Sunday, 19 September 2021
           
Home
IT-TNAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2021) FIT-TEMPESTA NARAW IL-QAWWA TA’ ALLA L-HAJ! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 19 June 2021

Din hija il-Liturgija tat-Tnax il-Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 gesu_jikkalma_l_maltemp.jpg

 

Il-Ħajja hi rigal enormi.  Hi misteru.  Qatt ma nistgħu rroddu ħajr lil Sid il-Ħajja biżżejjed. Qatt staqsejt lilek innifsek “Dan kif ġejt jien hawn u mhux ħaddieħor floki?”  Hi mistoqsija misterjuża.  Ħafna ma jistaqsuha qatt għax jieħdu kollox “for granted”.  Imma, fl-istess ħin, il-Ħajja kapaċi twebbes qalb il-bniedem; kapaċi tferieh.  Ħafna jibqgħu iġorru feriti f’qalbhom sal-qabar.  Il-psikoloġija tgħidilna, u din hi verità, li l-bniedem hu kkundizzjonat, fl-għemejjel tiegħu u fid-deċiżjonijiet li jieħu, minn dak li jgħaddi minnu, speċjalment fl-ewwel żmien ta’ ħajtu meta hu jkun bħal karta xuga li tixrob kollox.  Il-Ħajja fiha ħafna bnazzi, imma fiha l-maltemp ukoll.

 

Huwa fil-maltemp li Alla jiġi jiltaqa’ magħna!  Jew, huwa fil-maltemp li aħna nindunaw b’Alla li jgħaddi minn quddiemna, għax fil-bnazzi kulħadd hu aljenat u mifxul.  Il-Kelma tal-lum tiffoka fuq il-Preżenza (bil-Lhudi x-‘Xekinah’) ta’ Alla waqt il-maltemp tal-Ħajja.  Ħafna drabi huwa Hu li jdaħħalna fit-tiġrib, fil-periklu, f’qagħda mpossibbli biex jgħallimna nemmnu.  Għax il-Fidi, almenu l-Fidi Bibblika, il-Fidi skont il-Bibbja,  ma timbenhiex fuq xi studju tat-teoloġija għall-kwiet ta’ kamartek bla Salib jagħfas fuq spallejk.  Tista taqra munzell kotba, u tieħu ‘full marks’ fl-istudju tiegħek, imma huwa l-maltemp tal-Ħajja li jikxef jekk għandekx Fidi vera jew le.  Bħalma kien jgħid Qaddis Malti li kulħadd jafu: “Fil-prova kollox!” 

Lil Abraham Alla poġġieh fl-irwiefen tan-nonsens tal-Ħajja.  Fuq kulħadd jiġi mument, jew mumenti, li fihom ma tibqa’ tara sens f’xejn.  Dak li qabel kien jogħġbok isir vojt.  Ma tafx x’se tagħmel bil-ħin tal-ġurnata.  Kif kien jgħid Ġob: “Jekk nimtedd, ngħid: ‘Meta se nqum?’ u meta nqum, ngħid: ‘Meta se jidlam?’  (Ġob 7, 4).  Abraham kellu din id-dippressjoni għax ma setax ikollu tfal.  Kien żmien ieħor meta din il-ħaġa kienet orrur iktar mil-lum.  Abraham “ra” lil Alla meta tawh lil ibnu f’idejh, għadu kif jitwieled.  Il-Fidi tfisser “tara” dak li ma jidhirx bl-għajnejn tal-ġisem.  Kienet l-Istorja li lil Abraham għalmitu jemmen f’Alla wieħed. 

 

Lil Iżrael Alla ried jgħallmu jemmen b’Fidi tal-għaġeb f’nofs dinja li ma kinitx temmen.  X’għamel?  Ħa lil Iżrael lejn il-jasar tal-Eġittu.  Tempesta li damet erba’ sekli!  Ħarġu minn hemm imma mhux qabel ma poġġieħ b’dahru mal-ħajt... Quddiemu l-baħar; warajh il-karrijiet tal-Fargħun resqin!  Fejn hu Alla?  Iżrael għadu sal-lum jgħid li hu jemmen f’Alla għax “raH” fil-qiegħ tal-Baħar l-Aħmar.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum titkellem fuq Ġob.  Xi ftit jew wisq kulħadd jaf bl-Istorja ta’ dan l-imsejken.  Għandna espressjoni li tgħid: “il-paċenzja ta’ Ġob”.  Mhux għax ma tilifhiex ukoll!  Imma kellu għaliex...  Hu gerger.  Hu tqabad ma’ dak Alla li kien biss sema’ dwarU imma ma kellux esperjenza tiegħU.  Hu seħet il-jum li fih twieled.  Imma fit-tempesta ta’ Ħajtu, Alla ġie jkellmu u Ġob induna li l-Mulej huwa Sid il-mewġ u l-ħalel u jagħmlilhom fruntiera sa fejn jistgħu jersqu lejna, sinjal li lil hemm minnu t-tbatija ma tistax tattakkana.  Ġob spiċċa biex qal: “Fuqek jien b’widnejja smajt; imma issa b’għajnejja rajtek.  Għalhekk inċedi u nindem fit-trab u l-irmied.”  (Ġob 42, 5-6). 

 

L-Appostli bdew jindunaw li Ġesù ma kienx biss sempliċi Profeta qawwi, imma xi ħaġa ħafna iktar minn hekk meta Hu daħħalhom fit-tempesta fuq l-Għadira tal-Galilija.  Għax għalina tiġi ħafifa l-mistoqsija: “Għaliex it-tbatija?”  “Jekk Alla hu Mħabba u Missier, għaliex jippermetti t-tbatija, il-mard, l-uġigħ, l-inġustizzji, l-ħażen?”  “Għaliex??” hija l-għajta li toħroġ mill-fond ta’ qalb il-bniedem u tidwi sas-sema.  L-Appostli irritaw ruħhom jaraw lil Kristu rieqed u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”  (Mk. 4, 38).  Ekku n-nonsens tat-tbatija f’moħħ il-bniedem.  Imma mbagħad spiċċaw jgħidu: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”  (Mk. 4, 41). 

 

Għalhekk, Alla jinqeda bl-Istorja biex jgħallimna nemmnu, biex jgħaddina minn Fidi għal Fidi akbar.  Hija l-Fidi li tinfed il-misteru tat-tbatija.  Mingħajr il-Fidi fi Storja li tinfirex lil hinn mill-Mewt mirbuħa, il-Ħajja hi tassew traġika.  Is-Salib, il-maltemp, jew narawhom bħala saħta, jew il-mezz li bih niltaqgħu ma’ Alla li jissorprendina.  Abraham, Iżrael, Ġob, l-Appostli... u tant u tant oħrajn, meta staqsewhom għaliex jemmnu f’Alla, ilkoll irrakkontaw l-esperjenza ta’ Ħajjithom, u mhemm xejn iktar veru minn dan. 

 

Fid-Dawl ta’ Kristu mqajjem mill-Mewt, it-tbatija tibqa’ tbatija, imma x’differenza!  Kristu ma jneħħix it-tbatija mid-dinja imma jagħtiha sens u dan jifhmu biss min iġarrbu.  Hu ferm diffiċli titkellem jew tikteb fuq dan għax dan kollu hu esperjenza pura.  Il-bniedem irid ikollu l-esperjenza ta’ Twelid Ġdid biex jibda “jara” dak li l-‘ġisem’ ma jistax jara.  San Pawl kien jaf x’inhu jgħid meta qal: “Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid: il-qadim għadda, biex daħal il-ġdid floku.”  (2 Kor. 5, 17).  Dan hu miraklu kbir immens li Alla qiegħed iwiegħed li jagħmlu f’Ħajjitna.  Ninżgħu in-natura egoista li biha twelidna, in-natura mwerwra mit-tbatija, u nilbsu lil Kristu nnifsu!  Nilbsu n-natura tiegħu li tissupera l-baħar imqalleb, xbiha tal-Mewt.

 

Kif jista’ jkun dan?!  Iva, għax dan mhux xogħol tagħna, imma Grazzja li Hu qed iwegħedna.  Dan hu xogħol Alla.  Hu biss kapaċi mid-dlam joħroġ id-Dawl, mill-Mewt jislet il-Ħajja, min-nuqqas ta’ Fidi jsawwar Fidi matura mibnija fuq laqgħa miegħU.  Allura l-Istorja tiegħek, l-Ħajja innifisha, jsiru “Għid”, Mogħdija tal-Mulej li jkaxkarna miegħu minn dak li hu qadim u antik għal esperjenza ġdida, dehra ġdida tal-Misteru tiegħU.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Ma taqbiżx minn hawn il-qawwa tal-mewġ tiegħek.
Ġob 38:1,8-11

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob

Il-Mulej wieġeb lil Ġob minn ġot-tempesta u qallu:
“Min kien dak li għalaq il-baħar b’bibien,
meta dan b’qawwa ħareġ mill-ġuf,
meta bis-sħab libbistu,
u bid-dlam fisqejtu,
meta t-truf tiegħu qegħedtlu bħal xatbiet,
u bibien li bihom għalaqtu
u għedtlu: ‘Sa hawn biss tasal u mhux aktar,
ma taqbiżx minn hawn il-qawwa ta’ mwieġek’?”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 106(107):23-24,25-26,28-29,30-31

R/. (1b): Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna,
li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,
raw l-opri tal-Mulej
u l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar. R/.

Hu ordna u qajjem riefnu,
li qanqal imwieġ il-baħar.
Għolew sas-smewwiet u niżlu sa qiegħ il-baħar;
qalbhom bdiet tferfer bil-biża’. R/.

Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,
u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
U bidel ir-riefnu f’żiffa,
u sikket mewġ il-baħar. R/.

Huma ferħu għax ibbnazza;
u hu wassalhom sal-port li xtaqu.
Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
R/.

QARI II
Il-qadim għadda, biex daħal il-ġdid floku.
2 Kor 5:14-17

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, l-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.

Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skont il-ġisem. Jekk għarafna lil Kristu skont il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk. Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 7:16

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Profeta kbir qam fostna,
U Alla żar il-poplu tiegħu.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Dan min hu, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?
Mk 4:35-41

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Darba, filgħaxija, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.

U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”.

Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”.

U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 

 
< Prev   Next >