Din
hija il-Liturgija ta' l-Erbgha u Ghoxrin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Biex wieħed jagħmel
ir-Rieda ta’ Alla irid ikun armat b’doża qawwija ta’ umiltà. Din hi l-virtu li mingħajrha ninfixlu
u naqgħu wiċċna fl-art malli nibdew nimxu.
U jekk ma jkollna xejn minnha fil-bidu tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla,
malajr nibdew nikbru fiha għax it-Triq tal-konverżjoni ma tiħux ’il fuq
mill-ewwel. L-ewwel tibda nieżla ’l
isfel... nagħrfu min aħna aħna qabel ma nibdew biex ngħarfu xi ftit min hu
l-Mulej. Ngħarfu li aħna midinbin ħafna
iktar milli konna naħsbu, biex meta jasal il-waqt, il-Mulej jurina li Hu
jħobbna anke bid-dnub tagħna f’idejna, u ssallab għalina appuntu għax aħna
midinbin. Huwa min hu konvint mid-dnub
tiegħu biss li jista’ jifhem il-misteru ta’ Kristu msallab għalih. L-Umiltà hija l-Verità u l-Verità tgħidllna
li aħna lkoll midinbin u għandna bżonn urġenti ta’ Salvazzjoni li m’aħniex kapaċi
nakkwistawha aħna iżda hija Grazzja li l-Missier jixtieq jagħtina.
L-Umiltà qaddisa tagħtina s-skiet
quddiem il-metodu li juża Alla biex jimxi mal-bniedem lejn is-Salvazzjoni. Dan, għaliex Alla ma jirraġunax bħalna u “daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art
daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom, u l-fehmiet tiegħi
mill-fehmiet tagħkom.” (Is. 55, 9).
Il-bniedem supperv jirvilla malli l-Istorja li jippreżentalu Alla ma tkunx dik
li għandu f’moħħu hu, u huwa bħal dik iż-żerriegħa li taqa’ fejn hemm biss ftit
ħamrija. Tieħu mill-ewwel, ħafna
entużjażmu fil-bidu, imma kollox jinxef u jmut malli titfaċċa ftit
tbatija. Jien u int għandna bżonn skiet
u fiduċja u anke dawl biex naraw li l-mod kif jimxi magħna l-Missier uriehulna
l-Iben; u dan il-mod huwa l-Misteru tal-Għid.
L-umli jaċċetta li Alla ma
jirraġunax bħalu għax jaf li dak li jidher tant importanti għalina l-bnedmin
mhu xejn ħlief ġiri wara d-dinja, waqt li għal Alla l-importanti hu li nikbru fil-Fidi
li biha biss naħtfu l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn imma li tilħaq
il-milja f’eżistenza oħra li hi eterna.
Huwa Hu li jgħallimna nemmnu f’dak li ma jidhirx, u barra mill-Kelma u
s-Sagramenti tal-Knisja, jinqeda wkoll bl-Istorja tagħna. L-Istorja hi qaddisa. L-Istorja hi Kelma ta’ Alla. Xejn ma jiġri għal xejn u xejn ma jseħħ
b’kumbinazzjoni. Kollox jieħu sens
fid-dawl tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.
Barra minnu kollox jidher konfus, xorti tajba jew ħażina, bħal xini
f’nofs ta’ baħar immens bla ma ħadd jaf fejn jibda u fejn jispiċċa.
Fil-Vanġelu nsibu lil Ġesù jitkellem
ċar fuq il-Ħajja tiegħu u l-Ħajja tagħna.
Mill-Ħajja aħna rridu suċċessi, għana, kumdita, saħħa. Fuq kollox ma rridux li jidher is-Salib. Dan hu li jifridna minn Alla. Mhux għax aħna ħżiena. Dak il-bniedem li forsi int iġġudikajt illum,
assolutament mhux ħażin, almenu mhux eħżen minnek. Hu bniedem bħali u bħalek, jibbies meta
jidher is-Salib u ma jridx jarah b’għajnejh.
Din hija n-natura li twelidna biha.
La jien u lanqas int ma tlabniha din in-natura. Uritniha mingħand l-antenati tagħna, mingħand
Adam.
Il-Verita hi li l-Misteru tal-Għid
jiddomina kollox u s-Salib, it-tbatija, il-fallimenti, xi aħbar ħażina,
il-mard... dan u tant affarijiet li jidhru negattivi, dawn huma l-ewwel faċċata
tal-munita tal-Għid. Mingħajr is-Salib
m’hemmx Qawmien! Il-bniedem irid isolvi
s-Salib bil-flus, bit-teknoloġija, bil-poter, biex trid. Imma min ma jidħolx fis-Salib u jimxi wara
Kristu ma jduqx il-Qawmien. Fil-Vanġelu,
l-Appostli, li bħalna ma kinux għadhom fehmu l-Misteru tas-Salib li hu
l-Misteru tal-Qawmien, bdew jirrakkontaw lil Ġesù kemm kienu jaħsbu tajjeb fuqu
n-nies u kemm suċċess kien qed ikollu.
It-tweġiba ta’ Ġesù għal dan kienet
li Hu beda jgħallimhom fuq li kien
meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mix-xjuħ u mill-qassisin
il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. (Mk. 8, 31). Ma kienx aljenat Ġesù! Ilkoll ninħasdu waħda sew meta tfaqqa xi
waħda bħal sajjetta fil-bnazzi. Imma hu
b’dan il-mod li Alla “jisraqna” minn idejn il-ħażin biex jaħtafna għall-Ħajja
ta’ Dejjem li tibda minn hawn. Hu b’dan
il-mod li jgħallimna nemmnu, jingasta l-Fidi fina. Lil Iżrael ħejjieh bil-jasar biex imbagħad
dewqu l-Ħelsien. Hu għaddieh minn
erbgħin sena fid-deżert, esperjenza-Salib, biex tgħallem li kull tbatija tieħu
lejn il-Ħajja, lejn Fidi dejjem akbar.
Hu ħalla li David jgħaddi ħafna snin maħrub quddiem is-Sultan Sawl li
kien jobogħdu għall-mewt, biex imbagħad tah is-Saltna. Il-paġni tal-Iskirttura kollha jitkellmu fuq
l-Għid, jiġifieri esperjenza ta’ Mewt li tieħu għal Qawmien.
Anke n-natura stess
tikkatekiżżana. L-istaġuni; iż-żerriegħa
li tmut taħt l-art biex tagħti ħajja ġdida; ċikli dejjiema minn mewt għal
Ħajja. Dan hu d-Dawl li l-Fidi fi Kristu
tagħtina dwar l-Istorja tagħna. Min jaf
kemm għexna din il-Mogħdija mid-dlam għad-dawl, mill-mewt għall-Ħajja,
mid-dieqa għall-festa, imma bla ma ndunajna.
Dan hu l-mod kif Alla jimxi magħna biex bil-mod il-mod jeqred il-biża’
tal-Mewt li jagħmilna egositi bla kapaċità li nħobbu tassew.
Fil-Liturġija tal-lum, il-Profeta
jgħid: Sidi l-Mulej fetaħli widinti, u
jiena ma webbistx rasi, ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni, ħaddejja li l dawk li kienu
jnittfuli lħiti; ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq. (Is. 50, 5).
Kien qed jgħid għal Kristu, imma wkoll għal kull bniedem ġust. Għaliex seta jagħmlu dan? Għax kien
imdawwal. Kien jaf li l-Mulej ma
jitilqux fil-Mewt iżda l-Mewt hija t-triq lejn il-Glorja ta’ Ħajja bla tmiem. Hu jkompli: Sidi l-Mulej jgħinni, għalhekk
ma nitħawwadx. (Is. 50, 7). Ġesù nnifsu qatt ma semma’ t-tbatija li
kellu jgħaddi minnha mingħajr ma jsemmi wkoll il-Qawmien li kien riesaq lejH.
San Ġakbu jisħaq li m’hemmx Fidi li
ma tidhirx mis-Sinjali tal-Fidi.
Il-bniedem li l-oħrajn jarawh taħt is-Salib u jibqgħu mistagħġba
bis-sabar tiegħu, ikun qed jagħmel dan għax ikun imdawwal mill-Fidi tiegħu li
tgħidlu: “Stenna! Tiddisprax! Dalwaqt tara l-Ħelsien, il-Qawmien. Dalwaqt jaħrab il-lejl tat-tbatija u jżernaq
dawl il-jum.” Min m’għandux id-Dawl
tal-Fidi jispiċċa jisħet xortih bħal wieħed pagan.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni
Iż 50:5-9a
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Sidi
l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-qrib.
Min se jeħodha miegħi?
Ħa noqogħdu għall-ħaqq flimkien!
Min hu kontrija? Ħa jersaq lejja!
Ara, Sidi l-Mulej jgħinni:
min se jagħtini t-tort?
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 114(116):1-2,3-4,5-6,8-9
R/.(9):
Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin.
Inħobb
il-Mulej,
għax sama’ leħen it-tħannin tiegħi;
għaliex hu tani widen
fil-jum li fih sejjaħtlu. R/.
Il-ħbula
tal-mewt dawruni,
l-irbit tal-imwiet ħakimni;
fin-niket u l-hemm sibt ruħi.
Imma isem il-Mulej sejjaħt:
“Mulej, nitolbok, salvani!”. R/.
Ħanin
il-Mulej, u ġust;
twajjeb hu Alla tagħna.
Iħares id-dgħajfa l-Mulej;
jien kont magħkus, u hu ħelisni. R/.
Għax
mill-mewt ħelisli ’l ħajti,
lil għajnejja mid-dmugħ
u ’l riġlejja mit-tfixkil.
Jien nimxi quddiem il-Mulej
f’art il-ħajjin. R/.
QARI II
Il-fidi mingħajr l-għemil hi mejta.
Ġak 2:14-18
Qari
mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
X’jiswa, ħuti, li
wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’
ssalvah din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom
l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: “Morru bis-sliem, isħnu u kulu
sa tixbgħu”, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk
ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha
nfisha.
Imma xi ħadd jista’
jgħid: “Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil”. Urini l-fidi tiegħek mingħajr
l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Gal 6:14
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Ma jkun qatt li niftaħar
jekk mhux bis-salib ta’ Ġesù Kristu,
li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Hu meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna.
Mk 8:27-35
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
F’dak iż-żmien, telaq
Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma
u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies
li jien?”. Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed
mill-profeti”. Staqsiehom: “Imma intom, min tgħidu li
jien?”.
Qabeż
Pietru u qallu: “Inti l-Messija”. Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu
ma’ ħadd fuqu. U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati
ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh,
u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda
jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu:
“Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma
f’dawk tal-bnedmin!”.
Sejjaħ
lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi
warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min
irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u
tal-Evanġelju, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha
u mbagħad jitlef ħajtu?”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|