Din
hija il-Liturgija tal-Wiehed u Ghoxrin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Hemm żewġ karatteristiċi fil-bniedem li jaħdmu fih u jagħtuh identità. It-tnejn li huma huma rigali ta’ Alla u li
l-bniedem qatt ma seta’ jakkwistahom bl-isforzi tiegħu. Dawn huma ir-reliġjożità naturali u l-Fidi.
Alla poġġa r-reliġjożità naturali f’kull bniedem. Il-bniedem iħoss il-bżonn ta’ Alla, ta’ xi “alla”,
f’ħajtu. Jaf li ma jistax jgħaddi
mingħajru u jibża’ li ma jkollux xi “alla” għax tal-waħx huwa l-vojt u l-ebda
bniedem ma jista’ jgħix mingħajr li l-vojt etern tiegħu jimtela b’xi mod. Meta l-bniedem jaqa’ fil-qiegħan
tad-dippressjoni u nonsens ta’ kollox, dan għax xejn ma jkun irnexxielu
jimlielu l-vojt tiegħu u jissodisfah.
Noqogħdu attenti, għax ilkoll kemm aħna m’aħniex tant imbegħda minn dan
il-bniedem imsejken.
Din ir-reliġjożità hi naturali għax, kif ġa għidna tinsab f’kull bniedem,
jitwieled biha. Dan hu s-sens tas-sagru,
imma li l-bniedem mhux dejjem jużah tajjeb.
B’din l-enerġija ġewwa fih hu jista’ jfittex, anzi hu mbuttat ifittex
lil Alla, lil Dak li minnu ħareġ kollox.
Imma sikwit mhuwiex tant mistiku, ma jittajjaarx tant fil-g]oli. Tant, li l-bniedem sikwit juża r-reliġjożità
tiegħu biex jivinta xi “alla” għalih, jew “allat”. Iċ-ċiviltà tal-bniedem kienet dejjem
prolifika ħafna biex tivvinta “allat”, idoli, u l-Istorja tagħtina lista ma
taqtax ta’ “allat”, ta’ reliġjonijiet, ta’ riti, tempji, kulturi eċċ. Wieħed ħassieb fuq il-bniedem, meta talbuh
jagħti difinizzjoni tal-bniedem wieġeg: “Il-bniedem huwa ħallieq
tal-idoli!” Min jista’ jmerih?
L-Iskrittura dejjem poġġiet “il-flus” bħala l-ikbar “alla” rival ta’ Alla
ħallieq ta’ kollox. F’kull ġenerazzjoni,
dan l-“alla” tal-ekonimija, tal-għana, tal-fertilità, li tissarraf fi flus wara
kollox, dan l-“alla”, f’kull ġenerazzjoni mmarka lill-bniedem u ddominalu
qalbu. Huwa idolu fin immens, li jħallik
taparsi timxi wara Alla l-veru imma malli jasal mument ta’ deċiżjni bejn
iż-żewġ “allat”, dejjem jirbaħ hu, u dan narawh tajjeb fir-rakkont tal-Vanġeli
dwar iż-żagħżugħ għani li kellu intenzjonijiet tajba, imma malli Kristu qallu
biex jitlaq ġidu u jimxi warajh, aħna nafu x’ġara.
Imma l-bniedem mhux fuq il-flus biss jista’ jitfa’ n-natural reliġjuż
tiegħu. Alla tiegħu jista’ jkun il-passatemp
tiegħu, il-familja tiegħu, is-saħħa tiegħu, il-karriera tiegħu, dak li jaħsbu
n-nies fuqu, is-sesswalità tiegħu, is-saħħa tiegħu... dak kollu li jieħu post
Alla, li jiġi qabel Alla, jsir “alla tiegħu”.
Tidher stamba din, imma tassew meta ħaġa ssir verament importanti, iktar
importanti minn kollox, din issir “reliġjon” għal dak li jkun. Għalhekk, ħafna jużaw ir-reliġjożità tagħhom
billi jaqbdu triq għan-niżla.
Imma għalina li qed nimmeditaw dak li tgħid il-Liturġija tal-Kelma ta’ dan
il-Ħadd, jaqblilna l-aktar niffokaw fuq id-differenza li hemm bejn
ir-reliġjożità naturali li tidher tajba u l-Fidi fi Kristu. Personalment naħseb li l-Knisja għandha
tagħmel dan l-eżerċizzju bis-serjetà għax ilkoll kemm aħna nitfixklu u
nħawduhom ma’ xulxin u naħsbu li għandna waħda meta fil-fatt ikollna l-oħra.
Ir-reliġjożità meta hi mħaddma tajjeb, tgħin lill-bniedem jerfa’ ħarstu ’l
fuq lejn il-Mulej u jixxennaq li jgħarfu aktar.
Il-bniedem sab ruħu, ma jafx kif, fuq din il-pjaneta ċkejkna f’univers
mimli pjaneti, xmux u oqmra. Hemm
il-biża’ tas-solitudni għall-bniedem meta jħoss tant dgħufija, meta hu mitluf
f’dan il-ħolqien immens, bla limitu.
Il-kulturi kollha tal-bniedem inbnew, tista’ tgħid, madwar din
it-tfittxija tal-bniedem li jagħraf hu min hu, minn fejn ġie u fejn hu sejjer,
min ħalqu fil-ġenesi tiegħu... għax wara kollox xejn ma jsir minn xejn, tgħid
ix-xjenza.
Alla beda jgħin lill-bniedem f’din it-tfittxija, dejjem jimxi mal-bniedem
skont il-kapaċità ta’ moħħu li jifhem u jemmen, jew jemmen u jifhem. Il-bniedem kellu bżonn morali biex jgħix
ħajja ordinata, bla ma jagħmel ħsara li sieħbu, anzi jgħinu fil-bżonn. Il-bniedem beda jħoss il-kobor immens ta’
Alla u l-bżonn li hu kellu tiegħu biex jgħinu f’din il-ħajja prekarja u
insigura t’hawn. Hu beda jemmen li jekk
jogħġob lil Alla b’ħajja tajba u b’xi tip ta’ għotjiet jew sagrifiċċji, Alla
jisma’ iktar it-talb tiegħu u jipprovdilu għalf kotran għall-annimali tiegħu,
jew il-fejqan ta’ xi ħadd għażiż għalih.
Diffiċli ħafna kienet relazzjoni ta’ Mħabba f’dan it-tip ta’
reliġjożità. Għax hawn il-bniedem idur
lejn Alla meta jinħtieġu, juża lil Alla għall-Ħajja tiegħu, u dan juri li
għadna fuq livell ta’ egoiżmu, ta’ bżonn li ngħadduha tajjeb hawn. Malli l-ħajja tkun sejra tajjeb u l-problema
tkun ġiet solvuta, l-bniedem malajr jibda jitgħażżen fit-tfittxija tiegħu ta’
Alla, u fil-mod kif jgħix, għax wara kollox Alla donnu xi ħadd li jippretendi
wisq... Sakemm tinqalalu xi ħaġa
oħra. Tintalab il-maħfra, u nerġgħu lura
għat-talb u s-sagrifiċċju.
Din mhix diskrizzjoni sħiħa tar-reliġjożità naturali, imma xi ftit jew wisq
hi hekk. Hu ċar li lkoll kemm aħna
għandna Kristjaneżmu ta’ dan it-tip: Alla jgħinni jekk inkun bravu; ma tantx
jisma’ talbi meta nagħmel fattija. Alla
hu qrib it-“tajbin” imma mbiegħed mill-“ħżiena”. Meta għadna hawn, ħa nkunu
nafu li għadna ’l bogħod ħafna mill-Kristjaneżmu bħala “Aħbar Tajba”.
Ir-reliġjożità tnissel nies bil-gdiedem li jaħsbu li Alla hu biss
kmandamenti tqal imma gwaj jekk wieħed ma jobdihomx għax inkella hemm
il-kastig. Din l-emfasi fuq il-Liġi tmur
kontra dak li jgħid it-Testment il-Ġdid.
Għax waħedha tqum il-mistoqsija: jekk kollox hu mitlub mill-bniedem,
jekk il-bniedem hu fiċ-ċentru tal-Istorja tas-Salvazzjoni, jekk kollox
jiddependi minnu, jekk huwa hu li jsalva ruħu jew jitlifha... mela Kristu x’ġie
jagħmel? X’sens għandu s-Salib ta’
Kristu? X’ġid hemm għalija u għalik
fil-Misteru kolossali tal-Għid li hu għex: il-Passjoni, il-Mewt fuq is-Salib,
il-Qawmien glorjuż rebbieħ fuq kull tip ta’ Mewt? Mosè u l-kmandamenti ma kinux biżżejjed?
Hu ċar li hawn irridu nagħmlu qabża mir-reliġjożità għall-Fidi fi Kristu li
hi l-Fidi f’dak li għamel għalija fil-Misteru tal-Għid tiegħu; Fidi fil-merti
tiegħU li jgħajtu għalija ferm, ferm, ferm aktar milli jistgħu jgħajtu l-merti
fqar u medjokri tiegħi. Anzi, n-Nisrani,
li jaf hu min hu, li hu midneb u dgħajjef, ma jiftaħar qatt b’dak li jagħmel hu
għax dan mhux importanti. Jiftaħar b’dak
li għamel Kristu għalih u hu dan li hu mportanti u li jagħmel Nisrani. Nibdew nindunaw li f’ċertu punt
ir-reliġjożità naturali, li hi tajba sakemm għadek tibda tfittex lil Alla, u
l-Fidi jibdew jinfirdu, anzi jsiru kontra xulxin! Ir-reliġjożità naturali qisha bħal “scaffolding” li għandna bżonnha biex
intellgħu il-binja vera, it-Tempju tal-Fidi vera. Malli dan jitla’, jaqa’ l-“isaffolding” u tidher il-Fidi fi Kristu
fis-sbuħija kollha tagħha.
Ir-reliġjożità titfa dubju dwar kemm dak li mhux jgħix ħajja tajba għandu
dritt jersaq lejn Alla għall-għajnuna.
Il-Vanġelu, u dak li kiteb S. Pawl, jgħidu li hu propju għal min hu
mbiegħed, għal min hu midneb, għal min qed jadura allat foloz, għall-“ħażin” li
l-Missier bagħat lil Ibnu biex bl-ubbidjenza tiegħu sal-Mewt fuq is-Salib u
l-Qawmien tiegħu ikun jista’ jfejjaq qalb il-bniedem li għandu tant
bżonnu. Għax kemm ir-reliġjuż u kemm
il-biered jew imbiegħed mill-Knisja, it-tnejn li huma, huma midinbin, u dan
turiħ ċar il-Parabbola memorabbli tal-Iben il-Ħali li fiha niltaqgħu maż-żewġt
aħwa li l-ebda wieħed minnhom ma kien iħobb lill-Missier.
Kulħadd għandu bżonn il-Fidi vera fi Kristu, kemm dawk li qegħdin
fil-Knisja u kemm dawk li jinsabu barra minnha, jew anke huma preġudikati
kontriha. Din il-Fidi hi l-Aħbar it-Tajba li Kristu miet għalija, jien li jiena
midneb di natura, biex meta offra ruħu bħal Ħaruf bi tpattija għalija fuq
is-Salib, jien niġi maħsul mhux biss minn dnubieti, imma min-natura midinba li
kelli. Mis-Salib ta’ Kristu tfawwar
għalija natura ġdida u dan iseħħ fil-Magħmdija tiegħi fejn il-“Jien” il-qadim
jegħreq u jmut fl-ilmijiet qaddisa u minflok ninagħta lil Kristu nnifsu li Hu
biss kapaċi jgħix il-Qdusija fija.
Mhux biss, imma bir-rebħa tiegħu fuq il-Mewt lili kissirli l-Mewt
tiegħi. Din issa hi ħaġa tal-għaġeb. Fi Kristu, jien mhux biss jinħafruli dnubieti
kollha għax kollha tpattew, imma issa t-triq hi miftuħa għall-Ħajja ta’ Dejjem,
għal Ħajja differenti minn din li tibda minn hawn stess. F’daqqa waħda jidher quddiem il-bniedem
xenarju ġdid, orizzont tal-għaġeb, żerniq ta’ eżistenza ħielsa, mhix egoista
għax issa jibda jgħib il-biża’ tal-Mewt li jġagħalna niġbdu lejna u nidinbu. U dan kollu, ġa minn hawn!
Imma inutli wieħed jitkellem iż-żejjed fuq il-Fidi, għax ikun qiegħed
jitkellem fuq riċetta ta’ kejk prim, tajjeb ħafna, imma li dak li jkun jibqa’
mhux impressjonat. X’jimpressjonah
mela? Agħtih iduqu! Il-Fidi trid idduqha biex tiskopra
l-meravilja tal-Imħabba li aħna mdawrin biha.
Il-Fidi hi rigal tal-Missier.
Huwa l-Missier li jagħżel lil min jagħti l-Fidi. Jista’ jkollok elf intenzjoni tajba, imma
l-Fidi tiġi għandek jekk jagħtihielek “gratis” il-Missier. Għalhekk li diġa semmejna li ħadd m’għandu
biex jiftaħar, lanqas l-aqwa qaddis, għax kulma għandu ġej mill-Missier b’rigal
gratis, b’xejn, bla ma hu mistħoqq. Din
hi l-Grazzja. U aħna, fir-reliġjożità
tagħna, nagħmlu wegħdi biex “nixtru”
l-Grazzja, meta kull Grazzja hi b’xejn, isimha magħha, gratis, b’xejn.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Aħna rridu naqdu ’l-Mulej, għax hu Alla tagħna.
Ġoż 24:1-2a,15-17,18b
Qari
mill-Ktieb ta’ Ġożwè
F’dak
iż-żmien, Ġożwè ġema’ t-tribujiet kollha ta’ Iżrael f’Sikem u sejjaħ lix-xjuħ,
lill-kapijiet, lill-imħallfin, lill-uffiċjali u resqu quddiem Alla. U Ġożwè qal
lill-poplu kollu: “Jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu llum lil min tridu
taqdu; jekk hux l-allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara, jew
l-allat tal-Amurrin li f’arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari naqdu
l-Mulej”.
U
l-poplu kollu wieġeb u qal: “Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej biex naqdu
allat oħra! Għax kien il-Mulej, Alla tagħna, li talla’ lilna u ’l missirijietna
mill-art tal-Egittu, minn dar il-jasar, u li għamel quddiemna stess dawn
il-ħwejjeġ kbar, u ħarisna matul it-triq kollha li minnha għaddejna u fost il-popli
li minn ġo nofshom qsamna. Għalhekk aħna wkoll lill-Mulej naqdu, għaliex hu
Alla tagħna”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 33(34):2-3,16-17,18-19,20-21,22-23
R/.
(9a): Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.
Kull
ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.
Għajnejn
il-Mulej lejn il-ġusti,
u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.
Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom. R/.
Jgħajtu
l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.
Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija. R/.
Kbar
huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,
iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.
Iħarislu għadmu kollha,
ebda waħda ma titkissirlu. R/.
Il-ħażin
ħżunitu teqirdu;
min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. R/.
QARI II
Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir.
Efes 5:21-32
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti,
oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom
bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras
il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu. Għalhekk, bħalma l-Knisja toqgħod għal
Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom joqogħdu għal żwieġhom f’kollox.
Intom,
l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha. U
dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma u l-kelma u biex
iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u
b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd. Hekk għandhom ukoll
l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu
jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda jmantnih u
jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri
tal-Ġisem tiegħu.
Għalhekk
ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn
ġisem wieħed. Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa
kbir!
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 6:63ċ,68ċ
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Ġw 6:60-69
Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù
tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja. Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu:
“Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”. Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli
tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed
ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn
kien qabel? Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn.
Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li
ma jemmnux”. Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u
min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena
għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi”.
Minn dakinhar bosta
mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal
lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?”. Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min
immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem,
u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|