Din
hija il-Liturgija tas-Sittax il-Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fil-Kultura Lhudija taż-żmien bibliku, u anke wara, il-figura tar-Ragħaj
kienet importanti ħafna. Il-ħajja
primittiva, tal-bidu, għall-bniedem, kienet dik tal-kampanja, u l-ekonomija
kienet għal kollox agrikola u bbażata fuq it-trobbija tal-annimali. Kien bil-mod il-mod li bdiet tinfirex
il-kultura urbana, tal-ibliet, iżda għal ħafna sekli iktar kien hemm nies
jgħixu fil-kampanja. Għalhekk il-Ħajja
ta’ barra l-ibliet, u tal-irħula żgħar ħafna, kienet tforni modi ta’ kif
il-bniedem jitkellem, jaħseb u jimmaġina.
Kull filgħaxija il-familja, jew il-klan, kien jinġabar barra, fis-sajf,
u fix-xitwa madwar il-fuklar, u hemm kienu jirrakkontaw lil xulxin il-ġrajjiet
mitiċi tal-antenati tagħhom. Kien b’dan
il-mod li Iżrael baqa’ jgħix u jiftakar l-għemejjel ta’ Alla fl-Istorja tiegħu
ferm qabel li dawn l-istejjer bdew jitħażżu fuq xi romblu.
Kien hemm ħafna figuri drammatiċi li kienu jħallu, lit-tfal speċjalment,
b’ħalqhom miftuħ jisimgħu. L-annimali
kattivi li kienu jattakkaw lill-bniedem, irġiel ta’ saħħa ta’ barra minn hawn,
nies ta’ kuraġġ u spirtu qalbieni, bnedmin dgħajfa mgħaffġa taħt il-qilla ta’
min hu b’saħħtu, li, iżda, bil-qawwa tal-Mulej għamlu ħwejjeġ kbar xorta waħda. In-ngħaġ kwieti li jitgerrxu quddiem l-ilpup
imġewħa li jissajjawlhom fid-dlam tal-lejl... u r-Ragħaj.
Ħafna kienu rgħajja. Kien hemm
rgħajja sidien tal-merħla li huma kienu jgħassu, u oħrajn li ma kellhomx ngħaġ
tagħhom imma kienu jimpjegaw ruħhom ma’ sidien biex jeħdulhom ħsieb l-annimali
tagħhom. Allura fil-foklor tal-familja,
bdiet dieħla wkoll il-figura tar-Ragħaj li kien iħobb lin-ngħaġ tiegħu, li kien
jagħrafhom waħda waħda u kien ilaqqamhom b’isem differenti għal kull waħda. U jekk ir-Ragħaj kien iħobb lin-ngħaġ, hekk
ukoll in-ngħaġ kienu jħobbu lilu għax fih kienu jsibu s-sigurtà tagħhom. Kienu jafdawh! Sikwit kienu jterrqu minn mogħdijiet ġodda
għalihom li ma kinux jafu, imma x’jimporta!
Kienu jħarsu ’l quddiem u, ekku, kien jarawh miexi qabilhom. Id-dehra
ta’ dahru, jitbandal minn sieq għall-oħra, kienet biżżejjed għalihom. Kienu
għal kollox jintelqu f’idejh.
Imma l-Iskrittura titkellem ukoll dwar rgħajja li ma kinux tant ħanina
mal-merħla. Aktarx li l-merħla ma kinitx
tkun tagħhom għax kienu rgħajja mikrija.
Kienu jieħdu ħsiebhom sakemm ikun il-bnazzi, imma malli jilmħu l-periklu
malajr idabbru rashom.
Il-profeti kienu jeħduha mal-mexxejja tal-poplu, kemm dawk politiċi u anke
dawk reliġjużi, li kienu rgħajja “mikrija” għax ma kinux iħossu għan-nies, imma
kienu jaraw fil-pożizzjoni tagħhom mezz ta’ stagħnar, ta’ kburija, ta’
suċċess. Fil-Liturġija tal-Kelma tal-lum
Ġeremija jhedded lill-mexxejja bil-lingwaġġ li tant kien jaf juża, u bnadi
oħra, speċjalment f’Eżekjel insibu litanija sħiħa ta’ saħtiet fuq dawn
ir-rgħajja korrotti li kien jinteressahom biss mis-suf tan-ngħaġ u mill-ħalib
tagħhom, mill-ħrief li jipproduċu u min-negożju, bla ma jħossu xejn għal dawk
li ġew fdati f’idejhom.
Iżrael kien jaf xi jfisser “xrik”, “ragħaj mikri”,
“ragħaj ħażin”. Tneħħi tlieta minnhom,
is-slaten kollha tiegħu kien nies “tad-dinja”, nies li kien jinteressahom biss
minnhom infushom, nies bla fidi, nies li għalihom il-flus u l-poter kienu
kollox. Imma f’dan l-ambjent ta’ medjokrità
spiritwali, ta’ moħqrija għan-ngħaġ minn dawk li suppost kienu qed jieħdu
ħsiebhom, titwieled l-istennija, it-tama, il-wegħda li għad jasal jum meta
l-Mulej kellu jibgħat Ragħaj ta’ veru li kien lest li jagħti Ħajtu
għan-nagħġiet tiegħu. Kien hemm “fdal”
f’Iżrael li iktar kemm kienu jaraw ħażen madwarhom iktar kienu jittamaw
fir-Ragħaj Imwiegħed li kellu jiġi. Dan
il-“fdal”, Iżrael il-veru, kien jitlob u jitlob biex jitqarreb il-Jum meta
jidher dan ir-Ragħaj. U l-profeti kienu
jħeġġuhom f’din it-tama. “Araw, għad jasal żmien, meta mid-dar ta’
David inqajjem rimja qaddisa, sultan bl-għaqal li jagħmel id-dritt u
l-ġustizzja fil-pajjiż. Fi żmienu Ġuda
jkun salv, u Iżrael igħammar fiż-żgur.”
(Ġer. 23, 5-6). Dan hu li jħossu n-ngħaġ meta jkun jafu
wara min mexjin, u jafdaw fih.
Din
it-tipografija tat-Testment il-Qadim tilħaq il-quċċata tagħha f’dak li hu aktarx
l-iktar Salm magħruf, Salm 23, li jibda bil-vers famuż: Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni, f’mergħat kollhom ħdura
jqegħedni, ħdejn l-ilma fejn nistrieħ jeħodni.
(S. 23, 1). Sinċerament,
tħoss int tassew li dan ir-Ragħaj huwa Kristu fil-Ħajja tiegħek? Għax ngħiduha kif inhi, kull bniedem għandu
Ragħaj li warajh jimxi. Fir-reliġjon
għandna l-vizzju terribbli li naħsbu li qed inkunu ġġudikati l-ħin kollu u
għalhekk niddefendu rwieħna u t-tweġibiet tagħna rari huma sinċieri imma
nwieġbu “kif suppost”... Ikun
interessanti dak il-bniedem li jgħid li ma jħossx li Kristu hu tassew ir-Ragħaj
tiegħu għax fil-Ħajja ġrawlu ħwejjeġ li sal-lum għadu ma jistax jifhimhom. Għalih sigurtà akbar huma l-flus, jew
is-saħħa, jew il-familja, jew anke l-politika.
Ħafna nies huma ta’ dan it-tip u m’għandhomx għalfejn jinħbew wara
frażijiet tal-katekiżmu li tgħallmu bl-amment meta kienu żgħar. Quddiem Alla l-aħjar li nkunu sinċiera, għax
min hu sinċier ifisser li jixtieq isib it-triq imma għadu ma sabhiex.
Għax
l-Istorja ta’ kull wieħed minna tgħaddi żgur minn widien mudlama, kif jgħid dan
is-Salm. Huwa hemm li wieħed, jew jitlef
il-fidi, jew isibha għall-ewwel darba għax ikollu laqgħa ma’ Kristu. Huwa waqt xi kriżi kbira li, jew nindihexu
minn dak li nkunu qed inġarrbu, jew ikollna l-esperjenza ta’ Kristu miexi
quddiemna bħar-Ragħaj u li meta ntlaqna mexjin warajH Hu ħariġna tassew
mill-wied u quddiemna nfirxet mergħa tal-għaġeb fejn, sa fl-aħħar, stajna
nistrieħu. Int tħejji mejda għalija quddiem l-għedewwa tiegħi, biż-żejt tidlikli
rasi, u l-kalċi tiegħi tfawwarli. (S. 23,
5).
Dan
ir-Ragħaj il-Kbir, “Ir-Ragħaj is-Sabiħ”, kif issejjaħlu l-Liturġija tal-Lvant, li
tant jitkellem fuqu t-Testment il-Qadim, deher fostna u huwa Kristu Ġesù,
l-Iben il-Waħdieni li ġie mibgħut sabiex fiH insibu s-sens tal-Ħajja,
iċ-ċertezza li kollox se jispiċċa tajjeb għax lilna jagħtina Ħajja li ma
tispiċċa qatt. Hu jagħmel li aħna ngħixu
għal dejjem għax Hu inagħta f’idejn l-ilpup biex kielu lilu minflok li daru
għalina. Aħna ħrabna, imma Hu baqa’ hemm
jitqabad mal-Mewt matul lejl twil, twil, u rebaħ Ħajja bla tmiem għan-nagħġiet
għeżież tiegħu. Imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ’l bogħod, issa
tqarribtu bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu.
(Ef. 2, 13). Ir-Ragħaj feda
l-merħla tiegħU!
Dan hu
r-Ragħaj li ma jiġġudika lil ħadd għax jarana bħal merħla ta’ nies għajjiena
bil-problemi, bid-dnub, bil-jasar tal-ekonomija tal-lum, bit-tħassib dwar
uliedna, bit-tipi dejjem ġodda ta’ mard li dejjem ġejjin, donnu l-mediċina li nibilgħu
tfejjaq banda u tmarradna band’ oħra. Fuq
kollox għajjiena u ħosbiena dwar x’se jsir minna meta tinqata’ l-ħajta
tal-fidda u nintemmu. Qalb ir-Ragħaj
tinagħfas quddiem in-ngħaġ li jħarsu lejH b’għajnejn miksura. X’ħin
niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u ġietu ħniena minnhom, għax
kienu qishom ngħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna
ħwejjeġ. (Mk. 6, 34).
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Niġbor il-bqija tan-nagħaġ tiegħi, u nqiegħed fuqhom rgħajja.
Ġer 23, 1-6
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
Dan jgħid il-Mulej: “Gwaj għar-rgħajja li
jeqirdu u jxerrdu l-merħla tal-mergħa tiegħi – oraklu tal-Mulej. Għalhekk
dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, lir-rgħajja, li jirgħu l-poplu tiegħi:
Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi, gerrixtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom. Arawni,
se naħseb fikom jien minħabba l-ħażen ta’ għemilkom – oraklu tal-Mulej.
U jiena niġbor il-fdal tan-nagħaġ tiegħi
mill-artijiet kollha li xerridthom fihom, u nreġġagħhom lura lejn il-mergħa
tagħhom, u jnisslu u joktru. U nqiegħed fuqhom rgħajja li jirgħuhom, u ma
jitbeżżgħux aktar, ma jitwaħħxux; u ħadd minnhom ma jonqos – oraklu tal-Mulej.
Araw, għad jasal żmien – oraklu tal-Mulej –
meta nqajjem lil David rimja ġusta, li jsaltan ta’ sultan, u jmexxi bil-għaqal
u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż. Fi żmienu Ġuda jkun salv, u Iżrael
jgħammar fiż-żgur. U dan hu l-isem li jsejħulu: Il-Mulej is-Sewwa tagħna”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
SALM
RESPONSORJALI
Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6
R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn
ma jonqosni
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.
Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.
Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.
QARI II
Hu l-paċi tagħna, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed.
Efes 2, 13-18
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Efesin
Ħuti,
imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ’l bogħod, issa tqarribtu
bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu. Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn
għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna – il-mibegħda ta’
bejnietna – u ħassar bis-sagrifiċċju ta’ ġismu l-Liġi bil-kmandamenti u
l-preċetti tagħha. Mit-tnejn, ried b’hekk joħloq bih innifsu bniedem wieħed, il-bniedem
il-ġdid, billi jagħmilhom paċi t-tnejn bejniethom u jħabbibhom it-tnejn ma’
Alla f’ġisem wieħed permezz tas-salib li bih qered il-mibegħda ta’ bejniethom.
Imbagħad
ġie jħabbar is-sliem, sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u sliem lil dawk li
kienu fil-qrib. Permezz tiegħu, it-tnejn li aħna għandna bi Spirtu wieħed
id-dħul għal għand il-Missier.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10, 27
Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj.
Mk 6, 30-34
Qari
mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u
għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u
strieħu ftit”. Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien
biex jieklu ma kienu jħallulhom.
Marru
mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu
ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet
kollha, u waslu qabilhom.
Xħin
niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom
nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|