Din
hija il-Liturgija tat-Tnienja u Ghoxrin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Hemm paġni fil-Vanġelu
li meta naslu fihom tixgħel f’moħħna bozza ħamra li ġġagħalna nintefgħu fuq
id-difiża; tibda ddoqq is-sirena li ma tħalliniex nisimgħu, u awtomatikament,
bla ma nindunaw, ngħalqu l-bieb ta’ qalbna li ma jidħolx xi għadu u jeqirdilna
l-kwiet u s-serenità tal-kuxjenza. Għax għalkemm f’xi wħud il-kuxjenza hi
ddrogata waħda sew, f’oħrajn taf tkun prosekutur qawwi. Il-Liturġija tal-Kelma f’dan il-Ħadd se
twasslilna kif jaħsibha Alla dwar l-għana tad-dinja, l-għana li kkumulajna
matul ħajjitna, li batejna, ħdimna u għaraqna l-għaraq għalih. Għalhekk hawn il-Kelma tidħol f’territorju
perikoluż ħafna! Anke l-Omeliji ta’ dan
il-Ħadd jafu jkunu l-itqal tas-sena għall-Presbiteri!
Huwa ċar li l-Vanġeli,
speċjalment ta’ San Luqa, u anke l-Bibbja kollha, għandhom ħafna versi
ddedikati lil dan is-suġġett u huwa suġġett jaħraq. L-Iskrittura tasal biex tgħid li l-ikbar
idolu tal-bniedem li jieħu post Alla mhux iż-żina jew xi tebgħa oħra
fil-bniedem, iżda huwa l-kilba għall-għana.
Iżrael kien jibdel lil Alla kull meta kien jistagħna. Fi żmienna, u anke fi żmien Kristu, l-idoli
tar-reliġjonijiet pagani m’għadhomx iktar ikellmu lill-ispirtu tal-bniedem, imma
satana xorta jibqa’ jippreżenta idolatrija lill-umanità, bħalma ppreżenta lil
Kristu nifsu. U l-eħfef triq
għall-apostasija, għaċ-ċaħda ta’ Alla hija l-akkwist tal-għana li jagħmlek
tiskopri b’ingann li “alla” mhux iktar l-Alla ta’ Ġesù Kristu, iżda int innifsek
li jirnexxielek tasal biex, jekk trid, tagħmel kollox, għax kif kienu jgħidu
missirijietna, bil-flus tagħmel triq fil-baħar.
Il-bniedem li jistagħna ma jibqax ifittex is-sigurtà tiegħu f’Alla imma
f’dak li kapaċi jagħmel hu u billi l-flus jixtru ħafna setgħa f’din id-dinja,
l-ingann huwa kbir. Dan l-ingann jaħkem
anke lill-fqir jew lil dawk tal-klassi tan-nofs li jħarsu lejn is-sinjuri u
jixxennqu li anke huma jkunu bħalhom.
Dan hu l-Għoġol tad-Deheb li Iżrael ivvinta għalih taħt il-Muntanja Sinaj.
Alla ħalaqna biex ngħixu kuntenti u ferħanin u
żgur li ma jrid jeħdilna xejn, u lanqas qatt jista’ jkun li għandu bżonn xi
ħaġa minn tagħna. Il-ġid tal-art ħalqu
Hu biex il-bniedem jaħkem fuqu u permezz t’hekk ikun grat lejH. Huwa Alla li jagħti d-doni u l-kariżmi
lill-bnedmin biex bihom jistagħnew u jagħmlu l-flus. Jekk wieħed hu naturali għalih li jinnegozja
u kulma jmiss b’idu jsir deheb, din il-kwalità u l-kapaċità ma ġabhiex hu jew
għallimhielu xi ħadd iżda hija don ta’ dak Alla li sawru f’ġuf ommu. Dawn huma
nies li Alla jgħinhom jistagħnew biex magħhom jiekol ħaddieħor u minnhom
jiddependu tant familji oħra.
Alla hu Mħabba u
l-Imħabba tagħti, tagħti, tagħti saħansitra lilha nnifisha. Dan hu li Alla għamel ma kull wieħed
minna. Mhux biss tana l-Ħajja, li hi
Misteru enormi, u żgur li ħadd ma xtraha, iżda abbanduna lill-Ibnu l-Waħdieni
biex bil-merti tiegħu kull wieħed minna jkun jista’, bil-Fidi, jgħix għal
dejjem! X’jiswew ħdejn dan il-muniti
msadda li jista’ jkollna, jew l-‘accounts’
fil-banek li malli jonfoħ il-maltemp fuq l-ekonomija, bħalma jagħmel kull
għaxar snin bejn wieħed u ieħor, malajr jallarmaw lil kulħadd bil-kriżijiet
tagħhom?
L-Għana hija barka ta’
Alla li lil wieħed jagħtih ħaġa u lill-ieħor jagħtih ħaġa oħra. Alla jrid, imma, jħarisna mill-idolatrija li
tippretendi mill-flus dak li Alla biss jista’ jagħtik. Dan hu l-periklu l-kbir tal-Għana. Din hi l-aljenazzjoni fina tiegħu. Imma kif tista’ tippretendi mill-għana
tiegħek is-sigurtà u s-serħan il-moħħ meta lill-Mewt ħadd ma jixtriha, u lanqas
lis-Saħħa ma tista’ tixtri? Ma tistax
tippretendi mill-flus s-Sliem u s-serħan tal-moħħ. Ma tistax mill-flus tippretendi l-Ferħ u
s-sens tal-Ħajja. Fuq kollox ma tistax
tippretendi minn dan l-idolu l-Imħabba u l-Ħajja ta’ Dejjem u r-rebħa aħħarija
fuq il-Mewt. Dawn mingħand Alla biss
jista’ jakkwistahom il-bniedem u ħafna, ħafna nies li daqu d-dinja jispiċċaw
biex jammettu li ħlew ħajjithom jiġru wara r-riħ.
Alla jgħir għall-Ferħ
tagħna, jgħir għas-Salvazzjoni tagħna.
Hu jgħir b’għira qaddisa għalina għax iħobbna għall-aħħar. Ma jistax jarana ninħlew fuq dak li
jgħaddi. Hu m’għandu bżonn lil ħadd
minnha, iżda xorta waħda kull wieħed minna jiswa quddiem Alla d-Demm ta’ Kristu
u għalhekk int u jien aħna l-mimmi ta’ għajnejn Alla. Hu jimtela bil-qilla qaddisa tiegħu kotra
l-għadu tagħna meta jarah jirnexxilu jinganna tant nies fostna bit-tentazzjoni
tal-għana.
Hemm żewġ tipi ta’
Għana, imma dawn huma għedewwa ta’ xulxin.
Hemm l-Għana tad-dinja, li fih innifsu huwa tajjeb sakemm ma nitjassrux
bih u npoġġuh qabel Alla. Imma hemm
ukoll l-Għana tal-Gherf veru, mhux dak li takkwista mill-università, li hu don
t’Alla wkoll, iżda l-Għerf li hu l-Għarfien ta’ Alla, l-Għarfien tal-Imħabba
tiegħu li mhux kulħadd jagħrafha.
L-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Għerf se jkellemna fuq dan. Kemm hu sabiħ, kemm jiswa aktar mid-deheb u
l-fidda u l-muniti l-għarfien li bih int tinagħta bi Grazzja iċ-ċertezza
tal-Ispirtu s-Santu li Alla lilek iħobbok tassew, li hu Missierek, li kulma
jiġrilek fil-Ħajja hu għall-ġid, u li kollox se jispiċċa tajjeb għax Missierek
huwa s-Sid tal-Ħajja u ta’ kollox.
Għalhekk San Pawl kien jiftaħar li għan-Nisrani, kollox hu tiegħu,
kollox, kollox. Hawn min hu għani
għad-dinja, u minħabba l-biża’ għall-flus mhux kapaċi jgawdi d-dinja daqs
wieħed fqir li għandu l-Għana ta’ Alla.
Minħabba f’hekk,
il-Ktieb tal-Għerf jgħid: “L-Għerf (ta’
Alla) jien qistu aqwa mix-xettri u t-tronijiet, u ntbaħt li l-għana m’hu xejn
ħdejh. Anqas ma xebbaħt miegħu il-ħaġra
l-aktar prezzjuża għax id-deheb kollu ħdejh mhux ħlief ftit ramel, u l-fidda
qisha daqsxejn tajn jekk tqabbilha miegħu.
Jien dan il-Għerf ħabbejtu aktar mis-saħħa u għoġobni aktar mid-dawl
għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt.”
(Għerf 7, 8-10). Din hija esperjenza, mhux xi tagħlim
jew xi ħsieb jew xi teorija fl-ajru.
Il-bniedem li kiteb dan qiegħed jirrakkota l-iskoperta mmensa tiegħu li
hi miftuħa għal kulħadd. Mhux ta’ b’xejn
li l-paġni tal-Iskrittura jħajruna induqu
biex naraw kemm hu tajjeb il-Mulej. (S. 34, 9).
Kienet l-esperjenza tiegħu li lil San Pawl (u lil kull Nisrani veru)
ġagħlitu jesklama kollu ferħan: Aħna
nħabbru dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma
tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh. (1 Kor. 2,
9).
Iżda li l-bniedem jiġi ngannat
mill-ħolma tal-flus hi l-eħfef ħaġa, anzi hi xi ħaġa skont in-natura mwaqqa’
tad-dinja u ta’ dawk kollha li jgħixu fiha.
Hu faċli l-ingann. Hu faċli li
ngħidu: “Le, għalija l-flus m’humiex idolu, mhumiex tant importanti. Jien nużahom lilhom u mhux huma jużaw
lili!” Ilkoll kemm aħna nistgħu naqgħu
f’dan l-ingann u Alla jħallina ngħaddu minn xi waħda biex nindunaw. Pereżempju dik li jidhrilna li tkun
inġustizzja f’xi wirt. Malajr nindunaw
kemm huma mportanti l-flus għalina.
Ilkoll ninkwetaw ħafna fuqhom.
Inkunu sinċieri: ilkoll lesti nitilgħu il-Qorti jekk naħsbu li xi ħadd
ħadilna xi ħaġa għax ikun serqilna parti minn Ħajjitna. Kapaċi nibqgħu miġġieldin ma’ xi ħadd
sal-Mewt fuq l-imbierek għana.
Imma jekk aħna ningannaw ruħna,
il-Kelma ta’ Alla ma tiġix ingannata.
Taqra lil qalbna bħal ktieb miftuħ.
Għalhekk l-Ittra lil-Lhud, fit-Tieni Qari, tgħidilna: “Il-Kelma t’Alla hi ħajja u qawwija, taqta’
aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tagħrbel il-ħsibijiet l-fehmiet tal-qalb. Xejn m’hemm fil-ħolqien li hu moħbi
għaliha.” (Lhud 4, 12w). Alla jridna ngawdu l-ġid, la tahulna Hu, imma
gwaj għalina jekk nagħtu lill-flus il-qima li tixraq lil Alla waħdu.
L-ingann tal-flus iġibna lejn
ir-rakkont tal-Vanġelu; Vanġelu twil li jitkellem bil-miftuħ fuq l-għana
tad-dinja u l-periklu li hemm għal dawk li jistagħnew fih. Quddiem Ġesù mar wieħed għani, li kellu ħafna
intenzjoni tajba u kien “reliġjuż”, iżda, bla
ma kien jaf, kien immensament ingannat, bħalma ħafna jkunu. Kien jaħseb li hu ġust u tajjeb, imma, milli
jidher, dawn il-ġustizzja u t-tjubija tiegħu ma tantx tawh is-Sliem li huma wegħdu.
“Inwettaq il-Kmandamenti
kollha! X’għandi nagħmel iktar?” Biex wieħed jasal biex jgħid li hu jobdi
l-Kmandameti kollha, irid ikun tassew miġnun, ingannat, moħħu mxerred, fi bżonn
li xi ħadd jixxukkjah u jġibu fil-verità.
U dan hu li Ġesù jagħmel miegħu.
“La int hekk tajjeb, u la l-Kmandamenti huma tant ħfief għalik...
tajjeb, aqbad ġidek u agħtih lil-foqra.
Imbagħad ejja warajja.” Ġesù ma
kienx sorpriż li din il-Kelma tefgħet lil dak il-bniedem fi kriżi tal-biża’. “X’nagħmel?
Mela qed niġġennen!” U telaq ħafna iktar imdejjaq milli kien meta
ġie. Imma issa kien aktar għaref. Induna li l-ebda Kmandament ma kien jobdi
għax il-Flus kienu n-“number one”
f’Ħajtu u kollox kien jiġi wara... il-qima lejn Alla, l-imħabba lejn
il-ġenituri u l-proxxmu... kollox.
Dan mhux faċli li niskopruh, iżda
tkun Grazzja, bħalma rċieva dan il-bniedem tal-Vanġelu. Jekk nindunaw, min jaf,
għandu mnejn nibdew nużaw ġidna skont Alla billi nagħmlu karità ma’ tant nies
fil-bżonn, ngħinu l-Evanġelizzazzjoni li twettaq il-Knisja... u tibda tinduna
kemm nies tferraħ. Dawn se jkunu jgħajtu
għalik quddiem Alla f’Jum il-Ħaqq għax int tkun “mellaħt” ġidek u għamiltu
qaddis bil-karità tiegħek.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Intbaħt li l-għana mhu xejn ħdejn il-għerf.
Għerf 7:7-11
Qari mill-Ktieb
tal-Għerf
Jien tlabt u qlajt
l-għaqal;
sejjaħt, u ġie fuqi l-ispirtu tal-għerf.
Dan l-għerf qistu aqwa minn kull xettru u tron,
u ntbaħt li l-għana mhu xejn ħdejh.
Ma xebbahtx miegħu l-ħaġra l-aktar prezzjuża,
għax id-deheb kollu ħdejh mhuwiex ħlief ftit ramel,
u l-fidda quddiemu qisha ftit tajn.
Aktar mis-saħħa u s-sbuħija ħabbejtu,
u għoġobni aktar mid-dawl;
għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt.
Mal-għerf ġieni l-ġid kollu,
u miegħu ġiebli għana bla qies.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 89(90):12-13,14-15,16-17
R/. (14): Imliena
bit-tjieba tiegħek, Mulej.
Għallimna ngħoddu jiem
ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur
lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek. R/.
Imliena
kmieni bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ferraħna daqskemm għakkistna,
għas-snin li fihom rajna l-ħsara. R/.
Ħa
jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek,
u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. R/.
QARI II
Il-Kelma ta’ Alla tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.
Lhud 4:12-13
Qari
mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti,
il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar;
hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u
tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb. Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu
moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu
kont.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5:3
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Mur, bigħ li għandek, u ejja u imxi warajja.
Mk 10:17-30
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù
kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel
għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb
il-ħajja ta’ dejjem?”.
Qallu Ġesù: “Għaliex
qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti
tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux
bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”.
U dak wieġbu u qallu:
“Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu
ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih
lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal
dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.
Ġesù mbagħad ħares
ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu
fis-Saltna ta’ Alla!”. Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’
qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef
li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’
Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mela min
jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax
ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.
Qabeż Pietru u qallu:
“Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom,
li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil
ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi
tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix,
għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi
flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|