Sunday, 19 September 2021
           
Home
IL-MARTIRJU TA’ SAN GWANN BATTISTA (2021) XHUD SAT-TIXRID TAD-DEMM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 28 August 2021

Din hija il-Liturgija tal-Festa tal-Martirju ta' San Gwann Battista(2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 martirju__photo_m.attard.jpg

 

Il-kelma “martri” ġejja mill-Grieg “martys” li tfisser “xhud”.  Iżda għall-Knisja din il-kelma ġiet riservata l-aktar għal dawk li xehdu għal Ġesù mhux bil-kliem jew l-imġieba biss iżda wkoll sat-tixrid tad-demm.  Illum, f’din il-Festa (it-tieni Festa li l-Knisja tiċċelebra f’ġieħ San Ġwann il-Battista kull sena), l-Insara jifirħu fix-xhieda  li ta Ġwanni.  Nistgħu ngħidu li kien l-aħħar fost katina twila ta’ martri tat-Testment il-Qadim, u l-ewwel wieħed tat-Testment il-Ġdid, il-Prekursur tal-Messija mistenni.  Id-dinja ma kienx jistħoqqilha tara nies bħal Ġwanni l-Battista!  Mad-dehra tiegħu, Elija l-Ġdid, l-umanità tieqaf maħsuda u tinduna li wasal iż-żmien tal-Messija mistenni.  Ġwanni kien bħall-Kewkba ta’ Filgħodu li tħabbar ix-Xemx li tħarrab id-dlamijiet u d-dieqa tal-lejl. 

 

Kristu kien u jibqa’ il-prototip tal-Martri, Dak li ta xhieda għall-Missier bl-Ubbidjenza tiegħu sa ma saħansitra daħal f’ħalq il-Mewt fuq is-Salib, Hu li kien Sid il-Mewt.  Hu ta xhieda quddiem id-dinja tal-verità sħiħa dwar min hu l-Missier.  Bil-Misteru tal-Għid tiegħu, Kristu xehed għalina li l-Missier hu “L-Għid”, huwa Dak li jaħdem f’Ħajjitna billi jgħaddina mill-wied mudlam biex itellagħna fuq il-quċċata tal-Glorja; jgħaddina mill-Mewt għall-Ħajja ta’ Dejjem, mil-luttu għall-Festa dejjiema, mid-Dnub għall-Grazzja, minn stat ta’ lsiera għal Fidwa bi Grazzja, mill-biża’ tal-Mewt li fih nitwieldu għal twelid Ġdid b’natura ġdida li ma tista’ tmut qatt.  “Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba’ bit-tagħrif tiegħu.  Il-Ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra, u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.”  (Is. 53, 11). 

In-ngħaġ li obdewH u mxew wara Kristu, il-Martri per eċċellenza, esperjenzjaw il-meravilja tal-Fidi, li dejjem kollox jispiċċa tajjeb.  Hu bata biex aħna ma nbatux, hu tela’ fuq is-Salib biex is-Salib tagħna jiddawwal,  jidher ġdid għalina, naraw is-sens fih u nindunaw li mingħajru aħna nintilfu, nitilfu t-togħma għax is-Salib mhux kastig, mhux xorti ħazina, mhux saħta iżda hu l-melħ li jagħti togħma lilna u lil Ħajjitna.

 

Fis-solitudni tal-ħabs ta’ Maċeronte, Ġwanni daħal fil-Mewt ontika, il-Mewt psikoloġika li fiha kellu jidħol Ġesù fil-Ġnien taż-Żebbuġ.  F’dan is-sens, Ġwanni l-Battista ma kienx biss il-Prekursur ta’ Kristu imma wkoll il-Profeta tal-Martirju tal-Iben ta’ Alla.  F’Maċeronte, Ġwanni daħal fid-dlam tal-Fidi, f’dak li San Ġwann tas-Salib isejjaħlu, “Il-Lejl Mudlam tal-Fidi”.  Ġwanni kien imsawwat minn mistoqsijiet miżrugħa fih minn satana:  “Min hu Ġesù?”  “Hu tassew il-Messija li Iżrael ilu tant jistenna?”  “Jew għad irridu nistennew ħafna, ħafna iktar għal ħaddieħor?” 

 

Huma mistoqsijiet terribbli dawn, mistoqsijiet eżistenzjali, li anke aħna, forsi fuq livell ferm inqas, niltaqgħu magħhom fid-dlam tal-Ħajja.  “Għax jekk mhux Ġesù l-Messija, jien x’jien nagħmel hawn, marbut bil-ktajjen, kuljum nistenna l-bojja ġej biex jeħodli Ħajti fl-aħjar tagħha?”  Imma Kristu jgħaġġel ifarrġu bħalma jfarraġ lil dawk kollha li jixhdu għaliH, billi jikkwotalu l-Profezija ta’ Iżaija dwar il-Messija.  Kristu jerġa’ jagħti l-Ħajja lill-Fidi ta’ Ġwanni.  Ġwanni jqum fuq tiegħu, kif Kristu qam fuq tiegħu meta għaddiet it-tbatija fil-Ġnien.  It-Tentazzjoni hi mirbuħa u issa x-xhieda finali tidher eħfef. 

 

Anke lil Ġwanni jintbagħtlu l-Anġlu tal-Faraġ.  Kristu jmur lejn il-Mewt qisu Sultan li ġa rebħilha.  L-istess Ġwanni.  Hu jħares lura u l-ispirtu tiegħu jifraħ għax jaf li ma ħalliex id-dinja kif sabha, bħalma aktarx nagħmlu aħna, imma bħal San Pawl hu jista’ jkanta l-aħħar għanja tiegħu: “Ngħid għalija, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.  Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja li biha f’dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.”  (2 Tim. 4, 6-8).

 

Il-Knisja hija l-poplu li l-għan tiegħu huwa l-imitazzjoni ta’ Kristu.  Mhux lil kulħadd tinagħta l-Grazzja, il-Kariżma, il-Qawwa tal-Martirju tad-Demm.  Imma l-Knisja kollha tixhed għal Kristu li Hu rebaħ il-Mewt.  Kif se tagħmlu dan jekk mhux li b’xi mod tmut?  Mewt tad-demm; Mewt tal-persekuzzjoni; Mewt ta’ moħqrija psikoloġika; Mewt ta’ inġustizzja kbira li hi ma tweġibx għaliha; Mewt ta’ umiljazzjonijiet kbar;  Mewt ta’ nkwiet... elf mitt tip ta’ Martirju.  Id-dinja għandha bżonn tara s-sinjal ta’ nies li fihom hemm il-Mewt mirbuħa, li m’għadhomx iktar taħt is-seher tal-biża’ tal-Mewt.

 

L-Insara huma l-melħ tal-art!  Il-melħ jinħall, imut, jisparixxi biex il-borma tieħu togħma tajba.  Kulħadd jinsieħ il-melħ, ħadd ma jfaħħru.  In-Nisrani jmut, imma ma jmutx waħdu għax jiġi l-Anġlu jfarrġu billi jfakkru li għandu wirt li d-dinja ma tafx bih: dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.  Alla rrivelahulna permezz tal-Ispirtu.  (1 Kor. 2, 9-10). 

 

U l-aħħar kelma:  Ġwanni l-Battista jmur għall-mewt għal prinċipji, għal valuri li għadhom jgħoddu llum u huma tant attakkati fil-kultura tagħna: il-Familja, il-Ħajja, qima lil Alla mingħajr ipokriżija, ġustizzja mad-dgħajjef...

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

I Qari

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija    (1,17-19)

F'dak iż-żmien, il-Mulej kellimni u qalli:

Ħażżem ġenbejk,

qum u għidilhom kull ma nordnalek.

La tibżax minnhom, għax inkella nbeżżgħek jien quddiemhom.

Arani llum se nagħmel minnek belt fortizza,

kolonna tal-ħadid, ħajt tal-bronż,

kontra l-pajjiż kollu,

kontra s-slaten ta' Ġuda, u l-prinċpijiet tiegħu,

kontra l-qassisin tiegħu u l-poplu tal-pajjiż.

Huma jeħduha kontrik, imma ma jagħmlulek xejn,

għax jien inkun miegħek, oraklu tal-Mulej,

biex neħilsek minnhom."

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Salm Responsorjali (Salm 70)

Rit. Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek.

Fik, Mulej, jien nistkenn;

ma jkolli qatt għax ninfixel.

Fil-ġustizzja tiegħek ħollni u eħlisni,

mejjel widintek lejja u salvani. Rit.

 

Kun għalija sur ta' kenn

u fortizza qawwija għall-ħelsien tiegħi,

għax blata tiegħi u fortizza tiegħi int.

Alla tiegħi, eħlisni minn id il-ħażin. Rit.

 

Għax inti, Mulej, it-tama tiegħi;

Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Fuqek intlaqt sa minn ġuf ommi,

minn ħdan ommi inti ħadtni. Rit.

 

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,

kull jum is-salvazzjoni tiegħek.

O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;

jiena nxandar s'issa l-għeġubijiet tiegħek. Rit.

 

II Qari

Qari mit-tieni ittra ta' San Pawl Appostlu lil Timotju               (4,1-8)

Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f'isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f'waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim. Għax għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom u jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skond ma jixtiequ, u jwarrbu widnejhom mis-sewwa biex jiġġerrew wara l-ħrejjef. Imma int oqgħod dejjem b'għajnejk miftuħa, stabar fit-tiġrib, agħmel ħidma ta' evanġelista, aqdi sewwa l-ministeru tiegħek.

 

Ngħid għalija, demmi ġa mxerred b'sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f'dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Vanġelu

Qari mill-Evanġelju Mqaddes skont San Mark              (6,17-29)

 

F'dak iż-żmien, Erodi bagħat jarresta lil Ġwanni u qaflu fil-ħabs minħabba Erodja, mart ħuh Filippu, billi kien iżżewwiġha hu. Għax Ġwanni lil Erodi kien jgħidlu: "Ma tistax iżżommha int il-mara ta' ħuk." Għalhekk Erodja saret tobogħdu u kienet trid toqtlu, imma ma kinitx tista', għax Erodi, li kien jaf x'raġel tajjeb u qaddis kien Ġwanni, kien jibża' minnu; u kien iħarsu mill-għawġ, u kien iħobb joqgħod jisimgħu, għad li kien jibqa' mħasseb ħafna wara li jisimgħu.

 

Mela wasal jum tajjeb, meta Erodi għalaq sninu u għamel ikla lill-kbarat tiegħu, lill-fizzjali l-għolja u lill-aqwa nies tal-Galilija. Bint Erodja daħlet tiżfen, u għoġbot lil Erodi u lill-mistednin tiegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: "Itlobni kull ma trid, u jien nagħtik kull ma titlobni." U qalilha u ħalfilha: "Titlobni x'titlobni kollox nagħtik, mqar nofs is-saltna tiegħi." Dik ħarġet u marret tistaqsi lil ommha: "Tgħid x'nitolbu?" "Ras Ġwanni l-Battista," weġbitha dik. Malajr reġgħet daħlet tgħaġġel quddiem is-sultan, talbitu u qaltlu: "Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt." Tnikket għall-aħħar is-sultan, iżda minħabba l-ġurament u l-mistednin ma riedx jarġa' lura mill-kelma li taha. Malajr is-sultan bagħat suldat minn ta' madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs; mbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha. Meta d-dixxipli tiegħu semgħu b'dan, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh ġo qabar.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

 
< Prev   Next >