Din
hija il-Liturgija tas-Seba' u Ghoxrin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Iż-żwieġ huwa
istituzzjoni kbira mmens li nsibuha f’kull kutura ta’ kull żmien. Il-kelmiet “żwieġ” u “żewġ” huma ġejjin minn
l-istess għerq għax iż-żwieġ għalina jfissser l-għaqda f’ġisem wieħed ta’ tnejn
min-nies, anke jekk kien hemm kulturi, u għadhom jeżistu wkoll, fejn id-drawwa
kienet dik tal-bigamija, żwieġ bejn aktar minn tnejn min-nies. Bħal tant pilastri oħra tas-soċjeta, iż-żwieġ
huwa assedjat mill-kultura dominanti ta’ żmienna li fil-fond qegħda tipproponi
l-ideja individwalista li rat it-twelid tagħha ilu ħafna, ħames mitt sena ilu,
fir-Riforma Protestanta. Ma kienx jaf
Luteru li meta ċekken l-ideja ta’ “Knisja”, ta’ “Ġemgħa” u qal li l-bniedem
m’għandu bżonn ħadd biex jersaq lejn Alla, hu u Alla huma biżżejjed, kien qed
jiżra’ sikrana li issa ħonqot l-għalqa kollha.
Issa wasalna biex wieħed mill-filosofi tal-punent jgħid: “L-ieħor hu
l-infern!” L-ieħor jheddek, jaqlalek l-inkwiet, hu rival. Evitah!
Aħarbu! U fil-bliet tal-Ewropa
u l-Amerika, jekk taqa’ fl-art ħadd ma
jiġbrok għax kulħadd għaddej għal rasu u ħadd ma jrid tħabbil il-moħħ. Dan hu anti-Kristjaneżmu.
Iż-żwieġ waqa’ taħt
il-mira ta’ dan kollu. Luteru qal li
mhux sagrament, u minn hemm in-niżla kienet ħaġa naturali. Ħafna jersqu lejn iż-żwieġ waqt li jafu li
hemm toqba minn fejn wieħed jista’ jaħrab.
F’temp ta’ ftit snin insterqet minn moħħ iż-żgħażagħ tagħna l-ideja
romantika, u iktar minn hekk, qaddisa għax hi minn Alla, ta’ għaqda mal-oħra,
mal-ieħor għal dejjem. Xejn m’għadu għal
dejjem. Xejn ma għadu ċert. Xejn ma joffri sigurtà. Il-kultura moderna, li tant insibuha faċli
nikkuppjaw għax nistħu nkunu “ta’ dari”, ħolqot soċjetá ġdida: bliet mimlija nies jgħixu għalihom waħedhom
f’appartamenti gebubi. Filgħaxija tara
bl-eluf nisa jippassiġġaw bil-kelb, is-sieħeb tagħhom! F’dan l-ambjent laqqtitha r-rata tat-twelid. Anke fostna.
Min għadu jrid iktar minn żewġt itfal; anzi inqas? Malta hi l-iktar pajjiż li għandu rata baxxa
tat-twelid fl-Ewropa! Ikkuppjajnihom u
kif! Il-ġens Malti qed jintilef bil-mod
il-mod. Dan tgħidu l-istatistika.
Kull problema li hawn
fid-dinja tqanqal mistoqsija waħda: Alla jeżisti jew le? Għax jekk ma jeżistix, mela nagħmlu li naħsbu
aħna li hu tajjeb u nittamaw li nolqtu l-likk.
Imma jekk Alla jeżisti, boloh
aħna jekk ma nagħmlux dak li jgħid Hu! U
xi jgħid Hu? U hawn tqum mistoqsija
oħra: Il-Bibbja tassew li hi
r-rivelazzjoni ta’ Alla jew le?
L-Iskrittura Mqaddsa tgħidilna l-Verità x’inhi dwar kollox jew le? Hu ovvju li kollox jiddependi mill-Fidi.
Il-bniedem tal-Fidi hu
konvint fuq Alla u fuq id-dehra li Hu ta tiegħu nnifsu lill-bniedem mhux għax
tgħallem fuqU, iżda għax b’xi mod għandu esperjenza ta’ Alla. Il-bniedem tal-Fidi “ra” lil Alla fl-Istorja
tiegħu u għax “jaf” lil Alla ma jistax jimmaġinah li jibqa’ moħbi. Alla wera lilu nnifsu lill-bniedem
fl-Iskrittura u kompletament f’Ibnu Ġesù Kristu. Huwa Alla li jinagħta lill-bniedem. Hu ta r-rigal taż-Żwieġ lill-bniedem mhux
biss biex jitkattar il-ġens tiegħu iżda wkoll biex ikun għal qalbu u mhux waħdu
– il-kontra tal-kultura tal-lum. U għax
iż-Żwieġ hu rigal ta’ Alla, u dan insibuh fl-ewwel paġni tal-Bibbja, ħadd ma
jista’ jilgħab miegħu. Kull meta
l-bniedem bagħbas fih, nawwar kollox.
Il-bigamija nawret iz-Żwieġ.
L-istess l-enfasi patrijarkali, meta għal ħafna u ħafna sekli r-raġel ħa
s-sopravvent fuq iż-Żwieġ għad-dannu tal-Mara.
Imma Alla ħalaq il-bniedem
fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom. (Ġen. 1, 27). Kelma ta’
Alla. Diffferenti imma ndaqs. Differenti imma kumplimentari: wieħed
għall-oħra u waħda għall-ieħor. Bħalma
l-baħar jikkumplimenta l-art, il-lejl lin-nhar, ix-xitwa lis-sajf, id-dawl
lid-dlam, il-kuluri, il-ħsejjes... kollox ħaġa ma tgħaddix mingħajr
l-oħra. Dan hu Alla.
Alla huwa “Għotja”. Dejjem jinagħta. U din l-Għotja laħqet il-quċċata fi Kristu
msallab bi ħlas għal ħelsien il-bniedem. Din l-Għotja ta’ Alla iżżewweġ lil
Alla mal-bniedem! Għax l-Imħabba trid
“Żwieġ” u mhux firda. It-Testment
il-Qadim tkellem b’mod qawwi fuq iż-Żwieġ bejn Jahweh (Alla) u Iżrael,
l-Għarusa tiegħU. L-Għanja tal-Għanjiet
hi kantiku li jifraħ b’dan. Ħafna
mill-profeti ddefendew bl-enerġija tagħhom kollha dan iż-Żwieġ mistiku
tal-poplu ma’ Alla. Huma kienu jafu li
barra minn dan iż-Żwieġ, Iżrael kien se jintilef bħalma ntilfu l-kulturi u
ċ-ċivilizzazzjonijiet l-oħra kollha.
San Pawl ixebbaħ iż-Żwieġ ta’ Kristu
mal-Knisja maż-Żwieġ bejn ir-raġel u l-mara.
Mill-ġdid: l-Imħabba titlob “Żwieġ” li jfisser “Għotja”. Illum ilħaqna l-quċċata tal-bluha għax ħlief dwar “drittijiet” ma
nitkellmux. Din traġedja!! Kulħadd jiddefendi d-drittijiet tiegħu għax
l-“ieħor” jisraqhomlu. Dinja pagana li
bliehet għax insiet li l-Ferħ hu l-Imħabba u l-Imħabba tinagħta, tinagħta,
tinagħta! Jekk dan idejjaqna, mitlufin
aħna, għax din hi l-Verità. L-Imħabba li
tinagħta hi l-“axis mundi”, il-fus li
fuqu jdur l-Univers kollu, għax kollox hu maħluq mill-Imħabba li hi Alla.
Kollox hu Għotja. Kollox hu tiegħek għax
kollox hu Għotja ta’ Alla għalik fi Żwieġ li Alla jrid jagħmel miegħek!
Għad-dinja, is-sbuħija hi l-pjaċir,
l-akkwist, is-suċċess, li togħla, li l-bniedem jiskopri li hu huwa
“alla”. Din hija d-“dagħwa”
tal-lum. Imma għal min hu għaref tassew
is-Sbuħija hi l-Għotja, u l-qalba tas-Sbuħija ta’ kollox huwa l-wiċċ sofferenti
ta’ Kristu li ta kollox, kollox, kollox u hekk daħal fil-Ħajja ta’ Dejjem. Dan hu l-ispirtu taż-Żwieġ Nisrani. Qed nitkellmu wisq fuq drittijiet, imma
l-verità dwar iż-żwieġ jagħtihielna San Pawl: “Oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom
bħallikieku għall-Mulej. Intom,
l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħatu
għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u
jnaddafha bil-ħasil tal-ilma u l-kelma.”
(Ef. 5, 21w). Mela, iż-Żwieġ
veru Nisrani hu kopja taż-Żwieġ bejn Kristu u l-Knisja tiegħu. Kristu ma fittixx tiegħu iżda tneżża’ minn
kollox u ta Ħajtu għall-Għarusa tiegħu.
Dan hu ż-Żwieġ magħġun fis-sigurtà tal-Imħabba.
Il-Vanġelu tal-lum jgħid: Ġesù weġibhom: “Sa mill-bidu tal-ħolqien
Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk
mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru
ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed
tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li
għaqqad Alla a għandux jifirdu l-bniedem.”
(Mk. 10, 6-9). Kristu jaf
x’inhu l-aħjar għalina. Iż-Żwieġ Nisrani
hu bejn raġel u mara u hu għal dejjem għax id-divorzju daħal “minħabba l-ebbusija ta’ qalbkom” (Mk. 10,
5), ikompli jgħid Ġesù fil-Vanġelu tal-lum.
Naturalment kien qed jitkellem fuq iż-Żwieġ skont Alla. Għax jekk iż-Żwieġ ma jkunx skont Alla, minn
fejn se jġibuha s-saħħa l-koppja biex jgħixu dan kollu? U l-Papa Franġisku nnifsu jgħid li mhux kull
Żwieġ li jsir fil-Knisja hu skont Alla.
Ħafna drabi hu żwieġ materjali u skont is-siġra l-frott.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Isiru ġisem wieħed.
Ġen 2:18-24
Qari
mill-Ktieb tal-Ġenesi
Il-Mulej
Alla qal: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd
għalih”. U l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu
tal-ajru, u ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u skont ma jkun
il-bniedem semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha. U l-bniedem ta isem lil
kull bhima u ’l kull tajra tal-ajru, u ’l kull annimal selvaġġ; imma
għall-bniedem ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih.
U
l-Mulej Alla tefa’ nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U ħadlu waħda minn
kustiljih u flokha mlieh bil-laħam. U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien
ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha lill-bniedem.
Imbagħad
il-bniedem qal:
“Din id-darba din hi għadma minn għadmi,
u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara,
għax mir-raġel ittieħdet hi”.
Għalhekk
ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem
wieħed.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 127(128):1-2,3,4-5,6
R/.
(ara 5): Iberikna l-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajjitna.
Hieni kull min jibża’
mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb! R/.
Martek tkun bħal
dielja għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek. R/.
Ara
kif ikun imbierek
il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon! R/.
Jalla
tara l-ġid ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek!
Sliem għal Iżrael! R/.
QARI II
Kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, ilkoll huma mill-istess
wieħed.
Lhud 2:9-11
Qari
mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti,
lil dak li għal ftit taż-żmien kien imniżżel ftit inqas mill-anġli, lil Ġesù,
aħna issa qegħdin narawh imżejjen fil-glorja u l-ġieħ minħabba fil-mewt li hu
bata, biex, għall-grazzja ta’ Alla, il-mewt li daq tkun għall-ġid ta’ kulħadd.
Għax
kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied
għall-glorja, jagħmel li l-Awtur tas-salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-saħħa
tas-sofferenzi.
Għax
kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, ilkoll huma mill-istess
wieħed. U għalhekk Ġesù ma jistħix isejħilhom ħutu.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Ġw 4:12
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Lil Alla għadu ħadd ma rah,
imma jekk inħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina,
u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Dak li għaqqad Alla, ma għandux jifirdu l-bniedem.
Mk 10:2-16
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
F’dak iż-żmien, resqu
xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil
martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”. Qalulu: “Mosè ta l-permess li
wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù:
“Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu
tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.
Għalhekk mela raġel
iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem
wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad
Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.
Xħin daħlu d-dar
id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u
jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq
lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.
Ġibulu quddiemu xi
tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom.
Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi;
iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom,
li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”.
Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|