Din
hija il-Liturgija tat-Tlieta u Ghoxrin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Dari l-Fidi Nisranija
kienu jeħduha ‘for granted’
f’pajjiżna u fl-Ewropa kollha. Il-Fidi
ġiet mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra, anke fost qabda taqlib politiku u
fil-Knisja stess. Il-Knisja kienet ir-rejaltà waħdanija li kienet soda u dejjem
fil-qalba tal-poplu minn żmien għal żmien.
Imperi kienu jiġu u jmorru, dinastiji ta’ slaten kienu waħda taqla’
lill-oħra. Sikwit pandemiji li kienu
joħolqu kalamità sħiħa kienu jeqirdu eluf fuq eluf. Imma l-Knisja dejjem kienet hemm, ir-refuġju
għall-bniedem mgħattan taħt l-Istorja tiegħu, u wkoll il-post fejn kien jifraħ
u jkanta u jrodd ħajr minn qalbu fi żmien ir-rebħa u s-sliem. Il-post tal-funerali, imma wkoll
tal-Magħmudijiet u ż-żwiġijiet.
Il-Fidi fi Kristu u fil-Misteru
tal-Għid tiegħu iċċivilizzat l-Ewropa u dejjem kienet l-ilma ġieri għaddej taħt
l-art minn fejn kienu jixorbu l-għeruq ta’ ġustizzja soċjali u liġijiet ġusti u
rispett lejn id-dgħajjef. Kienet
il-Knisja, għax kienet temmen li kull bniedem huwa nobbli minħabba d-demm li
Alla nnifsu xerred għalih, li waqqfet orfanatrofji, istituti ta’ karità, djar
għal min kien bla saqaf u l-ewwel universitajiet li għenu biex jiżviluppa
l-bniedem.
Imma wara li reġa’ bena l-Ewropa mit-tifrik tat-Tieni
Gwerra Mondjali fis-seklu l-ieħor, f’daqqa waħda donnu li l-bniedem stenbaħ, ħares
madwaru u ra kemm għeġubijiet wettaq b’idu u b’xogħolu u emmen li “Alla” kien
hu! Din id-dagħwa kienet ilha ġejja minn
żmien ir-rivoluzzjoni Franċiża li qabilha dehru filosofi li poġġew lill-bniedem
minflok Alla. Illum qegħdin naħsdu
l-frott ta’ dan kollu. Fl-Ewropa,
parroċċi jagħlqu kuljum u tant binjiet qaddisa u tal-għaġeb qed jinbiegħu,
ħafna minnhom jispiċċaw supermakets.
Malta qegħda tgħaġġel
biex tikkopja dan kollu. F’daqqa waħda
l-“Fidi” saret it-‘topic’ l-iktar
importanti fil-Knisja u mhix meħuda ‘for
granted’ iktar. Ħafna minn ħutna Maltin m’għadhomx imorru għal-Liturġija
fil-knisja u lanqas qed jibagħtu lit-tfal tagħhom. Issibhom preżenti għal xi tieġ jew funeral
jew fil-Ġimgħa Mqaddsa jew fil-Milied jew fil-festa tar-raħal, imma l-mentalità
tagħhom dwar ħwejjeġ għeżież għall-Knisja, li jittrattaw il-Ħajja u l-Familja,
hija pagana.
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum titkellem ħafna fuq il-Fidi li tiġi mis-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla. U din hija problema kbira għall-Knisja, u
sfida kbira f’dan iż-żmien tagħna. Għax
mhux qed issir predikazzjoni biżżejjed.
Kif jista’ jkun li b’omelija ta’ għaxar minuti wieħed jista’ jeħodha
kontra bumbardament kontinwu bil-mezzi moderni li jeżistu mill-kultura
dominanti tal-lum? Ħafna mill-midja
għandhom viżjoni tal-Ħajja anti-Kristjana.
Sa minn eta’ żgħira uliedna qed
jiġu ffurmati fi preġudizzji pagani jew anke ateji. L-ekonomija nnfisha keċċiet ’il barra tant
drawwiet Insara, għax issa il-ġenituri t-tnejn jaħdmu u ma baqagħlhomx ħin għal
xejn iktar ħlief biex jaqilgħu il-flus ħa jkollhom x’jonqfu u jiffinanzjaw
il-ġiri bla sens wara ħwejjeġ li jġennu għal ftit imma jindraw.
L-ikbar sfida li
għandha l-Knisja hija din: kif se jiġu katekizzati fil-Fidi tant u tant adulti
li jidhru “tajbin” u serji imma li tbegħdu mill-Knisja? Għal ħafna minnhom Alla sar dak li se
jeħdilhom xi ħaġa jew li jiġġudika l-mod ta’ Ħajja li qed jgħixu. Kif se tagħmel il-Knisja biex issemma’
f’widnejn tant nies l-Aħbar it-Tajba, Aħbar li tat tama u ferrħet qalb id-dinja
għal tant sekli? Kif se nagħmlu biex
dawn in-nies ngħinuhom joħorġu mill-biża’ terribbli tal-mewt li l-ebda għana
tad-dinja ma jsolvi u ngħinuhom jgħaddu għal Ħajja Ġdida fi Kristu rebbieħ fuq
kull tip ta’ mewt? Il-poplu għejja
jisma’. Tlifna l-kapaċità tas-smigħ.
Tant nies li qatt ma
kienu midħla tal-Iskrittura! Il-qari li
għandna minn Isaija llum, jinfaxxa l-qlub miġrugħa, u jidlek bl-ungwent
tal-Kelma ta’ Alla l-feriti li lkoll kemm aħna għandna f’qalbna. Mill-predikazzjoni jinfetħu għajnejn il-għomja u widnejn it-torox; imbagħad iż-żopp jaqbeż
bħal ċerv u lsien l-imbikkem igħajjat bil-ferħ.
Igelgel l-ilma fid-deżert u xmajjar jiġru fix-xagħri. (Is. 5w). Dan kollu qed
jitkellem fuqi u fuqek. Qiegħed
jitkellem il-profeta fuq il-qalb li tfittex kemm tfittex il-Ħajja u s-sigurtà
ma ssibhom imkien. Għaliex tant
droga? Għaliex tant logħob
tal-ażżard? Għaliex tant infedeltà fiż-żwieġ? Għaliex tant relazzjonijiet li jitmermru u
kulħadd jinsa l-imħabba tal-bidu?
Għaliex il-bniedem hu kostrett ikun egoista? Għaliex tant inkwiet fid-dinja u tant ħsarat
u serq għad-dannu tal-ambjent? Għaliex
il-bniedem qed joqrob biex jeqred din id-dinja li hi daru? Fejn hu l- bniedem li jaħseb li hu
“alla”? Fejn hu l-għana, ix-xiri,
il-kumditajiet, l-għerf li jaħseb li għandu?
U dan kollu qed iseħħ fl-Ewropa, kontinent affluwenti, sinjur, moħħu
“miftuħ”!
Kristu jeħles lil min jemmen
fiH. Min hu mfejjaq minn Kristu, ma
jiġrix wara l-għani u l-politiku popolari, imma jfittex il-fqir, l-imwarrab
tar-raħal, dak li ma jista’ jagħtih xejn lura.
San Ġakbu jitkellem fuq dan il-“Bniedem Ġdid” li hu n-Nisrani. Għax iktar kemm tikber il-Fidi bis-smiegħ
tal-Kelma iktar tmut in-natura egoista miġrugħa li biha twelidna, u minflok
tfeġġ fina natura ta’ Kristu li hu “għani” b’għana misterjuż, ġewwini,
fil-qalb.
Il-kultura ta’ żmienna qed toħloq
nies torox u mbikkmin għal Alla.
Jisimgħu il-Kelma, li hi Mħabba, u traqqadhom! ‘Il-bogħod huwa t-tifħir u r-radd il-ħajr lil
Alla għax fomm imbikkem għandhom u jippreferu jfaħħru n-nies, lil-potenti u lil
dawk li jagħmlu suċċess u jgħiru għal min tiġih tajba. Imma għal Ġesù Kristu xejn mhu
mpossibbli! Niftakru fil-wied mimli
bl-għadam ta’ Eżekjel! Kristu jagħti
l-Ħajja fejn hemm il-mewt! Hu jgħajjat
“Effata!”, (“Infetaħ!”), u jinfetħu l-iktar widnejn imblukkati.
Kristu jmiss l-ilsien li ma jafx
jgħid “Halleluja!” bil-bżieq tiegħu, jiġfieri bil-Kelma, u jinħall l-ilsien u
jkanta l-“Magnificat” b’qalbu kollha. Għalhekk
il-Knisja ma taqtax qalbha. Dan hu ċ-‘challenge’ tal-epoka tagħna. Kif se nwasslu l-Kelma? Kristu jurina, għax il-Knisja hija l-Ġisem
tiegħu.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Widnejn it-torox jinfetħu, u lsien l-imbikkem jgħajjat bil-ferħ.
Iż 35:4-7a
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Għidu
lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:
“Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!
Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas;
il-ħlas ta’ Alla wasal;
hu stess ġej biex isalvakom”.
Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja,
jinfetħu widnejn it-torox.
Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela
u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.
Iva, igelgel l-ilma fid-deżert,
u l-widien fix-xagħri.
L-art maħruqa tinbidel f’għadira,
u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma ġieri.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 145(146):7,8-9a,9bċ,10
R/.
(1): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Il-Mulej
iżomm kelmtu għal dejjem,
jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. R/.
Il-Mulej
jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej iħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin. R/.
Hu
li jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.
QARI II
Alla għażel lil dawk li huma foqra biex isiru werrieta tas-Saltna.
Ġak 2:1-5
Qari
mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
Ħuti,
tħalltux il-fidi f’Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna tal-glorja, mal-ħarsien lejn
l-uċuħ. Għax jekk fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċrieket tad-deheb
f’subgħajh u bi lbies ilellex, imbagħad jidħol xi ħadd ieħor fqir liebes
imċerċer, u intom idduru ma’ dak bl-ilbies ilellex u tgħidulu: “Int oqgħod
komdu bilqiegħda”, waqt li lill-fqir tgħidulu: “Int oqgħod bilwieqfa”, jew:
“Oqgħod bilqiegħda fuq il-mirfes ta’ riġlejja”, ma jidhrilkomx li tkunu qegħdin
tagħmlu għażla bejniethom, u hekk issiru mħallfin qarrieqa?
Isimgħu,
ħuti għeżież: mhux Alla kien li għażel lill-foqra għad-dinja biex jistagħnu
fil-fidi u jsiru werrieta tas-Saltna li hu wiegħed lil dawk li jħobbuh?
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:23
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom,
ixandar l-Evanġelju tas-Saltna
u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin.
Mk 7:31-37
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù
telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar
tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. U ġibulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh
iqegħedlu idu fuqu. Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh
f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Imbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema,
tniehed tnehida, u qallu: “Effata!”, jiġifieri: “Infetaħ!”. U minnufih widnejh
infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa.
Ġesù wissiehom biex ma
jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. U mimlijin
bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u
l-kliem lill-imbikkmin!”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|