Sunday, 19 September 2021
           
Home
15 TA’ AWWISSU, 2021 SOLENNITÀ TAT-TLUGH FIS-SEMA TA’ OMMNA MARIJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 14 August 2021

Din hija il-Liturgija tas-Solennita' tat-Tlugh fis-Sema ta' Ommna Marija (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 santa_marija.jpg

 

Il-Verġni Marija hija x-xbieha ta’ kull Nisrani li jimxi fir-Rieda tal-Missier.  Hi, li hi l-iċken waħda, ġiet mgħollija fuq kollox u fuq kulħadd permezz tal-merti li kiseb għaliha Kristu Ġesù l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla li ssawwar f’laħam il-bniedem ġo ġufha.  Bħalha jitgħolla n-Nisrani, imma mhux bil-merti tiegħu iżda, l-istess bħalha, bil-merti tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Iżda minn Marija, Alla stenna Kelma, Kelma Qaddisa.  Hi inagħtat il-ħelsien li tgħidha, din il-Kelma, jew ma tgħidhiex.  L-istess minn kull bniedem,  hu mistenni li jieħu din id-deċiżjoni.

 

Alla hu Mħabba, u l-Imħabba vera ma tisforza lil ħadd u ma tikkondizzjona lil ħadd.  Bħal meta ġuvni li jħobb tfajla jistenna l-“Iva” tagħha, kelma sempliċi li minnha tiddependi l-Ħajja tiegħu u tagħha.  Din hi d-dgħufija tal-Imħabba.  L-Imħabba hi l-aqwa forza li teżisti fl-univers, imma hi dgħajfa, umli, sensittiva, u waqt li tistenna li tkun maħbuba, hi bla saħħa ta’ xejn.  Tista’ tiġi milqugħa, jew miċħuda, middieħka, imkasbra, miregħxa.  Għall-“Iva” ta’ Marija, is-Sema u l-Art waqgħu f’sikta tal-baħħ.  Bħal fil-waqt qabel ma tfaqqa’ tempesta qalila, kollox jiskot fin-natura, lanqas werqa ma titħarrek, l-għasafar jilbtu u jistaħbew, u l-iljun ifittex il-kenn tiegħu.

 

U Marija qalet “Iva!  Ħa jsir minni skont Kelmtek!” (ara Lq. 1, 38).  U Hi saret Omm!  Omm Alla!  Omm tarbija li twieldet mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.  (ara Ġw. 1, 13).  Hi saret Omm umanità ġdida, umanità maħfura, umanità mifdija mid-djun tagħha kollu.  Hi saret Omm l-Offerta safja li waħedha setgħet trodd lura l-Ħajja ta’ Dejjem lill-bniedem, u għalhekk Hi saret Omm il-Ħajja u Omm ir-Rebħa fuq il-Mewt.  Marija saret Omm il-Misteru tal-Għid, Omm il-Ħelsien tal-bniedem, Omm il-Ġenna miftuħa mill-ġdid.  Dan kollu għax Hi saret Omm il-Kristu ta’ Alla, is-Salvatur waħdieni tiegħi, tiegħek u ta’ kull bniedem.  Omm Dak li waħdu u biss jagħmel sens lil dak li jiġri fl-Istorja tagħna. U dan minħabba Kelma waħda, imma mill-qalb: “Iva!”

 

Tinsab imħawwad fuq dak li ġralek?  Ħalli lil Marija tieħdok magħha għand Binha u qalbek tistrieħ għax  tara s-sens ta’ kollox. Hi li wieqfa taħt is-Salib messet il-qiegħ tal-eżistenza tal-bniedem, taf l-inkubu li fih jaqa’ kull maħluq.  Hija Hi li għandha qalb li tinduna u għajnejn li jaraw li m’għandniex inbid (Ġw. 2, 3) tal-festa f’qalbna.  Hija Omm Dak li rebħilna ċ-ċertezza li se ngħixu għal dejjem, li l-Mewt fiżika mhix l-aħħar Kelma, li Hu lestielna post, li se nirtu dak  li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet  dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.  (1 Kor. 2, 9).

 

F’dan il-Jum ta’ Ferħ in-Nisrani jifraħ doppjament: jifraħ bil-Glorja ta’ Marija Ommu, u jifraħ għax fejn daħlet Hi, mistednin nidħlu aħna wkoll.  Aħna mistednin għal Tieġ ta’ dejjem. Nisimgħu wisq storbju tad-dinja li taf tagħmlilna marketing qawwi dwar ħwejjeġ li jintemmu u tnissina l-Pajjiż li lejh qed interrqu.  Inħarsu lejn Marija u qalbna tħabbat bin-nostalġija, bil-ħrara għas-Sbuħija, għall-Ferħ, għall-Imħabba li tbellaħna, għall-Mistrieħ etern li hemm jistennewna minħabba l-Fidi fi Kristu.

 

Il-Glorja tagħha hi l-Glorja tagħna; il-kant tal-anġli li laqa’ lilha, jilqa’ wkoll lilna; il-meravilja tal-għarfien li, bħal Pawlu, inkunu  tqabadna t-taqbida t-tajba, inkunu temmejna l-ġirja, ħarisna l-Fidi (2 Tim. 4, 7), u l-għożża li biha jħaddanna l-Mulej Ġesù miegħU għax konna fidili sal-aħħar. Dak kollu li rċeviet Marija, nirċevuh aħna wkoll.  Għax kif jgħid il-Vanġelu tal-lum, Kristu nnifsu jiddikkjara: “Min huma ommi u ħuti?  Dawn ara huma ommi u ħuti.  Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.”  (Mk. 3, 33-35).

 

Iżda aħna għadna nterrqu fid-dinja, li għalkemm issaħħrek bi ġmielha għax hi ħolqien ta’ Alla, imma taf tkun ta’ prova għall-pellegrin li għadu mbiegħed mill-għarfien sħiħ ta’ dak li rebaħ Kristu għalih.  Sal-aħħar irridu nterrqu ’il ġewwa, dejjem ’il ġewwa fil-Misteru ta’ Kristu.  Marija timxi magħna!  Hi “l-Madonna tat-Triq”!  Jekk kollox jiċċajpar u donnha t-triq mhi twassalna mkien, inħarsu lejha u naraw fiha dak li Alla jixtieq jagħmel minna.  Kulma seħħ biha, anke jekk qatt ma għarfet x’inhu d-dnub minn sa ġuf ommha, sar b’antiċipazzjoni tal-merti ta’ Kristu li obda f’isimha u f’isimna lil Missieru sa fuq il-forka tas-Salib.

 

Aħna, b’differenza twelidna  midinbin,  imma xorta għandna biex nifirħu għax kbar huma l-merti ta’ Kristu li jgħajtu favur tagħna.  Jekk aħna nemmnu f’dan, diġa salvi!  Bil-Passjoni u l-Mewt u l-Qawmien tiegħu Kristu qiegħed jaħdem fina natura ġdida, xbieha tiegħU nnifsu!  Dan hu tal-għaġeb.  Dan jista’ jseħħ fina għax mhux xogħolna imma xogħolU.  Dan ġara f’Marija.  Dan jiġri f’min jemmen fi Kristu.  Hi tqalet biH għax intelqet fir-Rieda tal-Missier u tenniet il-Kelmiet qaddisa: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”  (Lq. 1, 38).  Din hi l-ispark li qabbdet Ħuġġieġa fil-Ħolqien, li regħdet l-infern, li beżżgħet il-Mewt.  “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” 

 

Ħa ngħidha jien, ħa tgħidha int, meta nkunu daharna mal-ħajt, f’mument kritiku, serju tal-Istorja tagħna.  “Ara jiena l-qaddej, il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”  Ħa jkollna Fidi biżżejjed biex ngħidu il-famuża “Iva!” lil Alla.  “Agħmel Int!  Xbajt nippjana jien; xbajt infalli; xbajt nitħabat; agħmel Int!”

 

L-ikbar tifħir li jien iltqajt miegħu lil Marija, huwa dan: “O Verġni Marija, Verġni u Omm!  Int Omm Alla, Omm il-Kelma!  Int l-iktar waħda li għext mill-qrib il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Bla ma jistħoqqli, ħares lejja u ara li m’għandix l-inbid tal-Ħajja, tal-Fidi.  Idħol għalija quddiem Ibnek sabiex dak li ġie mwiegħed lili fil-Misteru tal-Magħmudija iseħħ fil-milja tiegħu hekk kif jixtieq Hu li miet għalija.” 

 

Tassew li Marija għexet f’laħamha dak li ħabbrilha Xmun il-ġust fil-bidu.  Il-Papa jitkellem dwar il-“Ġenju tal-Mara” u tassew, trid tkun mara u trid tkun omm biex tifhem xi ftit, xi nitfa dak li għaddiet minnu l-Omm tal-Ħaruf maqtul mill-ilpup imġewħa għaliH.  Hi mxiet warajh bħal ngħaġa li ħadulha l-ħaruf ċkejken tagħha lejn il-qatla.  Dan kien il-Misteru terribbli, imma glorjuż tal-Għid ta’ Binha u tagħha wkoll.

 

Bħalha, n-Nisrani jrid jgħix din il-Magħmudija terribbli u glorjuża.  Iżda Hi u Binha batew biex aħna ma nbatux.  Fina din il-Magħmudija sseħħ bi Grazzja.  Fina jmut tassew il-bniedem il-qadim miġbud lejn id-dnub, u minfloku, jitla’ mill-ilmijiet il-Bniedem il-Ġdid, bħalma Kristu ħareġ rebbieħ minn ġol-qabar.  L-Għid ta’ Kristu jseħħ fina iktar kemm timmatura l-Magħmudija, u dak  in-nhar għajnejna jiċċaraw u għad naraw kemm batew għalina Kristu u Ommu miegħU.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I
Qiegħdu l-arka ta’ Alla f’nofs it-Tinda.
1 Kron 15:3-4,15-16; 16:1-2

Qari mill-Ewwel Ktieb tal-Kronaki

F’dak iż-żmien, David ġema’ ’l Iżrael kollu f’Ġerusalemm biex itella’ hemmhekk l-arka tal-Mulej fil-post li kien waqqaf għaliha. U hu laqqa’ flimkien ’l ulied Aron u l-Leviti. Kienu dawn li ġarrew l-arka ta’ Alla, u refgħuha fuq spallejhom bil-lasti, kif kien ordna Mosè fuq il-kelma tal-Mulej. David qal lill-kapijiet tal-Leviti biex iqabbdu wħud mit-tribù tagħhom u jqegħduhom bħala għannejja bl-istrumenti tad-daqq, arpi, ċetri, ċnieċel, biex isemmgħu għana u daqq li jferraħ.

Ġabu l-arka ta’ Alla u qegħduha f’nofs it-tinda li kien waqqfilha David, u offrew quddiem Alla sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem. Meta temm joffri s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem David bierek il-poplu b’isem il-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 131:6-7,9-10,13-14

R/. Qum, Mulej, int u l-arka tal-qawwa tiegħek.

Ara, smajna biha f’Efrata,
sibnieha fir-raba’ ta’ Ġagħar.
Ħa mmorru fl-għamara tiegħu,
nixteħtu quddiem il-mirfes ta’ riġlejh. R/.

Il-qassisin tiegħek jiżżejnu bil-ġustizzja,
u l-qaddisin tiegħek jgħajtu bil-ferħ.
Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek,
la twarrabx wiċċ il-midluk tiegħek. R/.

Għax il-Mulej għażel lil Sijon
u xtaqha tkun id-dar tiegħu:
“Hawn insib is-serħan tiegħi għal dejjem!
Hawn irrid ngħammar, għax hawn xtaqt jiena!”. R/.

QARI II
Alla tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1 Kor 15:54-57

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub: “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek?”. In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, il-qawwa tad-dnub hi l-liġi. Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Ġesù Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 11:28

R/. Hallelujah.
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla
u jħarsuha.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Hieni l-ġuf li ġiebek.
Lq 11:17-28

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien qiegħed ikellem lin-nies kien hemm waħda mara li refgħet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!”.

Iżda hu qalilha: “Imma, tassew, aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
It-tifħir lilek, Kristu.

 

 
< Prev   Next >