Din
hija il-Liturgija tat-Tnejn u Tletin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fid-Diskors
tal-Muntanja, fost it-Tmien Beatitudnijiet, Ġesù qal: “Henjin il-fqar fl-ispirtu għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.” (Mt. 5, 3). Dawk li huma
fqar fl-ispirtu huma dawk li huma umli.
Dawn huma ċ-ċkejknin tal-art, li ma jippretenduhiex, ma jagħmlux
storbju, is-skiet hu naturali għalihom.
Billi għandhom qalbhom umli, huma miġbuda biex iwetttqu r-Rieda ta’ Alla
bla ma joqogħdu jirraġunaw u jtellgħu u
jniżżlu. Huma dawk li ftit li xejn
għandhom x’jitilfu għax huma mitluqin f’dirgħajn il-Mulej għax jafdaw lilU u
mhux lil moħħhom jew fihom infushom.
Huma tant umli għax għarfu l-verità fuqhom infushom, xi ħaġa li aħna
lkoll aħna mistiedna nagħmlu jekk irridu nikkonvertu bis-serjetà.
Meta bniedem jiġi mdawwal
mill-Ispirtu s-Santu dwaru nnifsu u dwar l-Istorja tiegħu, hu jagħraf kemm hu
xejn, kemm hu dgħajjef, kemm prova ħajtu kollha jgħatti l-għera tiegħu bi
ftaħir fieragħ, bil-pulikarji, bil-maskri li dejjem libes quddiem in-nies. Hu jagħraf kemm dan it-tip ta’ ħajja jgħejji
lill-bniedem, jgħerrilu l-ispirtu tiegħu, dejjem iħossu mhedded li ma
jirnexxix, li l-oħrajn ma jgħidulux prosit.
Hi qagħda tal-biża’ din li fiha
naqgħu aħna lkoll. Nittalbu l-Ħajja li
m’għandniex mingħand ħaddieħor li qed jitlob l-istess ħaġa mingħandna. Meta l-bniedem jiddawwal fuq dan kollu, u
jammetti l-verità, almenu miegħu nnifsu, isir umli, ċkejken. Jagħraf li Alla jħobbu hekk kif inhu; anzi
l-Mulej hu l-waħdieni li jħobbu anke jekk mhux tajjeb, jekk mhux bravu, jekk hu
għeri minn opri tajba, bid-difetti ovvji tiegħu. Anzi, tiġi l-Kelma li tgħidlu li Alla hekk
ħabbu li miet għalih mhux meta kien
tajjeb iżda meta kien għadu tiegħu,
(ara Rum. 5, 8-10), mimli bih innifsu,
jiżżufjetta b’ħaddieħor u magħluq f’solitudni għax ikun jaf li ħadd ma jħobbu
tassew. Meta fi Kristu msallab jagħraf
li, jekk ħadd ma ħabbu, Alla hekk ħabbu li offra lil Ibnu stess għalih, dan
l-għarfien, din il-Fidi tibdillu qalbu u jimtela bi Mħabba ġdida lejn min ħabbu
tant. Jekk hu kien Ġuda, ħafna drabi, hu
jagħraf li Kristu ħabb lil Ġuda
sal-aħħar, sal-aħħar.
Bniedem bħal dan ma jibqax
jippretendiha iktar. Tagħlima kbira
għalina hija l-parabbola ta’ Ġesù dwar il-Fariżew u l-Pubblikan li telgħu
fit-Tempju biex jitolbu. Waqt li
l-Fariżew “reliġjuż”, li qatt ma għaraf lilu nnifsu, beda jiftaħar fit-talb
tiegħu, il-Publikan midneb, li seraq u ġagħal ibatu tant nies, beda jħabbat fuq
sidru għax kien jaf li ħaqqu l-infern għal mitt darba. Kien hu li nbidlitlu qalbu mhux l-ieħor.
Iżrael minn dejjem kellu “fdal” ta’
ftit nies li kienu jixbħu lill-armla ta’ Sarefta li se niltaqgħu magħha
fl-Ewwel Qari u lill-armla tal-ħabba li tat għat-Tempju fil-Vanġelu li għandna.
Dan il-fdal, il-ftit umli u ċkejknin kienu jissejħu l-“anawim”. L-Iskrittura
titkellem fuq dawn in-nies bħala dawk li kienu fqar imma baqgħu dejjem fidili
lejn Alla anke jekk imdawrin minn kull xorta ta’ diffikulta. Dawn l-anawim
kienu jissejħu wkoll “il-fdal fidil”.
San Ġwanni Pawlu II darba għamel katekeżi sabiħa fuq dawn in-nies. Huma kienu vulnerabbli, imwarrb mis-soċjetà,
ekonomikament baxxi, u mingħajr l-ebda difiża.
Huma kienu għalhekk jiddependu għal kollox fuq Alla. Marija kienet waħda minn dawn għax hi stess
tkanta dan fil-Magificat.
Huma nies, dawn, li ma jirraġunawx,
ma jużawx moħħhom, imma fuq Kelma ta’ Alla, jirriskjaw kollox. L-armla li jiltaqa’ magħha Elija, tatu
l-biċċa ħobż li kienu se jieklu hi u binha qabel imutu bil-ġuħ, għax fih rat “bniedem
ta’ Alla”. Hi emmnet il-Kelma ta’ barra
minn hawn li qalilha: “Din hi l-kelma
tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael: il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt
ma jitbattalx, sa dak in-nhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż.” (1 Slat. 17, 14). Tinstema’ qisha thewdin tal-ġenn din
il-Kelma. Imma din il-mara, li kienet
pagana wara kollox, emmnitha u billi emmnet li Alla kien kapaċi jwettaq dak li
qalilha l-profeta, hi tat Glorja lil Alla bħalma tah Glorja Abraham li emmen li
minn bniedem xiħ bħalu u minn mara sterili bħal martu seta joħroġ ġens li ma
tgħoddux! Dan hu l-mod kif wieħed jagħti
l-ikbar Glorja lil Alla, u huma dawk ta’ qalbhom umli li jaslu biex jagħmlu dan.
Normalment aħna nikkalkulaw kemm
nifilħu. Iżda huma dawk li jirriskjaw
bil-kbir f’Alla li jaraw il-Glorja tiegħu fl-Istorja ta’ Ħajjithom. Aħna nibqgħu lura għax ma nafdawx, u hekk
il-Fidi tibqa’ fuq il-livell ta’ tagħlim u qatt ma ssir ħajja billi tkun għexet
laqgħa ma’ Kristu, esperjenza ta’ Alla.
Din hi l-qabża li hemm bżonn
inwettqu, minn sempliċi “reliġjożità” għal Fidi li tqanqal il-muntanji, (ara Mt.
17, 20), fi Kristu ħaj.
Din il-Fidi timbuttana biex, bħala
nies fqar u dgħajfa, niggranfaw ma’ Kristu u nistennew minnU biss
is-Salvazzjoni tagħna. Aħna ma nistgħux
insalvaw lilna nfusna, u din hemm bżonn indaħluha tajjeb f’moħħna. Is-Salvatur tagħna wieħed hu: Kristu Ġesù li,
kif jgħid it-Tieni Qari, Hu offra lilu
nifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet ta’ kulħadd. (Lhud 9, 28). Ħadd minna, l-ebda qaddis, m’għandu l-ħila
jpatti għal dnubietu, jifdi lilu nnifsu, iħallas il-prezz tal-Fidwa
tiegħu. Hu Alla waħdu li kapaċi jagħmel
dan u biex jifdi lill-bnedmin kollha kollha tad-dinja, li ġew, li hawn illum u
li għad jiġu, huwa libes laħam ta’ bniedem bħal tagħna biex ikun jista’ jitla’
l-għolja tas-Salib mgħobbi bil-ħmieġ tagħna.
Fuq is-Salib kien qed imut id-dnub tagħna. Min jemmen dan tassew, m’għadx baqagħlu xi
jħallas. Hu ġust. F’għajnejn il-Missier hu qaddis għax emmen
f’din l-Opra kbira u nfinita tiegħU f’Ibnu.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
L-armla għamlet ftira żgħira u ġibitha lil Elija.
1 Slat 17:10-16
Qari mill-Ewwel Ktieb
tas-Slaten
F’dak
iż-żmien, il-profeta Elija qam u rħielha lejn Sarefta. Kif wasal ħdejn bieb
il-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejħilha u qalilha: “Jekk
jogħġbok, ġibli f’bieqja belgħa ilma x’nixrob”.
Hi
u sejra, Elija raġa’ sejħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra
ħobż f’idek”. Hija wieġbet: “Daqskemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma għandi
xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra u ftit żejt fil-kus kulma baqagħli. Ara,
qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni; u
mbagħad nikluha u mmutu”.
Elija
wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għedtli: imma qabel agħmel ftira żgħira
għalija, u ġibhieli. Imbagħad agħmel għalik u għal ibnek. Għax din hi l-kelma
tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt
ma jitbattalx, sa dakinhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż”.
U dik marret u għamlet
kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien, hi u hu, u darha kollha. U l-ġarra
tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej
permezz ta’ Elija.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 145(146):7,8-9a,9bċ-10
R/.(1):
Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Il-Mulej
jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. R/.
Il-Mulej
jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej iħobb lill-ġusti;
il-Mulej iħares lill-barranin. R/.
Il-Mulej
iżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.
QARI II
Kristu offra lilu nnifsu darba biss.
Lhud 9:24-28
Qari
mill-Ittra lil-Lhud
Kristu
ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha
tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem
Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma
l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor. Li
kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja.
Iżda
issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi
d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom
imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra
lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa’ jidher
darb’oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin
jistennewh bil-ħerqa.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5:3
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd.
Mk 12:38-44
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù
kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li
jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u
fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin
fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna
jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”.
Ġesù kien qiegħed
biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja
bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar,
jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.
Hu sejjaħ id-dixxipli
tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn
dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom,
imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex
tgħix”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|