Thursday, 09 December 2021
           
Home
IT-TMINTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2021) LEJN LIEMA PATRIJA QED INTERRQU? PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 31 July 2021

Din hija il-Liturgija tat-Tmintax il-Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

jesus-rembrandt-paintingjpg.jpg

 

Kull Storja ta’ bniedem hija mixja.  Huwa jimxi mixja fiżika; jitwieled tarbija u jibda jikber, jimxi, jitkellem, jirraġuna sa ma jilħaq il-milja ta’ saħħtu. Imbagħad jibda jnaqqas sakemm jagħlaqlu ż-żmien fuq din l-art.  Imma l-Ħajja nistgħu niddiskrivuha bħala mixjiet oħra.  Mixja ta’ familja li jibni ma’ martu jew viċi-versa; mixja tal-karriera li jaqbad, eċċ.  Imma l-ebda mixja minn dawn kollha ma tiddiskrivi tassew il-Misteru li hu l-bniedem. 

 

 

Huwa mportanti li l-bniedem jiskopri s-sens tal-eżistenza tiegħu.  Hu sab ruħu hawn b’kumbinazzjoni, jew hemm xi Pjan wara l-Istorja tiegħu?  Kif inzerta ġie hu għand ommu u missieru u mhux xi ħadd ieħor?  Għaliex tant trabi jinqatlu fil-ġuf u jintremew qishom ġild ta’ fenek, waqt li int tħallejt tgħix u tikber?  Lejn xhiex inti miexi?  Lejn il-baħħ tal-Mewt?  Lejn is-sies fond dagħbien li tant iterrqu lejh fis-sakra, aljenati, bla ma jaħsbu?  Imma l-bniedem inagħta moħħ li jaħseb, li ma jħallihx kwiet.  Tant nies kburin bl-għerf tagħhom għandhom soluzzjoni waħda għal din il-mistoqsija:  ma jaħsbux fuqha!  Imma moħħ il-bniedem hu programmat biex jaħseb u m’hemmx mistoqsija iktar serja minn din:  Lejn fejn jien miexi?  Għal x’hiex qiegħed ngħix?  X’inhu l-għan ta’ Ħajti?

 

Ix-xjentisti jgħidu li xejn ma jsir minn xejn.  Hemm żvilupp f’kollox.  Imma jekk kollox kiber minn żrara, min ħalaq din iż-żrara ddur iddur fl-univers?  Għax il-bniedem li jaħseb dejjem jiġi wiċċ imb’wiċċ mal-ħajt  li hu l-mistoqsija: Alla jeżisti jew le?  Il-bidu ma setax ħalaq lilu nnifsu.  Hekk tgħid ix-xjenza.  Mela ħalqu xi ħadd aqwa minn kollox li x-xjenza timuta quddiemu.  Alla jeżisti jew le?  Jekk ma jeżistix, mela lanqas il-Ħolqien ma jeżisti u aħna qed ngħixu ħolma, gidba...

 

In-Nisrani jemmen li mhux biss jeżisti Alla, imma lili u lilek ħalaqna biex niskopruH u nterrqu lejH għax mingħandu ħriġna u lejH sejrin.  Dan biss jagħti sens lil kollox, lil dak kollu li ngħaddu minnu.  Ħafna jgħixu għal din il-Ħajja t’hawn biss.  Allura x’dieqa l-Mewt!  X’monstru ta’ barra minn hawn!  Il-bniedem jirriduċi ruħu għal ftit għadam u laħam li jikber, jixjieħ, imut u jintesa.  Il-Ħajja ssir kumbinazzjoni, u kulma jiġri jew xorti tajba jew xorti ħażina.

 

Hieni l-bniedem li jiskopri lil Alla fl-Istorja tiegħu, f’dak li jgħaddi minnu.  Din hija l-Mixja l-kbira ta’ kull maħluq.  Li jimxi waqt li jġorr l-esperjenza ta’ dak li jgħaddi minnu, dan hu l-mod l-iktar konvinċenti li bih jikber fil-Fidi.  Lil Iżrael Alla tah Mixja twila mill-Eġittu għad-deżert u, mbagħad, għall-Art li kien hejjielu.  Il-poplu tbellah quddiem l-għeġubijiet li ra lill-Mulej iwettaq f’art il-jasar tiegħu u meta għaddieħ mill-baħar.  Imma dawn l-esperjenzi ma kinux biżżejjed.  Kien għadu tfal fil-Fidi!  Alla ħadu fid-deżert għal ħafna snin.  Kemm tgergir!  Kemm ġrajjiet li fihom il-kotra saħnet għal Mosè u għal Alla!  Iżraeltgħallem jemmen f’Alla mhux biss bil-Kelma li sema’ dwaru imma wkoll bl-istejjer li għadda minnhom, bil-waqgħat tiegħu, anke permezz tad-dnub tiegħu!

 

L-Ewwel Qari niltaqgħu mal-prova tan-nuqqas ta’ ħobż.  Bħal Iżrael, jew aktar minnu, għandna bżonn Mixja ta’ Fidi aħna lkoll!  “Fejn hu Alla?” ngħidu bejnna u bejn ruħna meta kriżi finanzjarja ddura madwarna.  Iżrael qal: “Niftakru l-ħut li konna nieklu fl-Eġittu b’xejn; il-ħjar, il-bettieħ, il-kurrat, il-basal, u t-tewm.  U issa bil-ġuħ; għajnejna ma jarawx ħlief il-manna.”   (Nm. 11, 4-6).  Kienu jieklu b’xejn għax kienu lsira!  Insew.  Mill-banda l-oħra, kemm nies sabu lil Alla meta kienu dahrhom mal-ħajt!  Anzi, nazzarda ngħid li m’hemmx mod ieħor kif tassew tasal biex temmen li Alla qiegħed miegħek u qed jgħaġnek bħalma l-fuħħari jgħaġen it-tafal.  Min għandu l-Fidi ma jara xejn negattiv fl-Istorja tiegħu, iżda jara sens għax jaf li Alla Missieru. 

 

Issa dan hu rigal ta’ Alla.  L-ebda bniedem m’għandu ħila jasal għal dan bis-saħħa tiegħu.  Imma, jekk niftħu qalbna għal Alla, kollox jinagħta lilna, u b’xejn.  Il-Kelma “Grazzja” dan hu li tfisser: rigal gratis, b’xejn, bla m’hu mistħoqq.  Iżrael ma kien jistħoqqlu xejn.  Imma fil-qalba tal-irvell tiegħu, Alla temgħu fid-deżert, laħam tas-summien u l-manna bħala ħobż.

 

Dan il-vjaġġ lejn l-Art bellezza li Hu lestielna, ma nistgħux nagħmluh weħidna, b’mod individwali.  Ninsabu ngħixu f’era individwalista.  Jgħidulek li aktar ma tkun waħdek aktar tkun ħieles, inqas issib  min idejqek, aktar tagħmel li trid.  Din hi l-iqsar triq lejn id-dwejjaq totali, lejn id-dippressjoni.  Il-mentalita tal-kultura tal-lum ittambar f’moħħ il-bniedem li l-“ieħor” hu rival u aħjar tagħtih il-ġenb.  Neħħew minn moħħ il-kotra l-idejal li jinagħtaw għal xulxin.  Meta wieħed jinagħta, joħroġ minnu nnifsu u jsib il-ħelsien.  Id-dinja tgħallem il-kontra!  Għalhekk tant attakki fuq is-sagralità tal-familja.

 

Wieħed waħdu ma jistax jimxi fid-deżert lejn l-għarfien tal-Imħabba ta’ Alla u lejn l-Art li hemm tistenniena.  Wieħed waħdu ma jaqsamx id-deżert.  Waħdu jimxi, waħdu jmut, jew bil-għatx jew b’xi attakk tal-ħallelin.  Għandna bżonn Knisja li takkompanjana fil-Mixja tagħna matul il-Ħajja.  Il-Knisja mhix li wieħed imur il-quddies tal-Ħadd “biex ma jaqtax”, jew “għax hekk suppost”, jew “għax hekk imdorri u mgħallem”.  Il-Knisja hi dik l-għajn li minnha nixorbu waqt il-vjaġġ tagħna.  Il-Knisja hi l-għalliema tagħna.  Il-Knisja hi dik li tfissirlna l-għala jiġru tant ħwejjeġ bla ma nifhmuhom.  Il-Knisja tweżinna fil-mumenti ta’ kriżi meta ma nifilħux nimxu aktar.  Il-Knisja mhux biss tagħtina l-Magħmudija fil-bidu tal-Mixja tagħna, imma tkompli tkabbrilna din il-Magħmudija matul it-triq.

 

Xi jfisser dan?  Fit-Tieni qari, San Pawl jurina li din il-Magħmudija mhix Rit, Ċelebrazzjoni ta’ darba, imma hi Proċess Qaddis li jmexxih Alla fina.  Matul il-Magħmudija jiġri fina spiritwalment dak li jkun ġara taħt sinjali li naraw b’għajnejna meta għamduna ta’ trabi.  Jekk il-Knisja tefgħet l-ilma fuq rasna, jew inkella għaddsitna ġol-ilma, dan biex turina x’qed jiġri tassew fl-Istorja tagħna. Fl-ilmijiet tal-Magħmudija, matul l-Istorja tagħna, se jinqered il-bniedem il-qadim, in-natura li biha twelidna, it-taħsir ta’ Adam, u minflok jikber Kristu, tikber natura ġdida li hi ta’ Alla nnifsu.

 

Dan kollu jiġri waqt ir-Rit Qaddis, imma dan is-Sagrament hu bħal żerriegħa li fiha dan kollu imma trid ixxettel u tikber.  Għalhekk il-Mixja, il-Vjaġġ Qaddis, it-Triq.  Dan hu s-sens veru tal-Ħajja tal-bniedem.  Għal dan ġejna maħluqa, int u jien. Intom għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta’ qabel u tinżgħu il-bniedem il-qadim, imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa, u tiġġeddu fl-ispirtu  tal-fehma tagħkom u tilbsu ’l bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.  (Ef. 4, 22-24). 

 

Niftakru li t-trabi jinagħtaw il-Magħmudija bil-kundizzjoni li l-ġenituri, flimkien mal-parrini jsostnu din il-Magħmudija billi jsaqquha bl-eżempju Nisrani tagħhom u jressquhom lejn il-Knisja Omm biex jidraw jieklu il-“manna” u s-“summien” tal-Kelma u s-Sagramenti tagħha.

 

U fl-aħħar: lejn liema Patrija qed itterraq int f’ħajtek?  Jekk dan li qed ngħidu ma jagħmel l-ebda sens għalik, jista’ jkun li int qed itterraq lejn l-eliżir, lejn l-għors, lejn il-milja tal-Ħajja li twiegħed din  id-dinja.  Liema hi Art Twelidek?  Liema hu Pajjiżek?  L-affetti tal-familja, biss?  Is-suċċess fil-karriera?  Il-flus?  Is-saħħa?  Id-divertiment?  Il-fama?  L-ambizzjoni?  Dawn kollha jħajru kieku.  Xi wħud huma tajbin ukoll.  Oħrajn inqas.  Imma l-ebda minn dawn ma tirbaħ il-Mewt għalik, lanqas l-istess familja, għax meta jpoġġuk ġol-kaxxa waħdek tinżel taħt l-art.

 

Terraq lejn Kristu.  Hu biss rebaħ il-Mewt u ma rebaħħhiex għalih innifsu, imma għalik u għalija u għal dawk kollha li jfittxuH.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Nibgħatilkom xita ta’ ħobż mis-sema.
Eż 16:2-4,12-15

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, fid-deżert, il-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael bdew igergru kontra Mosè u Aron. Ulied Iżrael qalulhom: “Mhux li mitna b’id il-Mulej fl-art tal-Eġittu, meta konna ħdejn il-borom tal-laħam u konna nieklu ħobż bix-xaba’! Ħriġtuna f’dan id-deżert biex toqtlu bil-ġuħ din il-ġemgħa kollha!”.

Il-Mulej imbagħad qal lil Mosè: “Ara, se nibagħtilkom xita ta’ ħobż mis-sema. Il-poplu kollu joħroġ u jiġbor minn jum għal ieħor kemm ikun jenħtieġ għall-ġurnata, biex hekk inġarrabhom u nara jimxux mal-liġi tiegħi jew le. Jien smajt it-tgergir ta’ wlied Iżrael. Kellimhom u għidilhom: ‘Filgħaxija tieklu l-laħam u filgħodu tixbgħu bil-ħobż. U tkunu tafu li jiena l-Mulej, Alla tagħkom’”.

U ġara li filgħaxija dehret qatgħa summien tittajjar fl-għoli u għattiet it-tined kollha, u filgħodu kien hemm wiċċ nida madwar it-tined. Meta din in-nida għabet, fuq wiċċ id-deżert kien hemm xi ħaġa rqiqa qisha ġlata fuq l-art. Malli wlied Iżrael raw dan, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Man-hu?” – għax ma għarfux x’inhu. Mosè qalilhom: “Dan hu l-ikel li l-Mulej takom biex tieklu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 77(78):3,4bċ,23-24,25,54

R/. (24b): Il-Mulej tahom il-qamħ mis-sema.

Dak li smajna u tgħallimna,
dak li qalulna missirijietna,
inxandruh lin-nisel ta’ warajhom:
tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu,
u l-għeġubijiet li għamel. R/.

Imma hu ordna s-sħab fl-għoli,
u fetaħ bwieb is-smewwiet;
u xita ta’ manna bagħtilhom x’jieklu,
tahom il-qamħ mis-sema. R/.

Kull wieħed kiel il-ħobż tal-qalbenin,
ikel bix-xaba’ bagħtilhom.
U daħħalhom fl-art imqaddsa tiegħu,
fuq l-għolja li kisbet il-leminija tiegħu. R/.

QARI II
Ilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla.
Efes 4:17,20-24

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, jiena dan ngħidilkom u nwissikom quddiem il-Mulej: li ma ġġibux iżjed ruħkom skont ma jġibu ruħhom il-pagani bil-bluha ta’ moħħhom.

Imma intom mhux hekk tgħallimtu ’l Kristu – jekk intom smajtuh u tgħallimtuh skont il-verità li hi f’Ġesù – jiġifieri, li għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta’ qabel u tinżgħu l-bniedem il-qadim, imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa, u li għandkom tiġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:4b

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.
Ġw 6:24-35

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, in-nies meta ntebħu li fuq id-dgħajsa la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù. U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?”.

Ġesù weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu”.

Imbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?”. Weġibhom Ġesù: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat”.

Qalulu: “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel? Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub: ‘Tahom jieklu ħobż mis-sema’”. Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja”. Qalulu huma: “Sinjur, agħtina dejjem minn dan il-ħobż”. Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >