Din
hija il-Liturgija tas-Sitta u Ghoxrin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
L-Insara huma l-iktar
grupp ta’ nies ippersegwitati fid-dinja!
Iva, anke fi żmienna.
Il-Komuniżmu, li prova jkisser lill-Knisja, waqa’, imma xorta l-Knisja
għadha qed iġġorr is-salib tal-moħqrija, tal-ħabsijiet, tat-torturi,
tal-liġijiet kontra, tal-qtil sal-ġurnata tal-lum. Dan jagħmel mill-Knisja s-sinjal tal-“Qaddej
ta’ Jahweh”, ta’ Kristu fid-dinja.
Il-Knisja hi l-ġisem ta’ Dak li mhux rebaħ lill-Mewt biss, imma wkoll
bata bla ħtija, u ġie mkaxkar lejn il-forka tas-Salib fejn hu miet mewt
orribbli. Il-Knisja hija s-sinjal,
ix-xhud ta’ dan.
Huwa dan li jagħtiha
li “tixrob mill-wied” (S. 110, 7), kif jgħid wieħed mis-Salmi,
fil-mixja tagħha lejn il-Glorja ta’ dejjem.
Qatt ma tgħejja, imma dejjem tirċievi faraġ u saħħa ġodda. Imma kull meta tkun komda, ħadd ma
jikkritikaha, bla għedewwa minħabba l-kompromessi, tbeżża’ minħabba l-poter li
jkollha, allura tixrob iva, imma mhux
mill-wied tal-Ispirtu s-Santu, iżda mill-ilmijiet tad-dinja, tal-korruzzjoni,
tat-taħsir.
Minn dan għandha l-Knisja toqgħod
attenta u tibża’. Il-persekuzzjoni qatt
m’għamlitilha ħsara, iżda l-għana, il-kumdita u l-aljenazzjonjiet tad-dinja,
iva. Fuq kollox, il-Knisja m’għandhiex
tibża’ minn ħutha l-Knejjes l-oħra li bħalha jemmnu f’Ġesù l-Iben ta’
Alla. Fuq dan se tkellimna l-Liturġija
tal-Kelma ta’ dan il-Ħadd. Kemm hi kerha
l-firda bejn l-Insara! Żewġ sinjali hemm
li huma dawk li jemmnu f’Ġesù biss li kapaċi jagħtu f’din id-dinja ta’ egoiżmi
u ġirja sfrenata għall-għana u l-ewwel postijiet. Dawn iż-żewġ sinjali huma: l-għaqda ta’ bejn
l-aħwa, anke jekk huma differenti minn xuxlin, ma jaqblux f’kollox, jaslu biex
jitlewmu imma fl-aħħar dejjem jirranġaw... u t-tieni wieħed hu l-Imħabba lejn
l-ieħor anke meta l-ieħor huwa għadu.
Dawn iż-żewġ sinjali d-dinja ma tistax tikkopjahom. Dawk li għandhom li
Ġesù ħaj ġewwa fihom, iva, għandhom natura divina li twettaq dak li normalment
għall-bniedem hu mpossibbli. Allura
l-firda bejn il-Knejjes hija skandlu u ddgħajjef ħafna d-Dawl ta’ Kristu li Hu bata
u miet u qam mill-Mewt biex iġib fid-dinja.
L-għaġeb hu li, fid-dawl tal-Kelma
mill-Ktieb tan-Numri u mill-Vanġelu ta’ Marku għadna ma nistgħux nindunaw li
ftit huma l-ħwejjeġ li qegħdin jifirduna!
Hemm moviment “ekumeniku” li ilu mill-bidu tas-seklu l-ieħor jipprova
jqarreb il-Knejjes lejn xulxin. Hija
l-kburija tagħna li ġġagħalna naħsbu li aħna diffferenti wisq. Fil-fatt, aħna ferm iktar qrib ta’xulxin
milli naħsbu! Kull min jemmen li Kristu
huwa l-Iben il-Waħdieni tal-Missier u jemmen fil-Misteru tal-Għid tiegħU, dawn
kollha huma aħwa fi Kristu, anke jekk wieħed ikun Kattoliku, l-ieħor ikun
Protestant u l-ieħor ikun Ortodoss! Aħna
lkoll aħwa fil-Fidi li nħaddnu. Dan hu
l-qalba ta’ kollox: il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu! Kristu miet għalina biex iħallas Hu flok
l-umanità għad-dnub tagħha, u qam mill-Mewt biex kull min jemmen fiH jirċievu
mingħandu dan l-Ispirtu ta’ Ħajja Ġdida, ta’ Natura Ġdida, ta’ Qawmien fuq dak
kollu li joqtol lill-bniedem u jisraqlu s-Sliem. Dawk li jemmnu f’Ġesù b’dan il-mod isiru aħwa
ta’ xulxin u tiegħU ukoll.
Il-piki u s-suspetti ta’ bejn l-aħwa
Nsara jgħinu lix-xjaten tas-sekulariżmu jkomplu jnissu lill-bniedem li jeżisti
Alla u li l-Ħajja hi għal dejjem. Aħna
lkoll nies “bin-ngħas” għax lanqas biss qegħdin nindunaw li l-kultura tal-lum
ilha li għalqitilna s-Sema wara saqaf tal-konkrit! Qed ngħixu fi klawstrofobija tal-biża’. Għal bosta, din il-ħajja biss teżisti u hi
mportanti. Hemm bżonn li l-Insara ta’
denominazzjonijiet differenti jifhmu lil
xulxin, jindunaw li huma aħwa, li għandhom ħafna x’jitgħallmu minn xulxin u
ninsew dak li dari kien jifridna.
Mosè lil Ġożwè jgħidlu fil-Qari
tal-lum: “Jaqaw qed tgħir minħabba
fija? Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu
profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu.” (Num. 11, 29). Fil-Vanġelu, l-appostli juruna kif
jaħsbuha dawk li m’għandhomx spirtu tajjeb fihom: “Mgħallem, wieħed raġel, li soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi
x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhux wieħed minn tagħna.” (Mk. 9, 38).
Dan hu l-mod kif dejjem tkellimna fuq oħrajn li kienu jaħdmu wkoll
għall-Aħbar it-Tajba imma ma kinux tal-Knisja tagħna. Insejna li s-siġra mill-frott tagħha tinagħraf. Imma
Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax m’hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u
mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhux kontra tagħna huwa
magħna.” (Mk. 9, 39). Da l-aħħar vers għandu jkun il-motto
tal-ekumeniżmu u l-mod kif inħarsu lejn Insara ta’ Knejjes oħra.
Hija l-kburija li tivvinta l-partiti
u l-piki u l-għajta: “Aħna aħjar minnhom!”
Dan l-ispirtu tad-dinja kellhom id-dixxipli li kienu għadhom ma għaddewx
mit-trawma tal-Għid u mill-Glorja msawba fuqhom fil-Pentekost. Kienu għadhom bħal tfal żgħar tant li fit-triq
meta Ġesù kien ikun xi ftit ’il quddiem, kienu jħobbu jaqbdu jillatikaw fuq min
kien l-aqwa, l-aktar bravu, l-aktar li kien iħobb lil Ġesù! In-Nisrani veru hu dak li jħoss li hu
mbiegħed mill-Mulej, li għandu bżonn urġenti ta’ konverżjoni, jittallab
għall-Indiema u l-Maħfra u jfaħħar lil Alla għat-tajjeb li jkun irċieva
mingħandU. Hu jħares lejn sħabu madwaru
u, billi għaraf dnubu, f’għajnejh jidhru aħjar minnu! Iktar kemm noqorbu lejn Kristu iktar inkunu
nixbhu lil dan. Iktar kemm noqorbu lejn
Kristu iktar insiru ċkejknin, bħat-tfal iż-żgħar, li joqogħdu lura
fil-kumpanija tal-kbar.
San Ġakbu, fit-Tieni qari, jeħodha
bla ħniena kontra dawk li mingħalihom kienu Nsara u ma kienu xejn minn dan
minħabba l-għira, l-ambizzjoni,
il-ġlied, il-ġibdiet ħżiena, qtil bil-kliem u talb ħażin. (ara
Ġak. 3, 16w). Għal Kristu Nisrani
wieħed hemm: “Jekk xi ħadd irid ikun
l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd.” (Mk. 9, 35).
U dan mhux b’Liġi, għax hekk qal Ġesù, imma għax tkun għaraft int
min int, li ma int aħjar minn ħadd, li jekk issalva dan, għall-pura ħniena ta’
Alla waħdu. Huwa Hu li xtralek is-sema u
kulma għandek tajjeb bil-Mewt u l-Qawmien tiegħU. Nagħmlu, mela, mill-Ewkaristija ta’ dan
il-Ħadd, mument qawwi ta’ radd il-ħajr lill-Mulej li tana lilU nnifsU kollu
kemm Hu għalina.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Kulħadd profeta fil-poplu tal-Mulej.
Num 11:25-29
Qari
mill-Ktieb tan-Numri
F’dak
iż-żmien, il-Mulej niżel fi sħaba jkellem lil Mosè, u ħa mill-ispirtu li kellu
fih, u tah lis-sebgħin xiħ; u ġara li, hekk kif l-ispirtu qagħad fuqhom, bdew
jipprofetizzaw, imma ma ssuktawx.
Issa
fil-kamp kien baqa’ żewġt irġiel, wieħed jismu Eldad u l-ieħor Medad, u fuqhom
ukoll niżel l-ispirtu. Hekk dawn ġew magħduda mal-magħżulin għax, għalkemm ma
marrux fit-tinda, bdew jipprofetizzaw fil-kamp.
Dlonk
mar wieħed żagħżugħ jgħarraf b’dan lil Mosè, u qallu: “Eldad u Medad qegħdin
jipprofetizzaw fil-kamp”. U Ġożwè bin Nun, li minn ċkunitu kien qaddej ta’
Mosè, qabad u qal: “Sidi Mosè, tħallihomx aktar”. Iżda Mosè wieġbu: “Jaqaw
qiegħed tgħir minħabba fija? Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u
jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu!”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 18(19):8,10,12-13,14
R/.(9a):
Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.
Il-liġi
tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.
Il-biża’
tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.
Fehemhom
sewwa l-qaddej tiegħek;
ħlas tajjeb għandu min iħarishom.
In-nuqqas min jista’ jagħrfu?
Minn dak li ma nafx bih saffini. R/.
Mill-kburija
wkoll ħares il-qaddej tiegħek,
tħalliha qatt taħkimni.
Imbagħad inkun bla ħtija
u ħieles minn dnub kbir. R/.
QARI II
Il-ġid tagħkom tħassar.
Ġak 5:1-6
Qari
mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
Ejjew
issa, intom il-għonja, ibku u ixhru fuq l-għawġ li ġej fuqkom! Ġidkom tħassar,
ħwejjiġkom kilithomlkom il-kamla. Id-deheb u l-fidda tagħkom rabbew is-sadid, u
s-sadid tagħkom għad jixhed kontra tagħkom u jiklilkom ġisimkom bħan-nar.
Ħżintu l-ġid fl-aħħar jiem!
Ara,
il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom – ħlas li intom żammejtuhulhom
bil-qerq – qiegħed jgħajjat kontra tagħkom, u l-biki ta’ dawk li ħasdu wasal
f’widnejn il-Mulej tal-eżerċti.
Fuq
l-art għextu fix-xalar u l-lussu; qgħadtu tissemmnu għall-jum tal-qatla. Intom
ikkundannajtu l-ġust, qtiltuh għax ma jistax jiqfilkom!
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 17:17b,a
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Missier, il-kelma tiegħek hi l-verità,
qaddishom permezz tal-verità.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Min mhux kontra tagħna, huwa magħna.
Mk 9:38-43,45,47-48
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġwanni
qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh
ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”.
Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi
u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra
tagħna, huwa magħna.
Min jagħtikom tazza
ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax
mingħajr il-ħlas tiegħu. Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin
li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk
li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar.
U jekk idek hija
għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda
fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U
jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li
tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern.
U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li
tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn
fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|