Sunday, 05 December 2021
           
Home
IT-TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2021) POPLU LI QED JITLEF ID-DAWL PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 23 October 2021

Din hija il-Liturgija tat-Tletin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

gesu_u_l_ghama.jpg

 

Ninsabu fi żmien delikat u mportanti għall-Knisja.  Żmien ta’ mportanza epokali, sejjaħlu San Ġwann Pawlu II.  Dawk li jiftakru l-Knisja tal-imgħoddi u mikulin bin-nostalġija għaliha, jiftakru l-knejjes mimlija bin-nies anke kuljum.  Jiftakru ħajja li kienet iddur madwar il-Knisja u ċ-ċelebrazzjonijiet tagħha.  Kien żmien li fih meta wieħed kien jaqa’ fi kriżi ta’ Fidi minħabba xi ċirkostanzi diffiċli, kien jibqa’ jittama fil-Mulej, għax kienet ħaġa tal-biża’ li wieħed jitlef il-Fidi.

 

Għal dawn in-nies nostalġiċi, donnu li kollox qiegħed jikkrolla u jaqa’.  Jistagħġbu meta jaraw kif inbidlu l-valuri ta’ poplu.  Fil-verità, il-Fidi ġġagħalna naħsbu mod ieħor.  Alla huwa Sid l-Istorja.  Kollox qed jiġri bħala parti minn Pjan Qaddis ta’ Alla li jrid ineżża’ l-Knisja minn dak li hu żejjed, li kien jagħti frott fl-imgħoddi imma għadda żmienu.  Kif qal xi ħadd: “Kif jista’ jkun li xi darba l-Knisja tkun fi kriżi, tinfixel, taqta’ qalbha, tħossha mhedda li l-għedewwa ser jirbħulha... kif jista’ jkun dan meta l-Kelma ta’ Alla turina li dan il-Poplu li jemmen huwa l-Ġisem mistiku ta’ Kristu rebbieħ fuq il-Mewt?  Il-Mewt ma tistax taħsad il-ħajja mill-Knisja għax, Kristu, ir-Ras tagħha, rebaħ darba għal dejjem il-mostru tal-Mewt.  Il-Knisja hija l-Ġisem glorjuż tal-Mulej rebbieħ fuq dak kollu li jkidd il-bniedem. Huwa l-poplu, mhux il-Knisja, li jinsab miexi fid-dlam.  Huwa l-poplu, li qed jitlef id-Dawl u qed jagħma.  Huwa l-poplu, li safa mqarraq mill-kultura dominanti neo-pagana tal-lum li qegħda tofrilu t-tlellix inutli tal-għana.

Din mhix storja ġdida.  Iżrael għaddha mill-istess esperjenza.  Stagħna.  Simen.  Nesa l-bżonn ta’ Alla li ħarġu mill-Eġittu u li fiH kellu għeruqu.  Ikkopja l-kultura tal-ġirien pagani.  Tilef id-Dawl u agħma.  Dak li kien jagħmlu differenti u jagtih l-identità, ċedieħ.  Bħal Għeżaw, ħu Ġakobb, hu biegħ il-primoġenitura għal platt għazz.  Sar komuni, bħall-oħrajn.  Ir-riżultat?  Ġie eżiljat minn pajjiżu, l-Art tal-Wegħda.  Ġerusalemm meqruda; it-Tempju mikul min-nar; u l-kotra tal-poplu misjuqa mill-għedewwa lejn l-art ta’ Babilonja.

 

Ġeremija kien il-profeta li quddiem għajnejh ġara dan id-diżastru kollu.  Kien għex il-missjoni tiegħu jipprova jsalva dak li kien mitluf.  Kien jaf x’hemm imdendel fuq il-poplu għax kellu d-dixxerniment tal-Ispirtu.  Imma l-poplu ddieħaq bih u l-kbarat ippersegwitawh.  Iżda, għalkemm Alla kien imwarrab, Hu kien għadu s-Sid ta’ kollox.  Hu ried li jsaffi mhux jeqred.  Hu ried li jġedded mhux jikkastiga.  Għal Alla kollox fih sens.  Il-poplu kellu bżonn jgħaddi minn esperjenza ta’ ġiri wara r-riħ biex jinduna li anke jekk ikollok id-dinja kollha, jekk m’għandekx lil Alla int tlift l-għeruq tiegħek li bihom terda’ l-Ħajja.  Ġew l-għedewwa u l-gwerra għamlet dak li dejjem tagħmel.  Il-poplu li kien bla Alla spiċċa fl-Eżilju.

 

Imma fil-qalba ta’ dan kollu ġara fatt kurjuż.  Alla jgħid lil Ġeremija biex  imur jixtru biċċa art.  Ġeremija jistagħġeb.  Bil-belt se taqa’ l-aħħar nett f’idejn l-għedewwa rrabbjati għaliha, bil-pajjiż imkisser, u bl-Eżilju fil-qrib, kien tal-ġenn li xi ħadd jixtri xi ħaġa biex jiżviluppaha!  U l-profeta, li sadanittant kien il-ħabs, jagħmel kif qallu Alla għax fehem li Iżrael għad jerġa’ lura lejn artu, imġedded, imsoffi, u mqaddes, u mill-ġdid għad jithenna bl-Art li Alla kien tah.  Għalhekk l-Ewwel Qari tal-lum jikkwota lil Ġeremija li kollu ferħan, waqt id-dieqa nazzjonali, jgħid: “Dan jgħid il-Mulej: Għannu bil-ferħ għal Ġakobb, sellmu lill-ewlieni fost il-ġnus!  Il-Mulej se jsalva l-poplu tiegħu.  Arawni se niġborhom mit-tramuntana.  Jiena nfarrraġhom u ngħaddihom minn triq dritta li ma jitfixklux fiha.  Għax jien sirt missier għal Iżrael, u Efrajm it-tifel il-kbir tiegħi.” (Ġer. 31, 7w).

 

Il-Knisja hija l-Iżrael ta’ Alla llum.  Hija l-“Fdal” li tibqa’ fidila lejn il-Mulej.  Hija d-Dawl li tkeċċi d-dlam tad-dinja.  Hija l-Ġisem tal-Qassis il-Kbir li huwa Kristu kif tgħid l-Ittra lil-Lhud.  Għal Kristu, u allura għall-Knisja li hija mwaħħda fiH, Alla jgħid: “Ibni int; illum jien nissiltek.” U kif tgħid ukoll band’ oħra: “Int Qassis għal dejjem skont l-ordni ta’ Melkisedek.”  (Lhud 5, 6).  Hi dejjem tħares lejn il-bnazzi li riesaq fil-qalba tal-maltemp għax taf f’min emmnet.  Il-Papa Benedittu XVI kien profeta meta fis-sena 1969 qal:

 

“Mill-kriżi se toħroġ Knisja li ssir ċkejkna.  Se titlef segwaċi u magħhom ħafna mill-privileġġi tagħha fis-soċjetà.  Se tippreżenta ruħha bħala komunità ħielsa, li fiha tista’ tidħol biss permezz ta’ deċiżjoni, (u mhux għax idaħħlek ħaddieħor, jew minħabba l-kultura tal-pajjiż).  Li tkun komunità żgħira, se titlob ħafn’aktar inizjattiva minn kull wieħed mill-membri tagħha.

 

Imma f’dan it-tibdil, il-Knisja se terġa ssib dak li hu essenzjali għaliiha: il-fidi fl-Alla Trinitarju, f’Ġesù Kristu, Bin Alla, magħmul bniedem, l-għajnuna tal-Ispirtu li se tibqa’ sal-aħħar.  Il-Knisja għal darb’oħra se terġa’ tagħraf il-veru ċentru tagħha fil-fidi u fit-talb u se terġa’ tgħix is-sagramenti bħala ċelebrazzjoni.

 

Imma wara l-prova ta’ dal-firdiet, se toħroġ qawwa kbira minn Knisja li daħlet daħla fiha nfisha u li saret sempliċi, għax il-bnedmin se jkunu weħidhom b’mod li ma jingħadx f’dinja għalkollox kontrollata.  Se jġarrbu l-faqar assolut u tal-waħx tagħhom, meta Alla jgħib totalment minn ħajjithom.  U mbagħad se jiskopru l-komunità żgħira ta’ dawk li jemmnu bħala xi ħaġa għalkollox ġdida.  Bħala tama għalihom, bħala tweġiba li dejjem fittxew.

 

Jidhirli li żminijiet diffiċli ħafna qed jistennew lill-Knisja.  Żgur li ma tibqax il-forza dominanti fis-soċjetà fil-qies li kienet sa ftit żmien ilu.  Imma se terġa’ twarrad u se terġa’ tidher lill-bnedmin bħala art twelidhom li ttihom il-ħajja u t-tama lil hinn mill-mewt.”

 

L-Insara, dalwaqt ikunu dawk li wara li jkunu daqu żmien twil ta’ agħma, ta’ vojt, iduru mimlija ħerqa lejn Kristu u jgħajtulu: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”  (Mk. 10, 47).  Għax bħall-agħma Bartilmew bin Timew se jgħarfu li fi Kristu biss, għaddej minn quddiemhom fil-figura tal-Knisja, hemm tama.  Il-poplu, bħal adoloxxenti li qed jara d-dinja għall-ewwel darba, jintilef warajha, jimpressjona ruħu b’li jgħid u jagħmel ħaddieħor barra mill-ġenituri tiegħu li minnhom irċieva kollox.  Imma jasal jum meta jgħid f’qalbu:  “Ma missieri u ommi kont aħjar; kellhom raġun!”  U jerġa lura, matur,  konvint, imġedded.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Il-Mulej salva l-poplu tiegħu.
Ġer 31:7-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Dan jgħid il-Mulej:
“Għannu bil-ferħ għal Ġakobb,
sellmu lill-ewlieni fost il-ġnus.
Xandru, faħħru u niedu:
‘Il-Mulej salva l-poplu tiegħu,
il-fdal ta’ Iżrael’.

Arani, se nġibhom minn art it-tramuntana,
niġborhom minn truf l-art,
ilkoll kemm huma,
l-għomja u z-zopop,
in-nisa bit-tfal u n-nisa fil-ħlas:
kotra kbira terġa’ lura hawn.
Jiġu bil-biki,
imma nfarraġhom jiena u nġibhom lura.
Immexxihom lejn l-ilma ġieri,
minn mogħdijiet watja biex ma jitfixklux.
Għax jien missier għal Iżrael,
u Efrajm hu ibni l-kbir”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 125(126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6

R/.(3): Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna. R/.

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom”.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.

Biddel, Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.

Huma u sejrin imorru jibku,
iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura jiġu b’għana ta’ ferħ,
iġorru l-qatet f’idejhom.
R/.

QARI II
Int qassis għal dejjem.
Lhud 5:1-6

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Kull qassis il-kbir meħud minn fost il-bnedmin, hu mqiegħed għall-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, biex joffri doni u sagrifiċċji għad-dnubiet. Hu dak li jista’ jagħder ’il dawk li ma jafux u li jiżbaljaw, għax huwa mlibbes bid-dgħufija; u minħabba f’hekk għandu joffri sagrifiċċji għad-dnubiet tiegħu wkoll, bħalma joffrihom għad-dnubiet tal-poplu.

Ħadd m’għandu jieħu b’idejh dal-ġieħ għalih innifsu, imma biss min hu msejjaħ minn Alla, sewwasew kif kien imsejjaħ Aron. Għax hekk ukoll Kristu ma tax lilu nnifsu l-ġieħ li jkun il-qassis il-kbir, imma dan tahulu Alla, li qallu: “Ibni int; illum jien nissiltek”. U kif jgħid ukoll band’oħra: “Int qassis għal dejjem skont l-ordni ta’ Melkisedek”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Tim 1:10

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt
u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Mgħallem, agħmel li jiena nara.
Mk 10:46-52

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”.

Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.

Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.

U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma. U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >