Thursday, 29 July 2021
           
Home
IL-HDAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2021) JEW NIKBRU JEW IMMUTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 13 June 2021

Din hija il-Liturgija tal -Hdax il-Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 mustarda.gif

 

Hemm proċess qaddis, il-ħin kollu għaddej, ta’ xogħol il-Mulej biex isalva u jqaddes il-ħolqien kollu.  Kulma għandu x’jaqsam ma’ Alla, (fil-fond: kollox), jinsab fi proċess; qatt mhu wieqaf.  Anzi, malli xi ħaġa tieqaf milli timxi ’l quddiem fil-Pjan li Alla għandu, tmut.  Jiġrilha bħal ilma qiegħed ġo għadira li la hemm dħul ta’ ilma ġdid u frisk fiha, u lanqas ħruġ.  Kollox wieqaf, ilma qiegħed li malli ċċaqalqu ftit, minnu toħroġ intiena kbira, riħa ta’ Mewt!  Jew ’il quddiem minn Ħajja għal Ħajja ikbar, jew tistagħġna u tmut.

 

Dan jgħodd ħafna għall-Knisja, imma jgħodd ukoll għalija u għalik, għax il-Knisja hija l-ġabra, il-Ġemgħa ta’ ħafna nies bħali u bħalek.  Kristu ġie fid-dinja biex irivelalna, wriena min hu l-Missier.  Hu wrihulna bil-kliem imma fuq kollox bil-fatt tal-Misteru tal-Għid li l-Iben għex.  Aħna ġejna murija li Alla hu dak li jbati u jmut biex ipatti għal dnubietna u hekk iħassar id-dejn kollu, kollu li nakkumulaw maż-żmien.  Hu li ma setax ibati jew imut, libes ġisem bħal tagħna biex ikun jista’ jbati għalija u għalik.  Għax id-dnub jitlob il-kundanna, u din il-kundanna frankaha għal kull midneb billi ħadha Hu fuqU.  Din hi l-Aħbar tal-Kristjaneżmu.

Dan, il-Knisja temmen fih b’qalbha kollha, u xandritu f’kull ġenerazzjoni matul elfejn sena.  Imma hi mhix wieqfa fl-għarfien ta’ min hu Alla.  Għax għalkemm kollox ġie rrivelat dwar Alla, li nistgħu nifhmu, u dan kollu jinsab fl-Iskrittura u t-Tradizzjoni tal-Knisja, xorta waħda il-Knisja tibqa’ timmatura, tibqa’ miexja ’l quddiem fl-għarfien, fil-fehma ta’ dak li ġa nagħta lilha.  Qatt mhi wieqfa l-Knisja fl-għarfien tal-Misteru ta’ Kristu, li tant hu kbir, sabiħ, bħal Teżor mirdum u li iktar kemm tħaffer dejjem issib il-ġdid fih.  Dan jirnexxilha tagħmlu għax fiha jgħammar l-Ispirtu s-Santu, li jġeddidha skont iż-żmien li tkun għaddejja minnu.  Dejjem ġdida.  Dejjem żagħżugħa.  Hija d-dinja pagana li tixjieh madwarha!

 

Kellu raġun il-Mulej Ġesù jqabbel il-Knisja tiegħu ma żerriegħa ċkejkna li Hu żera’ b’tant tbatija bil-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt, u bil-bidla totali tal-Pentekoste kkaġunata mill-invażjoni tal-Ispirtu tiegħu f’dawk l-ewwel nies li kienu emmnu fiH.  Kemm ċkejkna kienet din iż-żerriegħa, li għall-ewwel ħadd ma ta kasha!  Ħafna kienu ċerti li hekk kif niżlu lir-Rabbi ta’ Nazaret minn fuq is-salib u għalqu l-fetħa ta’ qabru, kollox kien spiċċa.  Imma minn din iż-żerriegħa midfuna fis-skiet tal-ħamrija, nibtet xitla żgħira li malajr ir-riħ tal-persekuzzjoni għamel għaliha.  Imma l-Mulej kien magħha, kenninha, saqqiha, għamlilha l-ilquh, u kibret u saret siġra li ħadd ma seta’ jżommha milli tikber dejjem aktar, sakemm kull xorta ta’ għasafar, (aħna!), ġew jibnu bejthom fiha u għammru fil-friegħi sbieħ tagħha.

 

Dan il-proċess ta’ bidla kontinwa nistgħu inqabbluh ukoll mal-Magħmudija tagħna, mal-għarfien tagħna ta’ Kristu u ta’ dak li Hu għamel għalina.  Meta rċivejna l-Magħmudija kien hemm il-ġenituri u l-parrini jirrappreżentawna u tkellmu flokna.  Dak in-nhar inżergħet żerriegħa, jew lewża ċkejkna, fina.  Seħħ Rit li f’għajnejn minn kien preżenti aktarx li ftit li xejn kien ifisser, imma li fil-fatt kienet ġrat xi ħaġa kbira mmens.  Fina nżergħet, jew ġiet imlaqqma, kapaċità ta’ Fidi, ta’ Ħajja Nisranija ta’ veru, saħansitra Rebħa fuq il-Mewt li taħsad kull bniedem.  Ġo din il-lewża żgħira tal-Magħmudija lit-tarbija, kien hemm id-DNA ta’ Mħabba enormi għall-“ieħor” anke meta l-“ieħor” huwa l-għadu!  Dawn l-għeġubijiet rebaħhom għal kull wieħed minna Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, bil-merti tiegħU. 

 

Imma dan kollu jrid jikber!!  Allaħares jibqa’ lewża hemm midfuna bla ma tinqasam taħt il-ħamrija u minnha jitnibbet għerq ħaj!  F’ħafna, dan hu li jiġri.  Hemm kant antik li jgħid li l-Anġli ta’ Alla jibku meta jaraw il-Pjan meraviljuż ta’ Alla għal tant nies jintilef.  Jew proċess, moviment, avanz ’il quddiem, jew kollox imut.  Proċess ta’ qdusija!  Mhux bis-saħħa tagħna imma b’tiegħU.  Kif hu stess jgħid fil-Vanġelu tal-lum: “Rieqed jew imqajjem (il-bidwi), bil-lejl jew bin-nhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif.  L-art trodd minnha nnifisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula.”  (Mk. 4, 27-28).  Mhux il-bidwi li jkabbar, imma l-pjanta tikber minnha nnifisha bl-enerġija ta’ Alla.

 

L-istess il-Magħmudija.  Ma nsitgħux nikbru fiżikament u nsiru rġiel u nisa b’saħħitna, waqt li nibqgħu vavi fit-twemmin, nixxenglu ma’ kull riħ ta’ nkwiet u prova.  Kemm drabi ma konniex xhieda vera ta’ Kristu rebbieħ fuq il-Mewt!  Kuraġġ!  Illum nistgħu nibdew nikbru!  Kbir hu s-Sabar Qaddis ta’ Kristu!  F’daqqa waħda jista’ jseħħ fina dak li ma seħħx f’tant snin.  Il-ħalliel ħaġa waħda kien għad baqagħlu jisraq: il-Ġenna, u seraqha wkoll għax dar b’qalb sinċiera lejn Kristu batut maġenbu. 

 

Il-Liturġija tal-Kelma għal-lum:

 

QARI I
Siġra żgħira nkabbarha.
Eżek 17:22-24

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid Sidi l-Mulej:
“Jien naqta’ mill-quċċata taċ-ċedru l-għoli,
minn tarf il-friegħi l-għolja, rimja żgħira,
u nxettilha fuq il-muntanja għolja u kbira;
fuq il-muntanja l-għolja ta’ Iżrael inxettilha.
U hi toħroġ il-friegħi, u tagħmel il-frott,
u ssir siġra sabiħa taċ-ċedru.
U taħtha jistkenn kull tajr tal-ġwienaħ,
jistkennu għad-dell tal-friegħi tagħha.
U jagħrfu s-siġar kollha tar-raba’
li jien il-Mulej,
li siġra għolja nċekkinha, u siġra żgħira nkabbarha;
innixxef is-siġra l-ħadra, u n-niexfa bil-weraq inħaddarha.
Jien, il-Mulej, tkellimt, u li għedt nagħmlu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 91(92):2-3,13-14,15-16

R/. (2a): Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,
inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek,
u billejl il-fedeltà tiegħek. R/.

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,
bħal ċedru tal-Libanu jikber.
Imħawlin f’dar il-Mulej,
iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna. R/.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,
kollhom ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,
u ebda qerq ma jinsab fih. R/.

QARI II
Infittxu li nogħġbu lill-Mulej, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem.
2 Kor 5:6-10

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, aħna dejjem qalbna qawwija u nafu li sakemm indumu mlibbsa b’dan il-ġisem, nibqgħu ’l bogħod mill-Mulej – għax aħna ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni. Aħna qalbna qawwija u persważi li aħjar noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej.

Għalhekk fuq kollox aħna nfittxu li nogħġbu lilu, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem. Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
min jiżragħha hu Kristu;
min isib lilu jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha, imma ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha.
Mk 4:26-34

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-kotra tan-nies: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad”.

U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha”.

B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >