Din
hija il-Liturgija tal-Festa tat-Twelid ta' Gwanni il-Battista (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ġwanni l-Battista kien l-aħħar profeta għal Iżrael, u aħna l-Insara (u anke
l-Misilmin!) iqisuh bħala l-akbar profeta li ħareġ minn Iżrael. Il-profeti
kollha għarrxu mill-bogħod biex jilmħu dehra tal-Messija mwiegħed, imma Ġwanni
raĦ u ħabbar il-wasla tiegħU u, saħansitra, spjega l-missjoni tiegħU. Il-profeti kienu ħabbru li t-tbatijiet
tal-ġens ebrajk kienu xbiha tat-tbatijiet li kellu jieħu fuqu l-Messija. Salm 129 igħid: “Ħabbtuni ħafna sa minn żgħożiti, ħa jgħid hekk Iżrael. Bil-moħriet għaddew minn fuq dahri, raddiet
twal bis-swat għamluli.” (S. 129,
1w.). L-Ispirtu s-Santu kellem lil
qalb il-profeti (iktar milli lil moħħhom!), li l-Messija kellu jiġbor fih innifsu
l-esperjenza kollha ta’ Iżrael imdawwar bil-ġnus għedewwa. U anke Isaija kien
qal: “Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig
fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.”
(Is. 53, 5).
Imma kien
Ġwanni, li mdawwal mill-Ispirtu ħareġ b’dik il-frażi li kienet tant qawwija
għal kull Lhudi: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla
li jneħħi d-dnub tad-dinja!” (Ġw. 1, 29). Nistħajjel lil bin Żakkarija mimli
b’tensjoni, mkebbeb mir-riħ tal-Ispirtu ta’ Alla, jiftaħ garġih, kif tgħid
l-Iskrittura fi bnadi oħra, itawwal idu stirata u juri b’sebgħu dritt lil
wieħed minn dawk li kienu fil-kju ġejjin biex jitgħammdu minnu, u jgħajjat
l-Aħbar il-Kbira tal-missjoni tiegħu: “Araw
il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja!”
Ġwanni
qal xi ħaġa tant enormi li Iżrael ma emmnux.
Iżrael spiċċa biex welled lill-Messija, lil Kristu Ġesù l-Iben ta’ Alla
l-Ħaj, b’risq il-ġnus l-oħra u mhux b’risq tiegħu. Fuq il-Kalvarju, l-Ħaruf inqatel b’risq l-umanità
kollha, imma Iżrael din baqa’ ma riedx iniżżilha. Kien biss fdal minnu li emmen, imma minn dan
il-fdal twieldet il-Knisja fost il-pagani.
Ġwanni
l-Battista kien l-ewwel wieħed li lemaħ il-missjoni tal-Messija li kellha tkun
tant soprendenti, tant il-kontra ta’ dak li kien qed jittama Iżrael. Ġwanni, mimli bl-Ispirtu s-Santu tkexkex
quddiem din il-manifestazzjoni li ġiet murija lilu. Il-Messija kellu jkun Ħaruf li mimli
b’imħabba lejn l-ilpup għedewwa tiegħu, kellu jersaq lejhom biex jittiekel minnhom
ħalli b’laħmu jgħixu huma! Huwa miet
biex aħna, midinbin, ngħixu għal dejjem!
Id-dnub tad-dinja, li l-bnedmin ma setgħux ipattu għalih, araw se jkun
mifdi minn Alla nnifsu li f’Ibnu laqa’ fuqu l-kastig ta’ kull dnub li kienet
titlob il-Liġi tal-Qdusija. “Il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub
tad-dinja!”
Dan
il-mod kif Alla ħadem b’Ibnu s-Salvazzjoni tal-bniedem jixxokkja lil kull
bniedem “reliġjuż.” Ir-reliġjonijiet
kollha tad-dinja (billi huma maħsuba u vvintati mill-bnedmin) huma msejsa fuq
li jekk wieħed jagħmel it-tajjeb jirċievi l-premju, imma jekk wieħed jagħmel
il-ħsara, hemm il-kastig lest għalih.
Mhux hekk ilkoll naħsbu aħna?
Mhux din hi l-ġustizzja għalina?
Imma Alla
kien jaf li l-ebda bniedem mhu salv b’dan il-mod għax kulħadd jiżbalja u
jidneb, u ħafna wkoll! Ħafna drabi huma
dawk li jiġġudikaw lill-“ħżiena” l-aktar li jidinbu! Allura Alla, l-ġustizzja ħasibha mod
ieħor! Il-midinbin isalvaw jekk jemmnu
li Alla tant iħobbhom, tant jifhimhom u
jgħadirhom li niżel Hu biex jilqa’ fuqu dak li r-“reliġjon”, dak li l-Liġi
tgħid li kellu jaqa’ fuqhom: il-kastig.
Jekk int
u jien nemmnuh dan, allura nkunu salvi u jkollna l-garanzija mogħtiha lilna
mill-Ispirtu s-Santu li se ngħixu għal dejjem.
Imma jekk ma nemmnux, il-Ħaruf ikun xerred demmu għalina għalxejn! Infatti, San Ġwann l-Evanġelista, fil-Vanġelu
tiegħu jgħidha ċara u tonda li l-Ħaqq se jkun fuq jekk aħna emminniex din
l-Aħbar ta’ barra minn hawn li xxandret l-ewwel darba mill-Battista fuq xatt
ix-xmara Ġordan.
Dan kollu
jagħmel minn Ġwanni dak li Kristu qal dwaru: “Ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ma hemm ħadd akbar minn
Ġwanni.” (Lq. 7, 28). Iżda, barra minn dan, Ġwanni huwa wkoll
l-ikona ta’ kull Nisrani li jimxi tul il-mixja tal-Fidi. In-Nisrani veru, li fih il-Magħmudija
inagħtat iċ-ċans li tikber bis-smigħ tal-Kelma, bis-Sagramenti, l-aktar
bl-Ewkaristija, u bix-xhieda u l-għajnuna tal-Knisja, jimmatura fih il-karattru
ta’ “Profeta”. Kull Nisrani hu Profeta
ta’ Kristu! Kull Nisrani hu Prekursur
ta’ Kristu! Huwa Kristu li jbiddel qalb
in-nies, li jsalvahom, li miet għalihom.
Imma Kristu għandu bżonn Prekursuri fil-qalba tal-kultura pagana li biha
ninsabu mkebba. Prekursuri li jxandru,
li jwittu t-triq, li jrattbu l-qlub biex Kristu jkun jista’ jaħdem, ifejjaq,
isalva!
U
Prekursur qatt mhu “politically correct”,
jiġifieri diplomatiku fi kliemu, wieħed li jipprova jsib kompromess, li
jipprova ma jurtax lil dak li jkun.
Il-Prekursur ta’ kull żmien huwa dak li lest li jagħmel għedewwa
minħabba Kristu.
Il-ġenituri
Nsara inagħtaw il-missjoni li jkun Prekursuri għal uliedhom. Kif jistgħu il-ġenituri jgħidu li huma Nsara
jekk ma jgħaddux il-Fidi tagħhom lil uliedhom... jekk ma jaqbdux lil uliedhom
minn idhom u jeħduhom għand Ġesù, bħalma Ġwanni qabad lil Iżrael minn idu? Min se jiggarantixxi ż-żwiġijiet tal-lum jekk
mhux Kristu? Min se jagħti tama
lis-soċjeta li l-Mewt hi mirbuħa jekk mhux Kristu? Min se jittama f’Ħajja oħra fi żmien meta
bnewlna saqaf tal-konkrit fuq rasna u għattewlna s-Sema, jekk mhux Kristu. Imma min se jeħodna għand Kristu? Għandna bżonn Prekursur, u jekk aħna nsibu
lil Kristu, anke aħna nsiru Prekursuri, bħalma sar Indri għal ħuħ Pietru u
Filippu għal ħabibu Nathanael. Dawn
qalu: “Sibna l-Messija!” Din hi l-għajta
tal-Prekursur.
Ħafna
jibżgħu jagħmluh dan ix-xogħol. Għandhom raġun.
Anke l-profeti beżgħu. Isaija
beża’: “Jaħasra għalija! Mitluf jien!
Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien!
U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar!” (Is. 6, 5).
U
Ġeremija beża’ wkoll: “Ah! Sidi
Mulej! Arani, ma nafx nitkellem, għadni żgħir.” (Ġer. 1, 4?). Ġona, ħarab jiġri, salpa fuq vapur, u
tbiegħed għax ħaseb li x’imkien Alla ma jsibux.
Imma Alla ħadu fejn ried f’żaqq ta’ ħuta! Hemm tensjoni f’li tkun Nisrani, imma hemm
skoperta tal-għaġeb: l-Ispirtu s-Santu jagħtik qawwa li tegħleb il-biża’
tiegħek.
Qed
nitkellmu fuq ħwejjeġ importanti. Tagħti
xhieda, tkun Prekursur, mhux biss b’xi priedka, jew b’li tgħid, imma anke b’li
tagħmel jew ma tagħmilx. Kien hemm
wieħed, li kkonverta, li qal li hu kien dejjem fil-‘pub’ jixrob u jiċċaċra
mal-ħbieb. Qalbu kienet korrotta
għall-aħħar. Imma minn quddiem il-ħanut
fejn kien iqatta’ tant siegħat kienet tgħaddi kuljum soru ta’ Madre Teresa,
b’rasha baxxuta, kwieta kwieta, miġbura, mimlija sliem. Dan il-bniedem qal li kienet tagħmel lil Alla
preżenti hemm f’dak il-post, u sab ruħu kuljum jistenna l-mument li fih kienet
tgħaddi għax bla ma kien induna kien Alla li kien jinsab għaddej minn
Ħajtu. Ekku x-xogħol tal-Prekursur!
Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Is 49:1-6
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Isimgħuni, gżejjer, agħtuni widen, popli
mbiegħda! Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, minn ħdan ommi ftakar f’ismi.
Għamilli fommi xabla msinna, taħt id-dell
ta’ idu ħbieni. Għamel minni vleġġa maħtura, fil-barżakka tiegħu ħbieni. U
qalli: “Israel, inti l-qaddej tiegħi, bik jiena nkun imfaħħar.”
U jien għedt: “Għalxejn inkeddejt, u
fix-xejn ħlejt saħħti.” Imma l-ġustizzja tiegħi fil-Mulej u l-ħlas tiegħi għand
Alla tiegħi.
U issa tkellem il-Mulej, li minn ħdan ommi
għamilni qaddej tiegħu, biex għandu rreġġa’ lura ’l Ġakobb u biex Israel
jinġabar miegħu mill-ġdid, għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej, u Alla
tiegħi kien il-qawwa tiegħi. Hu qalli: “Tkun ħaġa żgħira wisq għalik li inti
tkun il-qaddej tiegħi biex tqajjem biss it-tribù ta’ Ġakobb u treġġa’ lura
l-fdal ta’ Israel. Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni
tiegħi sa truf l-art tinfirex.”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 138
R/. Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb
għamiltni!
Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;
int taf meta noqgħod u meta nqum,
int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.
Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;
triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.
Int sawwart il-ġewwieni tiegħi,
u f’ġuf ommi inti nsiġtni.
Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni:
tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. R/.
U ’l ruħi inti tafha tajjeb.
Ma kienx moħbi għadmi minnek,
meta kont qiegħed insir fis-satra
u nintiseġ fil-qigħan tal-art. R/.
QARI II
Atti 13:22-26
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien: Pawlu qal: “Alla, lil
missirijietna, qiegħed ’il David bħala sultan tagħhom, li għalih ta din
ix-xhieda: ‘Sibt ’il David, bin Ġesse, raġel skont qalbi li jagħmel dak kollu
li rrid jien.’ Hu minn nislu li Alla, skont il-wegħda tiegħu, ġieb għal Israel
salvatur, li hu Ġesù. Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni deher ixandar magħmudija
ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’ Israel.
U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu,
Ġwanni qal: ‘Jien miniex dak li intom taħsbu li jien. Dan ġej warajja, u jien
anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh.’ Ħuti, ulied in-nisel ta’ Abraham,
u intom li tibżgħu minn Alla, lilna ġiet mibgħuta l-bxara ta’ din
is-salvazzjoni.”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI
GĦALL-EVANĠELJU
Lq 1:76
Hallelujah. Hallelujah.
Int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-Għoli,
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu.
Hallelujah.
EVANĠELJU
Lq 1:57-66.80
Qari
mill-Evanġelju skont San Luqa
Eliżabetta
għalqilha ż-żmien li teħles, u kellha tifel. Il-ġirien u qrabatha semgħu li
l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha. Meta mbagħad
fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel, riedu jsemmuh
Żakkarija, għal missieru; imma qabżet ommu u qalet: “Le, imma Ġwanni jkun
jismu.” Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!”
Imbagħad
bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih, u hu talabhom xi ħaġa
fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.” U kulħadd baqa’ mistagħġeb.
Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u
jfaħħar ’l Alla.
U
l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biza’, u bdew ixerrdu dawn il-ġrajjiet
kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija, u kull min kien jismagħhom kien
iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id
il-Mulej kienet miegħu. It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix
fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Israel.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.
|