Din
hija il-Liturgija tat-Dsatax il-Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Għal darb’oħra l-Kelma ta’ Alla se tlaqqagħna mal-Misteru li jiddomina
l-eżistenza ta’ kull wieħed u waħda minna: il-Misteru tal-Ħajja u
tal-Mewt. Min fuq dawn ma jaħseb qatt, hu
bniedem aljenat, li qed jilgħab b’ħajtu u qed jirriskja li jieħu ħasda f’xi ħin
jew ieħor. Wieħed jifhem li min għadu
tfal jew żagħżugh, moħħu jittajjar wara l-friefet, iżda iktar ma l-bniedem
jimmatura iktar jibda jinduna li fil-fatt kulma jagħmel jaqa’ taħt id-dell ta’
dan il-Misteru. Il-bniedem jixxennaq li
jgħix għal dejjem, iżda jħossu dejjem miġbud ’l isfel fin-niżla li għaddew
minnha dawk kollha li ġew qablu.
Hija din ix-xewqa li tinfaqa’ l-kalamita tal-Mewt li welldet
ir-reliġjonijiet primittivi kollha. Mhux
biss, imma kull bniedem beda jitlob il-Ħajja mill-affarijiet ta’ madwaru:
mill-flus, mis-saħħa, mill-poter, mill-pjaċiri, mill-fama u l-popolarità,
mid-dnub fil-forma ta’ serq, inġustizzja, gideb, qilla, vjolenza kontra
l-“ieħor” li jidher theddida. Dan kollu
l-bniedem iwettqu fuq livell psikoloġiku profond ħafna bħala difiża kontra
l-Mewt u l-akkwist tal-eliżir tal-Ħajja, is-sens ta’ Ħajja bla tmiem. Il-bnedmin kollha li laħqu l-quċċata
tal-akkwisti, tal-poter, u saru donnhom sidien l-Istorja, ħassew, għall-mument
li jġennen, l-illużjoni ta’ Ħajja għal dejjem, imma malajr laħqithom
il-waqgħa. Alessandru l-Kbir, Ġulju
Ċesri, Hitler, Stalin... biex insemmu xi ftit, kollha laħqu l-ponta
tal-“Everest” tagħhom, biex imbagħad, bħal sħabhom il-bnedmin komuni, inġarru
mill-kurrent. Ħadd ma rnexxielu jfotti
l-Mewt, imma l-bniedem jibqa’ jittama, jgħarrex. Sakemm il-bniedem għadu ħaj, anke jekk jara
l-oħrajn imutu, xorta jibqa’ fih l-istint
li jġagħlu jiggranfa mal-Ħajja.
Dan
l-istint għall-Etern poġġihulu Alla!
Għalhekk aħna lkoll, b’xi mod, aħna xbieha tiegħU! Fina hemm din il-ħerqa, dan l-għatx, dan
il-ġuħ għar-rebħa fuq il-Mewt, għal Ħajja lil hemm mill-Mewt. Din tkun il-konkwista l-kbira
tal-umanità. U fil-fatt ġa
kisbitha!!! Mhux bix-xjenza tal-mediċina
iżda bl-Opra tal-Iben il-Waħdieni ta’ Alla.
Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li
ta lil Ibnu l-Waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda kollu
l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx
lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva
permezz tiegħu. (Ġw.
3, 16-17). Dawn huma l-iktar vrus
famużi fil-Bibbja. Jekk il-Kelma ta’
Alla hi giddieba hawn, mela nistgħu narmu kollox u llejla mmorru nieklu u
nixorbu kemm nifilħu sakemm niskru għax m’hemmx iktar Tama għal ħadd. Jekk Ġesù, il-Kristu ta’ Alla, Dak li d-dinja
kienet tistenna minn dejjem, meta ġie gideb fi kliemU u qarraq bina iktar minn
kull qarrieq ieħor, allura nagħtuha għad-droga biex ninsew li aħna hawn! Jekk il-Kelma mhix tgħid il-Verità, allura
flok sema nsibu fuqna saqaf tal-konkrit u niġġennu bil-klawstrofobija, u nofs
id-dinja toqtol ruħha b’idejha żgur.
Imma Alla
hu l-Verità, Hallelujah! U din il-Verità
dehret fostna, Hallelujah! Il-Verità hi
l-Ħajja. Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li
lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-Verb tal-ħajja, dan sejrin
inxandrlkom. Għax il-ħajja dehret u aħna
rajniha u qegħdin nixhdu għaliha.
Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u
dehret lilna. (1 Ġw. 1, 1-2). Il-bniedem
tilef il-Ħajja ta’ Dejjem meta inqata’ mill-għajn tal-Ħajja li hi l-Imħabba ta’
Alla, u minflok issuspetta fih għax emmen il-katekeżi tad-dlam. Minn dak in-nhar, il-bniedem “miet” tassew
fuq livell ontoloġiku. “Miet”
bis-serjetà, tant li sar kapaċi jħobb biss sa ċertu punt, għax iġorr ġerħa
tnixxi l-Ħajja l-ħin kollu ġewwa fih.
Imma l-Ħajja, li ma tistax tinstab minn dan il-bniedem, ġiet tfittxu Hi! Niżlet mis-Sema u għammret mal-bniedem u
l-Ħajja hija Ġesù Kristu! Il-Ħajja ta’
Dejjem ġiet tfittixna u trid tagħtina l-ikel tagħha, l-ikel li jnissel
fil-bniedem dak li jixtieq l-ewwel u qabel kollox.
Dan
l-Ikel tal-għaġeb huwa Ġesù Kristu nnifsu. Hija l-Kelma li Hu jwassal għax Huwa
hu l-Kelma ta’ Alla. Il-Kelma li għandha
s-setgħa li toħloq mix-xejn. Dak Alla li qal: “Ħa jiddi d-dawl
mid-dlam”, dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien
tal-glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu.
(2 Kor. 4, 6). Il-Kelma
ta’ Alla, li hi l-Persuna ta’ Kristu, kapaċi tagħel nies ġodda minna, nies
“Ħajjin” tassew, nies imfejqin minn ġewwa b’tali mod li nistgħu ninsew lilna
nfusna u ninagħtaw b’xejn għal ħaddieħor. Din hi l-Bidla Morali li ġie jġib Kristu
fid-dinja. Mhux bit-tqanżiħ tagħna! Imma bħala frott tal-fejqan li Hu jrid jaħdem
fina. Aħna qiesna wieħed li għandu wiċċu
mtajjar bl-uġigħ tad-dras. Tkellmu laqas
biss jaf x’inti tgħidlu. M’għandu moħħ
ħadd. Dan hu li jwettaq fina l-biża’
tal-Mewt. Jagħmilna naħsbu fina nfusna
l-ħin kollu. Hu għalhekk li l-Missier
bagħat lil Ibnu biex jitqabad ma’ dik li tikkundizzjonana tant u jaqsamha għal
dejjem. Hija l-Fidi f’Ġesù Kristu li lil
San Pawl tatu l-Ferħ tal-Ħajja għal dejjem, tant li jgħajjat: “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi ja Mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi ja Mewt in-niggieża tiegħek?” (1 Kor. 15, 54-55).
Il-Profeta
Elija kien bniedem kbir; kien Nar jaqbad!
Kien jeħodha ma’ slaten u rġejjen, u kien hemm minn dawn xi wħud gwappi
fi żmienu. Imma kellu d-dgħufija ta’
kull bniedem. Kellu “d-darsa tuġgħu”
kultant ukoll, jiġifieri kien jaqa’ fi kriżi u jitħawwad bħalna! Fl-Ewwel Qari narawh jittallab il-Mewt
mingħand Alla għax xeba’ jfalli.
L-ispirtu tiegħu kien mejjet bil-ġuħ għall-Ħajja vera li ma seta’ jaraha
mkien. Kien imdawwar minn persekuzzjoni,
bil-pulizija ta’ żmienu jfittxuh għall-Mewt.
Imma Alla kien għad irid jagħmel għeġubijiet b’dan ix-xiħ. Jibagħtlu l-Anġlu tiegħu biex iqajmu u
jagħtih jiekol, biex ikompli l-vjaġġ tiegħu.
Elija kiel u reġa’ ħa saħħtu.
Kellu bżonn jiekol l-ikel tal-Anġli.
Għal darbtejn l-Anġli jitimgħu u jerġa jitimgħu biex ikun jiflaħ
għall-istrapazz.
U aħna
għaxar minuti omelija narawh twila! Minn
fejn se nġibu l-ikel li jwassal għall-Ħajja ta’ Dejjem, jekk tassew nemmnu li
l-Kelma Qaddisa hi ikel il-Ħajja? Minn
fejn se tikber il-Fidi li tfejjaq għax tgħidilna li aħna maħbubin tant li
l-Missier ċeda lil Ibnu biex isir
l-għalf tal-ilpup, sabiex l-ilpup ikunu jistgħu jgħixu biH! Għandhom responsabiltà, imma wkoll unur, dawk
l-aħwa li jitilgħu fuq l-Ambone biex “jipproklamaw” bil-qawwa l-Kelma ta’ Alla
lill-poplu. L-Ambone huwa t-Tron
tal-Kelma u l-Lettur huwa l-Anġlu, il-Messaġġier tal-Mulej!
San Pawl
iridna nieklu l-Kelma! Hu kien jikteb
Kelmet Alla u jibagħtha ’l hemm u ’l hawn biex l-aħwa tal-komunitajiet li kienu jiffurmaw il-Knisja, jieklu u jikbru
u jissaħħu u fuq kollox ifiqu mill-bniedem tad-dnub li kienu qabel. Il-Lhud ma rawx l-Ikel tal-Ħajja ta’ Dejjem
f’Ġesù. “Dan mhux Ġesù, bin Ġużeppi, li lil missieru u ’l ommu nafuhom? Issa kif jista’ jgħid, ‘Jiena hu l-ħobż li
niżel mis-sema’?” (Ġw. 6, ??). Kellhom
l-iżvantaġġ li rawH jikber fosthom bħat-tfal l-oħra. Kien wieħed minn tagħhom, minn fosthom. Altru li l-Fidi hi rigal ta’ Alla! Aħna tassew nemmnu iktar minnhom? Għandna bżonn proċess ta’ riflessjoni
sinċiera biex niskopru aħna min aħna, u sa fejn tasal il-Fidi tagħna.
Jien u int
hemm bżonn nifhmu li l-konverżjoni lejn il-Ħajja ta’ Dejjem hi mixja, proċess
dejjiema sal-aħħar. Barra mill-Kelma,
Kristu jagħtina lilu nnifsu, il-Persuna tiegħu kollha kemm hi bħala ikel
fl-Ewkaristija. Imma kollox jiddependi
mill-Fidi! L-Ewkaristija hija l-mejda
tal-Ħajja ta’ Dejjem! L-Ewkaristija hija
l-Festa tal-Ħajja ta’ Dejjem.
Fl-Ewkaristija niġu nvaduti mill-Ħajja ta’ Dejjem li tidħol fil-vini
tagħna u tagħmilna nies eterni! “Jien hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż igħix
għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti
huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” (Ġw.
6, 51). Ma tantx hemm x’tifhem f’dan
il-Kliem. Hu ċar. Il-problema hi jekk lil Ġesù nemmnuHx jew
ingiddbuHx...
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi sa ma wasal fil-muntanja tal-Mulej.
1 Slat 19:4-8
Qari
mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten
F’dak
iż-żmien, il-profeta Elija rħielha lejn id-deżert. Wara jum mixi waqaf,
inxteħet taħt siġra tal-ġummar, talab li jmut, u qal: “Issa biżżejjed, Mulej;
ħudli ’l ħajti, għax m’iniex aħjar minn missirijieti!”.
U
mtedd għad-dell tal-ġummara, u raqad. Kif kien rieqed messu anġlu, u qallu:
“Qum u kul!”. Elija dawwar wiċċu, u lemaħ ħdejn rasu ftira moħmija u ġarra
ilma; kiel u xorob, u raġa’ mtedd.
Għat-tieni darba ġie
l-anġlu tal-Mulej, u raġa’ messu u qallu: “Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ
għall-mixja li fadallek”. Elija qam, kiel u xorob, u bis-saħħa ta’ dak l-ikel
baqa’ miexi għal erbgħin jum u erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja
tal-Mulej.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 33(34):2-3,4-5,6-7,8-9
R/. (9a): Ippruvaw u
taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.
Kull ħin inbierek
il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.
Xandru l-kobor
tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.
Ħarsu lejh u jiddi
bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.
L-anġlu tal-Mulej
jgħasses
madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.
QARI II
Imxu fl-imħabba, bħal Kristu.
Efes 4:30–5:2
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti,
tnikktux l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla, li fih intom issiġillati għal jum
il-fidwa. Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajat, dan kollu warrbuh minnkom, u
wkoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil
xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu. Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala
wlied maħbuba, u imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu
nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 6:51
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.
Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, li niżel mis-sema.
Ġw 6:41-51
Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann
F’dak iż-żmien,
il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel
mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu
ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: ‘Jiena nżilt mis-sema’?”.
Ġesù weġibhom:
“Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li
bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub
fil-Profeti: ‘U kulħadd ikun imgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’
lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra
lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew
tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.
Jiena
hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu
l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.
Jiena
hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix
għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|