Sunday, 19 September 2021
           
Home
IS-SBATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2021) IL-GUH GHALL-KELMA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 24 July 2021

Din hija il-Liturgija tas-Sbatax il-Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

jesus-loaves-and-fish.gif

 

Ta’ bnedmin li aħna, nimpressjonaw ruħna mix-xejxi, kemm dak materjali u anke dak ‘reliġjuż’.  Meta x-xejxi jkun ta’ Alla, dan jista’ jgħinna nsibuH, tant li hemm min qal li s-Sbuħija ssalva d-dinja u l-qalba tas-Sbuħija hi l-Wiċċ sofferenti ta’ Kristu fuq is-Salib.   Allura l-qalba tas-Sbuħija hija l-Imħabba.  L-Imħabba hi l-akbar xejxi li hawn, xejxi, sbuħija li tibqa’ mhux bħax-xejxi tal-murtal tal-kulur tal-festa li jdawwal u jsebbaħ l-iswed tas-sema bil-lejl, imma għal waqt wieħed.  Ix-xejxi tad-dinja hekk qisu: sbuħija li tinbela’ mid-dlam sewdieni.  Dan ngħiduh u nibqgħu ngħiduh għax għandna l-esperjenza tiegħu.  Sabiħa l-Ħajja!  X’ġenerożità ta’ Alla!  Imma aħna ġejna maħluqa għal ħwejjeġ akbar!

 

Hi ħasra li tant nies ma jiggustawx il-Ħajja.  Tant tensjoni.  Tant tħassib. Tant aljenazzjoni bix-xejxi li jinganna għax jinbela’ mir-rejaltà li rridu mmorru lura għaliha.  Il-bniedem hu bil-ġuħ!  Il-progress, il-kumdità, l-ekonomija, ħajja itwal (jgħidu), l-edukazzjoni, permessività, drittijiet ta’ kull tip... dan kollu ħallew bniedem bil-ġuħ, u ma jafx għal xhiex.  Hu jfittex li jaqta’ l-ġuħ tiegħu b’elf mitt ħaġa, iżda meta għandu bżonn pranzu, donnu li qed jiekol ċiċra, għax qatt mhu kuntent.

 

Il-Bibbja, fit-Testment il-Qadim, għandha dan il-Kliem: “Ara, għad jiġi żmien, oraklu ta’ Sidi l-Mulej, meta nibgħat il-ġuħ fl-art; mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma, iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej.  Jibdew iduru minn baħar għal ieħor, u jiġġerrew mit-Tramuntana għal-Lvant, ifittxu l-kelma tal-Mulej, u ma jsibuhiex.”  (Għam. 8, 11-12).  Din id-diżgrazzja enormi, hija Grazzja fl-istess ħin.  Għax l-imġewħin skoprew minn fejn ġej il-ġuħ tagħhom!  Almenu!  Imma llum, il-bniedem ma jridx jisma’, tilef is-smigħ.  Jogħġbu l-istorbju tad-dinja li jnessih.  Għalih Kristu hu karikatura tal-Kristu veru.  Hu bil-ġuħ imma m’għandux aptit għal Kristu!

 

Iżda int li qed taqra dawn il-versi, int għandek ġuħ għal Kristu għax kieku m’intix titlef ħinek hawn.  Int tittama li Kristu hu s-soluzzjoni ta’ Ħajtek.  Hieni int jekk għandek ġuħ għal Kristu għax għad tiekol bix-xaba’!  Oħrajn jistmerru dan l-ikel.  Jiffungaw fuq ikel ieħor; jiffungaw u jerġgħu jiffungaw għax dejjem imġewħa għall-Ħajja vera.  Kristu hu fqir għalihom; ikel fqir.  Fl-Ewwel Qari, il-qaddej tal-profeta wkoll ħass li l-ikel li l-profeta kellu x’joffri kien fqir.  “Kif nista’ nqassam dawn lil mitt ruħ?”  (2 Slat. 4, 43).  Min m’għandux Fidi ma jemminx li Kristu hu s-soluzzjoni.  “Agħti lin-nies ħa jieklu; għax dan jgħid il-Mulej: ‘Mhux biss jieklu, imma jifdal ukoll.’”  (2 Slat. 4, 43).

 

Is-Smigħ tal-Kelma ta’ Alla hu l-ikel tiegħu, l-ikel tal-Ħajja.  Il-Kelma u l-Ewkaristija.  Ma min idur lejH, Alla hu ġeneruż.  Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej, u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu.  Int tiftaħ idek, u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid.  (S. 145, 15-16).  Hekk jaħdem Alla: jimburġak bl-ikel tiegħU, bil-ħlewwiet tiegħU, biex mhux biss tixba’ int, imma tqassam lil ħaddieħor ukoll.  Għax dan hu l-għan ta’ kull konverżjoni li l-Mulej jaħdem fil-bniedem.  Jekk tikber fil-Fidi int, miegħek jikbru wkoll oħrajn.  Kull wieħed minnha hu bħal għanqud għeneb.  Magħna hemm imqabbda oħrajn u jista’ jkun li jekk ma nikkonvertix jien, oħrajn li huma qribi, ma jikkonvertux lanqas.

 

Il-ġimgħa l-oħra tkellimna fuq il-Mulej li sejjaħ lilu nnifsu r-Ragħaj li lest jagħti Ħajtu għan-ngħaġ tiegħu.  Kif jista’ dan ir-Ragħaj iħalli lil dawk li Hu jħobb bil-ġuħ?  Għalhekk, jekk il-Bibbja mhix il-ħabiba tagħna d-dar, almenu niftħu widnejna beraħ fil-Liturġija l-Knisja meta jasal il-waqt tal-proklamazzjoni tal-Kelma.  Aħna bħan-ngħaġ li nħarsu lejn il-Mulej li ġej biex jagħlifna.  Kif jgħid is-Salm tal-lum: “Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej, u int tagħtihom l-ikel f’waqtu.  Int tiftaħ idek, u xxabba’ lil kulħadd bil-ġid.”  (S. 145, 15-16). 

 

Wieħed mis-sinjali li jixhdu li Kristu huwa tassew Alla quddiem id-dinja huwa l-għaqda ta’ bejnietna, l-għaqda ta’ bejn l-aħwa ta’ Kristu.  Gwaj jekk ikollna l-firda bejnietna.  Bħalissa hawn ħafna affarijiet, anke skandli, fil-Knisja li flok jiġbdu lid-dinja lejn Kristu, qegħdin ibegħduha!  Tistagħġeb!  L-ikel ta’ Kristu suppost jgħaqqadna flimkien ħaġa waħda.  Aħna li aħna ħafna, b’karattri differenti, b’opinjonijiet differenti, b’kundizzjonamenti differenti, induru ma’ mejda waħda u flimkien nieklu minn Ħobża waħda!  L-Ewkaristija!  Meta tieħu sehem fil-quddiesa, m’intix waħdek, int u Alla, le, le, le!  Int tagħmel parti minn ġemgħa.  Din il-ħaġa nħoss li tlifniha.  Aħna nagħmlu parti mill-Ġisem ta’ Kristu li hu madwar il-mejda u meta niklu minnU nikbru fih u nsiru iktar Ġismu, iktar aħna fiH u Hu fina!  Meta dan kollu jsir parti minna, aħna nsiru ħaġa waħda u jkun hemm għaqda li timpressjona lid-dinja.  Għax id-dinja taf biss b’għaqda waħda: dawk tal-isess etajiet ma’ xulxin; dawk tal-istess opinjonijiet politiċi ma’ xulxin;  dawk li huma sinjuri ma jagħmluhiex mal-fqar; dawk li huma tal-iskola jitmeżmżu minn dawk li jaħdu b’idejhom;  dawk li jżommu mal-istess team jagħmlu club għalihom u miskin hu ta’ kontrihom. 

 

Fi Kristu mhux hekk!  L-iswed iħobb lill-abjad.  Is-sinjur jaqsam mal-fqir, u l-bqija.  Għaliex dan?  Għax jieklu ikel wieħed u dan l-ikel li hu Kristu nnifsu (Kelma u Ewkaristija), dan l-ikel jibni lil dan il-Ġisem.  Għidli x’tiekol u ngħidlek intix b’saħħtek jew le!  Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda.  (Ef. 4, 3). 

 

Il-Vanġelu jixbah lill-Ewwel Qari ta’ Eliżew.  L-ikel li jqassam il-Mulej jidher mhux suffiċjenti, ftit wisq, jiċċalinġja l-intelliġenża li għandna u li tant niftaħru biha.  Għandek problema tkiddek u tiddipressak: mur għand il-psikoloġista li jibagħtek għand il-psikjatra li jbellagħlek il-pilloli u dawn isiru l-“ikel” tiegħek...  Min se jmur għand Kristu u jgħidlu kif qallu xi ħadd: “Jekk trid, Mulej, inti tista’ tfejjaqni!”  (Lq. 5, 12).  Tafu x’inhi dejjem it-tweġiba ta’ Kristu għal talba bħal din?  “Iva, irrid; kun imfejjaq.”  (Lq. 5, 13).  Kristu ma jiħux għalih jekk l-ewwel dorna lil dawk li jfejqu fid-dinja.  Mhux qed ngħid għat-tobba imma għall-idoli li minnhom nitolbu l-Ħajja. Ħafna drabi nippruvaw l-ikel tal-Mulej wara li nkunu ilna nieklu dak tad-dinja.  X’jimporta?  L-aqwa li nduquH.  “Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej!  Hieni l-bniedem li jistkenn fih!”  (S. 34, 9).

 

Indrija kellu spirtu trasparenti u tajjeb.  Fuq kollox, innoċenti, bħat-tfal.  Quddiemu kien hemm kotra kbira ta’ nies ġejjin biex jisimgħu lil Ġesù għax kienu bil-ġuħ għall-fejqan minn ġewwa.  X’se jgħidilhom Ġesù?  Biex se jitmagħhom.  B’Kelma li tidher fqira imma li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu għandha s-saħħa tbiddel id-dinja!  Il-Kelma tidher fqira bħall-ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar.  Żewġ ħutiet żgħar!  Indrija qal: “Hawn tfajjel li għandu...”  (Ġw. 6, 9).  Sħabu aktarx li ħarsu lejn xulxin u tbissmu, bħalma aktarx tbissem Pietru fil-bidu tal-Istorja meta mar Indri jiġri u qallu: “Sibna l-Messija!”  (Ġw. 1, 41).  Kristu jagħmel l-għeġubijiet bis-sempliċi, bid-dgħajfa, b’dawk li huma żgħar biżżejjed biex jirriskjaw kollox fiH.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Jieklu, u jibqgħalhom iż-żejjed.
2 Slat 4:42-44

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, ġie għand Eliżew raġel minn Bagħal-Salisa, u ġieb lir-raġel ta’ Alla ħobż tal-bikri: għoxrin ħobża tax-xgħir, u sbul mimli qamħ ġdid. Eliżew qallu: “Agħtihom lin-nies ħa jieklu”. Imma l-qaddej tiegħu wieġeb: “Kif nista’ nqassam dawn lil mitt ruħ?”. Raġa’ qallu Eliżew: “Agħti lin-nies ħa jieklu; għax dan jgħid il-Mulej: ‘Mhux biss jieklu, imma jifdal ukoll’”. Dak qassmilhom; u huma kielu, u kien għad fadal minnhom, bħalma qal il-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 144(145):10-11,15-16,17-18

R/. (ara 16): Iftaħ idek, Mulej: ferraħna bil-ġid li tagħtina.

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu.
R/.

Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej,
u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu.
Int tiftaħ idek,
u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid. R/.

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.

QARI II
Ġisem wieħed, Mulej wieħed, magħmudija waħda.
Efes 4:1-6

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 7:16

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Profeta kbir qam fostna,
u Alla żar il-poplu tiegħu.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Qassam, u kulħadd ħa kemm ried.
Ġw 6:1-15

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.

Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”. Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”.

Ġesù qal: “Qiegħdu n-nies bilqiegħda”. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.

Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!”. Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >