Din
hija il-Liturgija ta ' l-Erbatax il-Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-bniedem huwa, minnu nnifsu, rasu iebsa; isibha diffiċli biex jammetti li
m’għandux raġun u jibża’
li jitlef ġieħu u s-sigurtà tiegħu. Dan
ġej mis-suppervja li titwieled magħna u tmut kwarta wara li mmutu aħna, xi ħadd
qal. Is-suppervja ġġagħalna nbatu mmens
għax tniggiżna u timbuttana biex nisfurzaw ħalli nidhru “sbieħ” u nħallu dejjem
impressjoni tajba. Hi madmad tqil, jasar
li donnu m’hemmx ħelsien minnu. Qajla ssib min tassew jemmen dak li darba qal
Kristu: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u
mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu
fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli,
u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.
Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.” (Mt. 11, 28-30). Mhux hekk il-madmad tas-suppervja u
l-kburija; mhux hekk.
Dawn
il-kundizzjonamenti waqgħu fuq il-bniedem għax inqata’ mill-għajn tal-Ħajja ta’
Dejjem li hi Alla. Il-bniedem jieħu
n-nifs u jeżisti imma m’għandux “il-Ħajja” tassew fih. Ħafna drabi rridu nagħmlu t-tajjeb imma nsibu
ruħna nagħmlu l-ħażin għax hemm il-biża’ tal-Mewt jiġri fil-vini tagħna u
allura meta nkun mhedda, nintilfu. Infittxu
“l-Ħajja” billi nivvintaw l-idoli, nagħmlu idoli minn kollox, imma “l-Ħajja”
tgħammar biss għand Alla u f’dawk li huma l-ħbieb tiegħU.
Il-psikoloġija
tgħid li minn kull għaxar darbiet li nkunu inkwetati, disgħa darbiet minnhom
ikunu nkwiet fieragħ, biża’ giddieb, invenzjoni tal-moħħ li hu marid. Imma ġol-bniedem teżisti n-nostalġija ta’
Alla! Dan hu rigal kbir. Ħafna jgħidu li ma jappartjenu għall-ebda
reliġjon, iżda jsostnu li jemmnu f’Alla.
Din hija n-nostalġija għal dak li hu sewwa, għar-rebħa fuq il-Mewt, għal
Ħajja li tkun Ħajja tassew, għall-eternità!
Ħadd ma jsemmi l-eternità, imma kulħadd jixxennaq għaliha. Nostalġija ta’ Alla! Mhux kollox hu mitluf fil-bniedem. Hemm “spark”, xintilla fil-profond tagħna li
d-dlam ma rnexxilux jitfi.
Kontra
din in-nostalġija hemm l-ebbusija tar-ras tissielet u tbeżża’ lill-bniedem li
Alla se jeħodlu, mhux se jagħtih. Tant
hi kbira din l-ebbusija tar-ras li l-Vanġeli jużaw termini ħorox biex
jiddiskrivuha. “U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew
id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin.” (Ġw. 3, 19).
Ġesù jgħid li l-ġudizzju se jkun dwar jekk qalb il-bniedem baqgħetx
iebsa jew inkella rtabet għalih. Minn
dan jiddependi kollox.
Lil
Eżekjel, fil-Qari tal-lum, il-Mulej jibagħtu għand il-poplu ta’ Iżrael anke
jekk kien jaf minn qabel li qalb il-poplu kienet twebbset tant li l-ebda
profeta ma seta’ jrattabha. “O bniedem, qiegħed nibagħtek għand ulied
Iżrael, ġens ta’ nies rashom iebsa li rvellaw kontra tiegħi; dinbu kontra
tiegħi, huma u missirijiethom, sal-lum stess.
Huma nies wiċċhom sfieq u qalbhom iebsa.” (Eżek. 2, 2-4).
F’dan
kollu, fejn ninsabu aħna? Hieni
l-bniedem li jaf lilu nnifsu u mhux ingannat bl-apparenzi reliġjużi “ta’
barra”. Għandna ħafna użanzi, kulturi,
folklor, festi, tradizzjonijiet, li jogħġbuna u aħna dilettanti mmens tagħhom,
imma mhux dawn jagħmluna Nsara. Ilkoll,
iva lkoll għandna bżonn konverżjoni. Din
hi l-għajta tal-Kelma fl-Ewkaristija ta’ dan il-Ħadd. Il-Kelma dejjem tiġi u ssemmagħlna
l-istedina: “Ikkonverti llum!” Jekk int
sinċier, int tgħid: “Tassew li għandi bżonn nikkonverti!” Il-Konverżjoni mhix xi ħaġa li tbezza’. Hi rigal enormi tal-Ispirtu s-Santu! Tirrispondi għan-nostalġija ta’ Alla li int u
jien għandna midfuna fina nfusna.
Induru
bis-serjetà lejn Dak li hu l-għajn tal-“Ħajja” vera, tas-sens tal-eżistenza u
tal-Istorja tagħna. Induru lejH u
ngħidulu minn qalbna dik l-imbierka Kelma qasira imma tremenda li bidlet
ix-xorti tal-umanità: “IVA!” “Iva,
Mulej, agħmel int għax issa xbajt interraq f’toroq li fihom ħlejt ħajti!”
Il-Konverżjoni
mhix xogħol tagħna għax hija ħolqien ġdid! Alla jaħlaqna mill-ġdid! Għax il-Konverżjoni mhix li wieħed iraqqa’
fejn hemm imqatta’ u jfarfar fejn hemm it-trab. Le! Alla ma jaħdimx hekk. Bniedem Ġdid!
Twelid Ġdid! Dan hu l-mod kif
jaħdem Alla. Kikkra ġdida, mhux kikkra
msewwija li tidher li hi mxaqqa. Dan hu
mwiegħed lilna minn Alla fil-Magħmudija.
Hemm min dan il-proċess divin ta’ Ħolqien Ġdid ma jridux! Ma jridux li Alla jindaħlilhom f’ħajjithom. Ma jafux li Alla jrid jagħtihom rebħa fuq
il-mewt. Jaħsbu ħażin fiH. Imma hemm dawk li jiskopru fihom infushom dik l-imbuttatura
biex jintelqu f’idejn Kristu u jħalluh jaħdimhom, isawwarhom, jagħġinhom
mill-ġdid fi proċess bil-mod il-mod u kollu sensittività u mogħdrija. Hu jgħid: “Dawk kollha li jagħtini l-Missier jiġu għandi, u min jiġi għandi ma
nkeċċihx ’il barra. Ħadd ma jista’ jiġi
għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja.” (Ġw. 8, 37.44).
J’Alla
nkunu fost dawk li huma miġbuda mill-Missier biex ikollhom laqgħa ħajja ma’
Ġesù li rebaħ il-Mewt għalina. J’Alla l-Istorja tagħna għamlitna umli! Aħjar fallejna, għax dawk li huma mkabbrin
b’li għamlu ma jfittxux il-Ħajja fi Kristu u huma għonja biss b’affarijiet li
jintemmu. Kemm hu ħelu s-Salm
tal-lum! Ara kif jitkellem l-umli: “Lejk nerfa’ għajnejja. Ara bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom,
hekk għajnejja. Bħal għajnejn
il-qaddejja lejn id sidtha, hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna, sa ma
jħenn minna.” (S.122, 1w).
U San
Pawl kien jaf xi ħaġa dwar is-suppervja u l-umiltà! Il-laqgħa ma’ Kristu niżżlitu mill-għoli
tas-suppervja reliġjuża, vjolenti tiegħu u ċekknitu bl-għarfien ta’ kemm kien
żbaljat dwar Alla li dwaru kien jaħseb li jaf ħafna. U tpoġġietlu niggieża li ma nafux
x’inhi. Difett, dgħufija li xtaq jeħels
minnha, imma Alla ma laqax talbu. Għax
hu mportanti li jkollna d-difetti.
Id-dgħufija hi mbierka! Anke
falliment hu mbierek! Kull ħaġa li ċċekkinna, tagħmilna iktar umani, iktar
“sbieħ” f’għajnejn Alla u f’għajnejn in-nies ukoll.
Mhux
bħan-nies ta’ Nazaret. Nies ta’ raħal
minsi li fosthom ixxettlet id-dielja tal-inbid tal-festa u huma mank biss
indunaw. Aħna mhux bħalhom konna nagħmlu
tgħid... “X’jista’ jgħidli dak? Jien nafu lil dak...” U
hemmhekk ma seta’ jagħmel ebda miraklu.
(Mk. 6, 6). Dan hu li tagħmel
is-suppervja: tagħmi lil dak li jkun.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Nies ta’ ras iebsa huma: ħa jkunu jafu li hemm profeta ġo nofshom.
Eżek 2:2-5
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
F’dak iż-żmien, daħal fija l-ispirtu u
waqqafni fuq riġlejja; u smajt x’kien qiegħed jgħidli. Qalli: “O bniedem,
qiegħed nibagħtek għand ulied Iżrael, ġens ta’ nies rashom iebsa, li rvellaw
kontra tiegħi; dinbu kontra tiegħi, huma u missirijiethom sal-lum stess. Huma
nies wiċċhom sfiq u qalbhom iebsa. Se nibagħtek għandhom, biex tgħidilhom: ‘Dan
jgħid Sidi l-Mulej’. Jisimgħu u ma jisimgħux – nies ta’ ras iebsa huma – ħa
jkunu jafu li hemm profeta f’nofshom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 122(123):1-2a,2bċd,3-4
R/. (2ċd): Għajnejna lejn il-Mulej, sa ma
jkollu ħniena minna.
Lejk nerfa’ għajnejja,
int li tgħammar fis-smewwiet.
Ara, bħal għajnejn il-qaddejja
lejn id sidhom; hekk għajnejna lejn il-Mulej. R/.
Bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;
hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,
sa ma jkollu ħniena minna. R/.
Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina,
għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.
Imxebbgħa għall-aħħar ruħna
biż-żebliħ tal-għonja, bit-tagħjir tal-kburin. R/.
QARI II
Niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija, biex tistrieħ fuqi l-qawwa ta’ Kristu.
2 Kor 12:7-10
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin
Ħuti, biex ma mmurx nintefaħ bija nnifsi
minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera
tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx.
Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex
hi titbiegħed minni. Iżda hu weġibni: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax
il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef”.
Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar
bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija. Mela bil-qalb
kollha nitgħaxxaq bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks,
bil-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun dgħajjef,
inkun qawwi.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Lq 4:18
Hallelujah. R/. Hallelujah.
L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu.
Mk 6:1-6
Qari
mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal
is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u
jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex
saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex
il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet
mhumiex hawn magħna?”. U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.
Qalilhom
Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru
stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq
ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. U mar idur
l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|