nħarsu lejn l-enormita ta’ ħolqien li hawn madwarna.  Itla’ fuq il-bejt f’lejl sajfi u ħares lejn il-kwiekeb tas-sema u għidli jekk hux tqil temmen li minn xi ħadd kbir, minn xi Bidu ħareġ dan kollu!  Imma n-Nisrani mhux dan biss jemmen.  Il-kbir għadu ġej.  Alla jitneżża’, kif qalilna San Pawl, u jsir dgħajjef bħalna, b’ġisem bħal tagħna biex ikun jista’ jagħmel l-Opra li l-ebda bniedem ma seta’ qatt jagħmel. 

 

Il-ħlas tad-dnub hu l-mewt u aħna writna mingħand ommna eżistenza, laħam li hu mħassar bid-dnub u riesaq dejjem lejn il-Mewt.  Aħna konna bħal nagħaġ mgħaġġlin jiġru lejn is-sies tal-qerda.  Imma din l-isfortuna ħadha Hu fuqU.  Hu daħal bejnna u l-Mewt.  Il-monstru bela’ lilu u aħna ħrabna.  Iżda l-Missier qajmu mill-Mewt biex sar għaliha bomba li splodietha u qatlitha!  Il-Mewt inbelgħet mir-rebħa! Ħallelujah!  (1 Kor. 15, 54).  Dawn l-affarijiet l-ebda reliġjon ma xxandarhom.  Issa mhix iktar kwistjoni ta’ tqanżiħ u lanqas ta’ ubbidjenza, iżda ta’ Fidi, għalkemm, nagħmluha ċara, li l-Fidi tagħtina qawwa li nobdu lil Min salvana.  Il-Fidi hi s-siġra qaddisa li tagħti l-frott ta’ ubbidjenza lejn ir-Rieda tal-Missier, għax x’jiswa ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu?  (Ġak. 2, 14). 

 

Imma issa m’għadux il-bniedem li jobdi, għax dan mhux kapaċi jagħmlu, iżda hi l-Preżenza ta’ Kristu li jgħammar fih bl-Ispirtu s-Santu permezz tal-Fidi.  Huwa Hu li jobdi fil-bniedem, għax l-Appostlu jgħid: Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu.  (Gal. 2, 19).  U dan il-Misteru ma jseħħx biss f’xi “San Pawl” imma fina lkoll li nemmnu u li ngħaddu minn Fidi għal Fidi akbar.

 

U biex jgħinna f’dan il-proċess qaddis ta’ maturazzjoni għal Fidi dejjem akbar, il-Mulej ħallielna Ġismu nnifsu biex tassew, kif wegħdna jibqa’ magħna sal-aħħar taż-żmien (Mt. 28, 20).  Hu tana dan il-Ġisem li biH salvana biex ikun l-ikel, u Demmu x-xorb tan-Nisrani fil-vjaġġ tiegħu!  Meta wieħed jikkontempla dawn l-affarijiet qisu bħal jaqbdu l-mejt u rasu ddur bih u jinduna li ma jesax din l-Imħabba kollha, din il-Ġenerożita, dawn l-għotjiet tal-Missier f’Ibnu permezz tal-Ispirtu s-Santu! 

 

Kollox Grazzja.  “Ħares madwarek,”  jgħid Santu Wistin, “Ħares madwarek u ara tarax xi ħaġa li mhix Grazzja!”  Aħna nemmnu fil-Grazzja, fl-Għotja ta’ Kollox ta’ Alla gratis, u ma nemmnux fl-isforzi miskina tal-bniedem.  Il-bniedem jaħtaf u jilqa’ s-salvazzjoni, mhux jiksibha hu, u meta jinduna b’dan kollu jimtela b’Imħabba enormi għal Kristu, b’radd il-ħajr u tifħir.  U ħaġa tal-għaġeb: dak li qabel kien impossibbli li jwettqu bl-ispirtu tal-Liġi, issa jeħfief għax għandu l-Imħabba tgħammar fih!

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Hawn hu d-demm tal-Patt li l-Mulej għamel magħkom.
Eż 24:3-8

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, Mosè niżel jgħid lill-poplu kulma qallu l-Mulej u kulma ordnalu. Il-poplu wieġeb b’leħen wieħed u qal: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh”.

Mosè kiteb il-kliem kollu tal-Mulej, u filgħodu qam, bena altar taħt il-muntanja, u waqqaf tnax-il plier għat-tnax-il tribù ta’ Iżrael.

Imbagħad bagħat xi żgħażagħ minn ulied Iżrael biex joffru sagrifiċċji u joqtlu għoġiela bħala sagrifiċċji tas-sliem lill-Mulej. Mosè ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-altar. Imbagħad ħa l-ktieb tal-patt, u qara minnu hekk li seta’ jisimgħu l-poplu. U huma qalu: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu”.

Mosè mbagħad ħa d-demm u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: “Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skont dan il-kliem kollu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 115(116):12-13,15,16bċ,17-18

R/. (13): Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ.

Xi rrodd lill-Mulej
għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.
Jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi. R/.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ.
Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.

QARI II
Id-demm ta’ Kristu jnaddaf il-kuxjenza tagħna.
Lhud 9:11-15

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li diġà ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li mhijiex maħduma b’idejn il-bnedmin, jiġifieri mhijiex ħolqien ta’ din l-art; hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem.

Jekk id-demm tal-mogħoż u tal-gniedes u l-irmied tal-għoġla mraxxax fuq dawk li huma mniġġsa jista’ jqaddishom billi jagħtihom l-indafa tal-ġisem, kemm aktar id-demm ta’ Kristu, li bl-Ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista’ jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mill-għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!

U għalhekk hu medjatur ta’ patt ġdid, testment ġdid, biex, wara li seħħet il-mewt għall-fidwa tal-ħtijiet li saru fi żmien il-patt ta’ qabel, dawk li huma msejħa minn Alla jiksbu l-wirt ta’ dejjem li hu wegħedhom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SEKWENZA
Is-sekwenza tista’ ma tingħadx. Tista’ wkoll tingħad fil-forma l-qasira li tibda: Dan ħobż l-Anġli, magħmul ikel.

Faħħar, Sijon, lill-Feddej,
ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej,
bl-innijiet u bl-għana.

Ibqa’ faħħru daqskemm tista’,
għax Hu ’l fuq minn kull tifħir,
qatt ma tfaħħru kemm jistħoqqlu.

Għat-tifħir ħaġa tal-għaġeb,
il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja,
hawn quddiemna f’dan il-jum.

Dak il-ħobż li fuq il-mejda,
lill-appostli fl-ikla mqaddsa,
kien ingħata biex jikluh.

Ikun sħiħ it-tifħir tiegħek,
b’qalb ferrieħa, b’leħen għoli,
ikun jixraq ferħ ir-ruħ.

Għax dal-jum ta’ festa kbira,
ta’ dik l-ikla hu t-tifkira,
meta saret l-ewwel darba.

F’dina l-ikla s-Sultan tagħna,
l-Għid il-ġdid tal-liġi l-ġdida,
temm għal kollox l-Għid qadim.

Il-qadim twarrab mill-ġdid,
dak li hu ġie flok ix-xbieha,
id-dawl biegħed dlam il-lejl.

Dak li twettaq fl-aħħar ċena,
Kristu ried jibqa’ jiġġedded,
biex ikun tifkira tiegħu.

Imgħallmin b’tagħlim imqaddes,
nibdlu l-ħobż u l-inbid tagħna
b’sagrifiċċju għas-saħħa tagħna.

Twemmin ġdid lilna l-Insara,
li dal-ħobż jinbidel f’Ġisem,
u l-inbid jinbidel f’Demm.

Dak li ma tarax jew tifhem,
it-twemmin isaħħu u jwettqu,
fuq kull ordni tan-natura.

Taħt xbihat fejn aħna nilmħu
mhux il-ħajja, imma sinjali,
jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.

Ikel Ġismu, xorb hu Demmu;
iżda Kristu sħiħ hemm moħbi
taħt kull waħda mix-xbihat.

Sħiħ jittiekel Kristu kollu,
bla jitkisser, bla jitfarrak,
bla jinqasam minn min jieħdu.

Jieklu elf u jiekol wieħed,
kemm ħa dan, hekk jieħdu huma,
bla jintemm meta jittiekel.

Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;
imma ’l dawk iġib il-ħajja,
lil dawn jixħet fit-telfien.

Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba
ara kif jinbidel fihom,
għalkemm jieħdu l-istess ikel.

Meta l-Ostja tkun maqsuma,
la tibżax, imm’inti ftakar,
taħt ix-xbieha ta’ kull farka
hemm jinsab daqs fl-Ostja sħiħa.

Ebda ksur ma jsir fi Kristu;
biss ix-xbieha tkun miksura:
u b’dal-ksur xejn ma jitnaqqas
f’Dak li hu taħt din ix-xbieha.

* * *

Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel
għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,
ikel bnin għall-ulied kollha,
li m’għandux fix-xejn jintrema.

Bi xbihat kien ilu mħabbar,
f’dik l-offerta ta’ Iżakk,
fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,
u fil-manna tad-deżert.

Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,
Ġesù tagħna, ħenn għalina;
int itmagħna u ħarisna:
inti lilna l-ġid urina
fl-art imbierka tal-ħajjin.

Int li taf u tista’ kollox,
li titmagħna hawn f’dil-ħajja,
hemm agħmilna lkoll imsieħba,
f’għaqda waħda lkoll werrieta
mal-qtajjiet tal-qaddisin.

Amen. Hallelujah.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 6:51

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Dan hu ġismi. Dan hu demmi.
Mk 14:12-16,22-26

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalu lil Ġesù: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?”.

Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel: ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?’. U hu jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”.

U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.

Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”. Imbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla”.

Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >