Thursday, 29 July 2021
           
Home
IL-HMISTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2021) INT U JIEN APPOSTLI U PROFETI! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 10 July 2021

Din hija il-Liturgija tal- Hmistax il-Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

twelve-apostles-of-jesus.png

 

Kemm togħġobni t-tixbiha, it-tqabbila tas-Sagrament kbir tal-Magħmudija ma’ lewża tas-siġra tal-ballut!  Kemm inħobb nirrepetiha f’dawn il-versi fqar tiegħi!  Il-Magħmudija hi bħal meta wieħed jiżra’ lewża tal-ballut fil-ħamrija.  Din il-lewża hi żgħira, midfuna, qisha xejn, bħall-Magħmudija meta kienet inagħtatilna meta konna trabi.  Imma f’din il-lewża hemm il-potenzjal, il-possibiltà, id-DNA ta’ ħwejjeġ enormi, ta’ siġra kbira, b’saħħitha, li l-irwiefen ma jagħmlulha xejn u li minnha kienu jieħdu l-injam għax-xwieni tal-gwerra, tant hu b’saħħtu l-injam tagħha!

 

Fid-DNA tal-lewża tal-Magħmudija hemm is-Sorpriża kollha ta’ Alla.  L-ewwel nett, il-Magħmudija mhix biss rit li sar darba u daqshekk.  Hi Misteru.  Hi Proċess, ħidma ta’ Alla fina li jtul tul ħajjitna kollha.  Il-Magħmudija hi Mixja.  Hemm min jimxiha din il-Mixja ta’ konverżjoni, bidla, maturazzjoni fil-Fidi, sal-aħħar jum ta’ ħajtu u bħal Pawlu jkun jista’ jgħid: “Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-Fidi!”  (2 Tim. 4, 7).  Hemm min, minflok, kemm kemm jagħmel pass.  Jikber fiżikament u jsir m’għola hawn; jagħmel suċċess fil-ħwejjeġ tad-dinja, jistagħna... imma jkun għadu liebes il-libsa ċkejkna ta’ meta ħaduh il-knisja l-ewwel darba!  Għalhekk il-Magħmudija, jew ngħixuha billi nidħlu fil-Proċess twil tagħha, jew le.  Aħna ħielsa.  Jew ngħidu l-“Iva!” ta’ Marija li emmnet fil-Misteru li ma fehmietx, jew ngħidu “Le!”

F’dik il-lewża li semmejna, fil-Magħmudija ċkejkna li ssawbet fina, hemm natura ġdida, li jekk tikber u tilħaq il-milja tagħha tagħtina tliet karattri li huma ta’ Kristu nnifsu!  Tagħmel minna Slaten, Saċerdoti u Profeti.  Kull imgħammed hu msejjaħ għal dawn l-għeġubijiet.  Il-Kelma tal-lum tiġi biex issaħħaħna f’waħda minn dawn il-karatteristiċi.  Fi Kristu, bil-Qawwa ta’ Kristu, u minħabba l-Merti ta’ Kristu, aħna, jekk ngħidu “Iva!  Irrid!” insiru Profeti u Appostli tiegħU. 

 

L-Appostlu hu dak li hu mibgħut biex jagħti xhieda ta’ Kristu.  Wieħed jista’ jkun mibgħut jixhed f’daru stess.  Ieħor fil-Missjoni.  Oħra fuq il-post tax-xogħol...  Aħna lkoll mibgħuta mill-Magħmudija tagħna u m’għandna bżonn permess jew liċenzja mingħand ħadd, bħall-Profeta Għamos, għax din tahielna Kristu fil-Magħmudija. 

 

Imma kif jista’ wieħed jagħti minn dak li m’għandux?  Kif nista’ jien nixhed għal Kristu jekk qatt ma kbirt fiH, fil-Fidi fiH;  qatt ma ridt li l-Mulej ikabbar dik il-lewża ċkejkna u joħroġ minnha dak l-għaġeb ta’ siġra?  Minn fejn se nġib il-ħerqa li nitkellem fuq Kristu, iż-żelu li nagħti lil ġismi bħala strument biex dak li rċivejt b’xejn nagħtih b’xejn?  Kif jista’ n-Nisrani jkun Profeta meta hu għadu “Nisrani” tal-isem, tad-drawwiet, tal-festi biss, tal-kultura, kollha affarijiet dawn, li quddiem l-irwiefen tas-sekularizzazzjoni jbattu?  Kif nista’ nitkellem fuq Kristu jekk miegħU għadni ma ltqajtx, imma smajt biss dwaru?

 

Ilkoll għandna bżonn, nitolbu, nitolbu, nitolbu għal Fidi; nitolbu għall-Proċess tal-Fidi fina.  Kristu mhux xi ħadd li jrid jikkontrollana, jaħkem fuqna, ħsiebu f’dak li qed nagħmlu, itappan il-gost tal-Ħajja.  Kemm nies għandhom din il-karikatura ta’ Kristu!  Kristu hu l-Isbaħ Wieħed!  Kristu hu namrat prim!  Kristu hu l-aqwa għana!  Kristu hu l-Għerf veru li jisboq l-intietef tad-dinja!  Kristu hu l-Waħdieni li jista’ jimlilek qalbek. 

 

Qalbek tifraħ meta tgħaddi mill-eżami.  Tifraħ meta tesperjenzja n-namur taż-żogħżija.  Qalbek tifraħ meta tifforma familja u tara b’għajnejk il-miraklu ta’ wliedek li jitwieldu.  Qalbek tifraħ meta tkun kuntent fuq xogħlok li jirrendilek biżżejjed.  Tifraħ b’saħħtek.  Tifraħ b’elf ħaġa.  Imma ħallini ngħidlek: Wieħed biss jimlilek qalbek tassew u dan hu Kristu Ġesù, l-Iben ta’ Alla, li l-Missier bagħtu fid-dinja biex qalbek timtela’ biĦ.  Altru li Hu jagħtina u mhux aħna nagħtuh!

 

Meta nġarrbu din l-esperjenza tal-Imħabba kbira li biha Alla jħobbna hekk kif aħna, bit-tajjeb u bid-difetti kollha tagħna... jekk tassew nesperjenzjaw dan bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, il-ferħ ta’ qalbna ma nkunux nistgħu inżommuh.  L-iktar nies dgħajfa u kwieti u mistħija jixxennqu biex joħorġu minnhom infushom u jinagħtaw għall-oħrajn, jagħtu xhieda fuq dak li rċicew lil dawk li għadhom hemm barra fil-ksieħ u d-dlam.  Minnha nnifisha, l-Magħmudija, li issa ma tkunx iktar nixxiegħa ċkejkna imma saret xmara enormi ġewwa fina, timbuttana biex naqsmuha ma’ ħaddieħor.  U dawn l-affarijiet ta’ Alla mhux bħal tad-dinja:  iktar kemm tagħti milli għandek, iktar jiżdiedlek mhux jonqoslok!  Titkellem dwar Ġesù ma’ xi ħadd, iktar tikber fik il-Fidi.

 

U l-Profeta min hu?  Hu l-bniedem li hu mimli bid-dixxerniment tal-Ispirtu s-Santu.  Dixxerniment!  Tiddixxerni, jiġifieri tagħraf, tiskopri, tinduna b’dak li ħaddieħor mhux jara.  Tiltaqa’ ma’ bniedem li jsemmilek l-istraġi ta’ ħajtu u l-Ispirtu jagħtik id-dixxerniment biex tiftaħlu għajnejh fuq dak li mhux qed jara dwaru nnifsu.  Il-Mulej, lill-Profeta, jagħtih għajnejn li jaraw fil-fond b’risq l-oħrajn.  Dan dejjem kien il-Profeta.  Jista’ jaqra l-futur ukoll għax Nisrani sempliċi, u m’hemmx għalfejn ikun għaref, jaf jaqra s-sinjali taż-żminijiet. 

 

Meta fil-Knisja jkun hawn faqar ta’ Profezija għandna tassew għalxiex ninkwetaw.  Jekk il-Knisja ssibha bi tqila  biex tifhem xi jrid jgħidilha Alla bl-affarijiet li qegħdin jiġru madwarha, għandna tassew bżonn nitolbu.  Madwarna għandna knejjes jitbattlu.  Fl-Ewropa dan il-fenomenu ilu li beda.  Anke fostna, issa.  Matul il-ġimgħa ftit ħafna jmorru l-knisja.  Fil-Ħdud dalwaqt ikun ftit ukoll, fdal.  U din il-pandemija...  Xi jrid jgħid Alla?  Xi jrid jgħidlilha Alla lill-Knisja b’dan il-fenomenu storiku tas-sekularizzazzjoni?  Nitolbu għall-Knisja biex Alla jibgħat Insara li jkunu tassew Profeti għall-Knisja imma wkoll għad-dinja.

 

Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi.
Għamos 7, 12-15

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos

F’dak iż-żmien, Amasija, qassis ta’ Betel, qal lil Għamos: “Mur, bniedem veġġenti, itlaq lejn l-art ta’ Ġuda, u ħobżok kulu hemm, u ħabbar hemm; u tkomplix iżjed tħabbar ġo Betel, għaliex Betel santwarju tas-sultan, it-tempju tas-saltna”.

Wieġeb imbagħad Għamos u qal lil Amasija:
“Jien m’iniex profeta,
lanqas bin profeta;
jiena biss ragħaj u niżbor il-ġummajż.
Iżda l-Mulej qabadni minn wara l-merħla,
u l-Mulej qalli: Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi, Iżrael”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 84 (85), 9ab-10. 11-12. 13-14

R/. (8): Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

QARI II
Għażilna fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja.
Efes 1, 3-14

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu,
li berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja,
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba.

Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi
permezz ta’ Ġesù Kristu;
hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu,
għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu,
li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu,
il-maħfra tad-dnubiet,
skont l-għana tal-grazzja tiegħu.

Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu.
Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu;
il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel,
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;
jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu,
kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art.

Fih aħna wkoll konna magħżula,
iddestinati minn qabel, skont il-pjan imfassal
minn qabel minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda tiegħu,
sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu,
aħna, li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.

U fih intom ukoll smajtu l-Kelma tal-Verità,
l-Evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom, u emmintu fiha.
Kontu ssiġillati bl-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed;
li hu r-rahan tal-wirt tagħna
sakemm għadna nistennew il-fidwa sħiħa
tal-Poplu li Alla kiseb għalih, għat-tifħir tal-glorja tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Jew il-forma l-qasira

QARI II
Għażilna fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja.
Efes 1, 3-10

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu,
li berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja,
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba.
Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi
permezz ta’ Ġesù Kristu;
hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu,
għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu,
li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.
Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu,
il-maħfra tad-dnubiet,
skont l-għana tal-grazzja tiegħu.
Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu.
Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu;
il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel,
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet;
jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu,
kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Efes 1, 17-18

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu
idawwal l-għajnejn ta’ qalbna
biex nagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Il-missjoni tal-appostli.
Mk 6, 7-13

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi.

Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom”.

Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/.
Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >