Din
hija il-Liturgija tal-Hamsa u Ghoxrin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Fil-Liturġija
tal-Kelma tal-Ħadd li għadda smajna li Ġesù
beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud
mix-xjuħ u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh u wara tlitt ijiem
jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar. (Mk. 8, 31-32). Dan l-għarfien
ta’ min hu l-Messija u x’kienet il-missjoni tiegħu, Ġesù tennija liċ-ċirku
tan-nies ta’ madwaru drabi oħra. Anke
din il-ġimgħa stress il-Knisja ċċelebrat Festa mportanti ħafna għaliha:
l-Eżaltazzjoni tas-Salib, jiġifieri l-eżaltazzjoni, il-glorifikazzjoni
tat-tbatijiet ta’ Kristu. F’dan
ix-xenarju kollu, il-bniedem jifhem biss il-lingwaġġ tat-tbatija u jibbies
quddiemu. Il-lingwaġġ tal-Qawmien,
tal-Ħajja Ġdida, tal-Eternità, jiena u int u l-Appostli u l-bnedmin kollha
nsibuh misterjuż. Hija t-tbatija li hi
konkreta u din twerwirna lkoll.
Tal-kliem “u wara tlitt ijiem
jerġa’ jqum” l-Appostli ma tawx kasu għax kien kliem mitfi mid-dlam ta’ dak
li ntqal qabel.
Fil-Liturġija tal-lum, insibu lil
San Mark jerġa’ jikkwota lil Ġesù jgħid kważi l-istess kliem, imma f’kuntest
differenti, u kapitlu biss wara l-istorja tal-ġimgħa l-oħra. Iktar kemm bdiet toqrob is-siegħa tiegħu,
Ġesù beda jħoss tagħfas fuqu l-urġenza li ma jħallix lix-xitan jidħaq b’dawk li
kien iħobb. L-unika triq lejn
is-Salvazzjoni, lejn ir-rebħa fuq il-Mewt hija appuntu li wieħed jidħol
fil-Mewt biex jiskopri li wara kollox il-Mewt ma toqtolx! Din hija s-sejba meraviljuża tal-bniedem ta’
Alla. Din l-esperjenza ngħaddu minnha
aħna lkoll, ħafna drabi fuq livell ċkejken, imma xi drabi b’mod serju, sakemm
fl-aħħar ngħaddu minn din l-esperjenza fuq livell qawwi ħafna meta ġisimna
jidħol fil-Mewt fiżika tassew. B’ħafna
esperjenzi ta’ tbatija u mwiet żgħar il-Mulej ikun qed jgħallimna nemmnu li
l-Mewt fil-fatt hija mirbuħa u min jemmen f’Ġesù jinduna li fiH u biH il-Mewt
ma toqtlux.
Għalhekk il-Ħajja, u anke dak li
jiġri fin-natura ta’ madwarna, jgħallmuna li t-tbatija, li hi bint il-Mewt,
fil-fatt hija l-velenu tal-Mewt. Da hu
profond ħafna. It-tbatija, is-Salib, dik
ix-xi ħaġa li tħawwadna għax ma nafux għaliex Alla, li jħobbna, ippermettiha
fl-Istorja tagħna, hija l-melħ li tagħti togħma lil Ħajjitna. Immaġina bniedem bla Salib. Isir impossibbli li jissaportuh in-nies. Is-Salib iċekkinna, jagħilna umli, jagħtina
qalb ratba meta naraw lil ħaddieħor għaddej mill-istess tbatija. Is-Salib hu l-ġebla tax-xewka li fuqha
tinbena s-solidarjetà bejn il-bnedmin. Is-Salib jagħmilna “nies”!
Is-Salib huwa l-post li fih issir
il-laqgħa li tant għandna bżonn f’Ħajjitna mal-Mulej Ġesù. Hu fis-Salib li aħna nsibu ruħna waħedna, b’daharna
mal-ħajt, addijo teknoloġija, xjenzi u għerf tad-dinja għax ħadd ma jista’
jgħinek. U huwa hemm li, forsi
għall-ewwel darba, toħroġ Talba vera minn qalbek: “Mulej, għinni!!” U int issib li Alla jeżisti u jekk xi ħadd
jistaqsik għaliex temmen f’Alla, ma tgħidlux ħmerijiet imma tirrakkontalu biċċa
minn Ħajtek meta Alla deher qawwi jitqabad favur tiegħek.
Iżda s-Salib, kull tbatija, tibqa’
Misteru tal-Ħajja, kontradizzjoni. Il-Mulej
Ġesù li miet fuq Salib għax iħobb lill-bniedem, ma neħħiex is-Salib mid-dinja,
Hu li għamel tant mirakli biex itaffi t-tbatija. Iżda hieni l-bniedem li jimxi
’l quddiem fil-Fidi għax jinagħta d-dixxerniment, jifhem, jara s-Salib tiegħu
imdawwal u jasal jum meta jgħid f’qalbu: “Għalhekk mela...!” Hu l-ankra li magħha ggranfaw tant nies li
sabu fih is-sigriet tal-Ħajja. Indunaw
li t-tbatija qatt u qatt ma hi l-aħħar kelma, kif is-Salib għal Kristu qatt ma
kien l-aħħar kelma, iżda l-mogħdija lejn il-Ħajja vera. Trid tgħix għal dejjem? Ħaddan miegħek is-Salib tiegħek u emmen fi
Kristu, fil-Misteru tal-Għid tiegħu.
Possibli dan? Bi Grazzja,
iva.
Iżda s-Salib huwa wkoll it-toqol li
ħafna oħrajn għotru taħtu u dispraw u ċaħdu lill-Mulej. San Pawl stess jgħid li s-Salib ta’ Kristu, u
allura anke t-tbatijiet tagħna, huma skandlu għall-bniedem reliġjuż li jibqa’
ddiżappuntat b’Alla u jgħid li ma jismax talbu; u huwa bluha għad-dinja li
tipprova tivvinta minn kollox biex tneħħi s-Salib min-nofs. L-umiltà hija
s-sigriet, iċ-ċavetta. Is-suppervja
toqrosna biex niġġieldu kontra l-Istorja u nemmnu l-interpretazzjoni li
jagħtina x-xitan li hu giddieb minn dejjem.
Is-Salib huwa s-sinjal li bih huma
mmarkati dawk li huma predestinati biex ikunu l-melħ tal-art u d-dawl
tad-dinja. Huwa l-ġawhra sigrieta
tagħhom għax bih rebħu lill-Mewt.
Il-Fidi biblika hi kollha mibnija fuq is-Salib, fuq il-waqt ta’
tbatija. Staqsi li Iżrael fejn sabha
l-Fidi, jekk hux fil-jasar tal-Eġittu u l-forn tal-esperjenza tad-deżert. Staqsi lil Ġużeppi mibjugh minn ħuti li
għamel kenosi, niżla tremenda, biex sab ruħu ta’ wara s-Sultan, xbieha
tar-rebħa fuq il-Mewt. Staqsi li Anna,
omm Samwel li msallba bl-isterilità tagħha sabet lil Alla fil-maternità li
taha. Staqsi lil David għaliex kien ċert
li Alla adottah b’ibnu. Staqsi
lill-Knisja li iktar kemm tkun ippersegwitata iktar issir awtentika, qawwija
fix-xhieda tagħha. Kollha mill-kruċifissjoni tat-tbatija għaddew dawn in-nies u
tant u tant oħrajn.
Is-Salib huwa dak li jagħmel
lill-Kristjaneżmu xi ħaġa totalment lil hemm mir-reliġjonijiet tal-bniedem. Għax ir-reliġjon dejjem twieldet mill-bżonn
li titwarrab it-tbatija mill-ħajja tal-bniedem, waqt li l-Aħbar Nisranija hi li
huwa bit-tbatija li Kristu salva lill-bniedem; huwa fit-tbatija li l-bniedem
jikber fil-Fidi. Imma dan mhux
paroli. L-esperjenza kollox. Hawn qegħdin nitkellmu fuq l-akbar Grazzja li
jista’ jagħti Alla: is-Salib Glorjuż tal-Mulej li rxoxta. Huwa fis-Salib li aħna nirxoxtaw miegħU! Għalhekk ma nistħuhx lis-Salib iżda nitolbu
l-Grazzja li nerfgħuh biex insibu l-veru sliem.
Kuraġġ!! Niftakru dejjem li s-Salib hu biss l-ewwel
parti tal-Misteru tal-Għid li Alla jixtieq jirrepeti fina. Hu jixtieq jagħtina esperjenzi ta’ Qawmien
f’din il-Ħajja stess biex nersqu lejn it-tluq tagħna minn hawn bla biża’ u bi
stennija għal dak li hemm jistenniena.
Ma nagħmlux bħall-Appostli fil-Vanġelu tal-lum li moħħhom kien kif se
jikbru fid-dinja permezz ta’ Ġesù, meta Ġesù ried li jkollhom Ħajja ta’ dejjem
permezz tiegħU u mhux il-ħmerijiet ta’ hawn li jgħaddu. Is-Salib hu
l-kundizzjoni ta’ min jimxi wara Ġesù.
Trid tkun taf jekk intix
Nisrani? Ara jekk intix imsallab b’għedewwa
minħabba Kristu. Mhux għedewwa ma’ ħutek
fuq il-wirt, iżda għedewwa minħabba Kristu għax jagħmlek differenti. “Ejjew
naraw x’naqilgħu kontra l-bniedem tajjeb, għax hu jdejjaqna u ma jaqbilx
mal-imġieba tagħna. Ejjew naraw dak li
jgħid hux minnu. Ejjew inġarrbuh billi
ninsultawh u nweġġgħuh.” (Għerf 2, 12w).
San Ġakbu, bħas-soltu, jeħodha
kontra l-Insara tal-isem, li huma biss reliġjużi u li baqgħu ma għamlux il-qabża
lejn il-Fidi fi Kristu Msallab imma rebbieħ fuq il-Mewt. Għax dan hu l-Misteru. Kristu ġie msallab imma sab il-Ħajja
fis-Salib. Id-dinja lin-Nisrani tgħidlu:
“Miskin!” Iżda midfun ma’ Kristu, in-Nisrani
jqum miegħU ukoll saħansitra waqt li għadu jgħix hawn biex ikun xhud. Għax dan kollu mhux paroli. Id-dinja trid tara b’għajnejha biex temmen u
n-Nisrani rebbieħ fis-Salib hu s-sinjal li jiġbed nies imsejkna lejn Kristu.
L-aħħar kelma fuq it-tbatija. Fiż-żjara li qed jagħmel fis-Slovakkja, Papa Franġisku
qal li Alla jgħidlek għamel hekk; u meta int tgħidlu “Iva!” jagħmel Hu dak li
jkun qallek tagħmel! Alla jgħidlek:
“Erfa’ salibek. Tirribellax.” U malli
jarak se terfgħu, jinżel Hu jerfgħu miegħek, u biex ngħid hekk, minflokok. Kuraġġ!
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Nikkundannawh għal mewt l-aktar kiefra.
Għerf 2:12,17-20
Qari mill-Ktieb
tal-Għerf
In-nies il-ħżiena
qalu:
“Nonsbulu lill-ġust
għaliex hu ta’ xkiel għalina fi triqitna,
hu kontra l-għemejjel tagħna,
iċanfarna għax niksru l-Liġi,
jixlina għax immorru kontra t-tagħlim li ħadna.
Ħa naraw hux veru kliemu,
naraw fl-aħħar x’se jsir minnu.
Jekk il-ġust hu iben Alla,
jaqbeż għalih Alla, u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu.
Inġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija,
biex naraw xi tjubija għandu
u nkejlu sa fejn jasal sabru.
Naqtgħuhielu għall-mewt b’mistħija,
għax, kif jgħid hu, għandu min iħarsu”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 53(54):3-4,5,6,8
R/.(6b):
Il-Mulej hu dak li jżommni.
B’ismek,
o Alla, salvani;
agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.
Isma’, o Alla, it-talba tiegħi;
agħti widen għal kliem fommi. R/.
Għax
nies kburin qamu kontrija,
nies kefrin jonsbuli ħajti;
ma jżommux ’l Alla quddiem għajnejhom. R/.
Ara,
Alla l-għajnuna tiegħi;
il-Mulej hu dak li jżommni.
Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju;
irrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb. R/.
QARI II
Għal dawk li jfittxu jnisslu s-sliem, il-frott tal-ġustizzja hu miżrugħ
fis-sliem.
Ġak 3:16–4:3
Qari
mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
Għeżież,
fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull xorta ta’ ħażen.
L-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li
jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa; huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla
ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq. Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u
jkollhom il-frott tal-ġustizzja. Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom?
Jaqaw mhux minn dan, mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f’ġisimkom? Tixtiequ, u
ma ssibu xejn; imbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; imbagħad
tiġġieldu u titqabdu. Ma għandkom xejn għax ma titolbux. Titolbu, u ma tiksbux,
għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
2 Tess 2:14
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju tagħna,
biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Min irid ikun l-ewwel wieħed, għandu jkun il-qaddej ta’ kulħadd.
Mk 9:30-37
Qari
mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li
ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin
il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara
tlitt ijiem iqum mill-mewt”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu
jistaqsuh.
Waslu Kafarnahum; u
meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”.
Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq
min kien l-akbar.
Imbagħad qagħad
bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed,
għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.
U ressaq lejh tfajjel
ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed
minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili,
ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|