Din
hija il-Liturgija tat-Tlieta u Tletin Hadd matul is-Sena (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ninsabu fit-tmiem is-Sena
Liturġika, sena li nittamaw li kienet mimlija grazzji għal kulħadd. Anzi kienet sena ta’ grazzja, bħal kull sena
oħra li ġiet qabilha għax dak hu li jaf jagħmel Alla: jinagħta, jinagħta, u
jerġa’ jinagħta. Nibqgħu ċerti li anke
f’avvenimenti li ma għoġbuniex, Hu kien kapaċi jdawwar għat-tajjeb dak li
f’għajnejna deher li ma kien grazzja xejn.
Kien hemm min qal li r-rigali tal-Mulej jiġu għandna mgeżwrin f’karti
tal-gazzetti. Milli jidher il-Mulej ma
tantx iħobb jagħmel “marketing”
tajjeb bħalma tagħmel il-kultura ta’ żmienna!
Anzi l-kontra: Hu jibni l-Fidi tagħna billi jħallina “ngħixu” mumenti
ta’ dlam biex nindunaw waħedna li huwa fid-dlam li jitwieled, jinsilet id-Dawl;
huwa fil-lejl li jinħema ż-żerniq; huwa fil-prova li tinbena l-Fidi.
F’dawn il-waqtiet
liturġiċi tal-aħħar tas-Sena, il-Knisja tirrifletti dwar tema, suġġett li
d-dinja taħarbu aktar milli taħrab il-bard.
Jeżisti t-Tmiem. Dan jimmarkana u
jikkondizzjonana psikoloġikament.
Il-bniedem huwa egoista għax hu miġrugħ b’ferita daqshiex fl-intern
tiegħu għax jaf li hu għad irid jispiċċa, ħajtu trid tispiċċa, saħansitra
d-dinja trid tispiċċa. Malli għamel
l-esperjenza tad-“dnub”, li huwa l-“indipendenza” minn Alla, il-plakka tad-dawl
inqalgħetlu minn mas-“socket” u daħal
fid-dlam. Dik l-enerġija “elettrika” li
kellu dieħla ġo fih, li hi l-Ħajja ta’ Dejjem, inqatgħet. Il-bniedem sar ilsir tat-“Tmiem”. Beda jara s-sinjali tat-“Tmiem” meta ġismu
beda jixjieħlu, u qed naraw is-sinjali
tat-“Tmiem” tad-dinja madwarna, jekk irridu naraw. Għax f’din id-dgħufija u l-prekarjeta ta’ ma
jafx x’se jiġri, il-bniedem ħaġa jaf jagħmel: jipprova jinsa, ma jaħsibx,
jaljena ruħu... u nduna li hu kapaċissimu jivvinta affarijiet li jaljenawh! Imma ż-Żmien hemm qiegħed, iż-Żmien,
iż-Żmien! Mal-Mewt daħal iż-Żmien. Iż-Żmien għaddej. Il-ġimgħat itiru. It-Tmiem riesaq, tiegħi u ta’ kollox.
Hu għalhekk li hemm
limitu għat-tajjeb li l-bniedem kapaċi jagħmel minnu nnifsu. Ġesù jitkellem fuq il-bniedem meħlus
mill-marka tal-Mewt u tat-Tmiem, u taż-Żmien billi jgħid li dan il-bniedem ikun
kapaċi jħobb saħansitra lill-għadu li qed jipprova joqtlu bi kliemu jew b’xi
vjolenza. Huwa l-bniedem imfejjaq minn
din il-ġerħa fl-ispirtu tiegħu li jista’ “jgħix” tassew, “iħobb” tassew u
saħansitra jirbaħ it-Tmiem. U min jista’
jfejqu lill-bniedem jekk mhux Kristu u Kristu waħdu, il-Waħdieni li rebaħ
il-Mewt għalina?
Huwa l-bniedem
imfejjaq fi Kristu li ma jibżax jaħseb fuq il-Mewt u fuq is-sinjali
tagħha. Ġesù jgħid: “Meta l-fergħa tas-siġra tat-tin tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu
li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta
taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb.” (Mk. 13, 28). Il-bniedem
fis-sakra bl-aljenazzjonijiet, ma jindunax bis-sinjali taż-żminijiet, imma
n-Nisrani iva.
Umanament, dan hu suġġett ta’
dieqa. Il-ġisem ma jridx imut, u jibgħat
sinjali ta’ tensjoni quddiem id-deħra tat-Tmiem li riesaq. L-Ewwel Qari jurina lill-Profeta Danjel jibki
quddiem id-dehra ta’ taqlib tal-aħħar żminijiet. Il-qari qed jitkellem fuq il-kosmos kollu,
fuq il-ħolqien, imma dan jgħodd għall-Istorja ta’ kull individwu wkoll. Iżda l-Anġlu tal-Faraġ jersaq lejn il-bniedem
tal-Fidi u jfarrġu bi kliem ħelu u qawwi fl-istess ħin. “Il-bnedmin
bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ’l
hafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.” (Dan. 12, 3).
Allura qegħda tixxandar hawn
il-Ħajja ta’ Dejjem. Dak li l-bniedem
tilef fil-bidu, dik l-enerġija “elettrika” ta’ Ħajja għal dejjem li ħierġa minn
Alla, issa jista’ jakkwistaha mill-ġdid bil-Fidi fl-Iben tal-Missier li ġie
mibgħut biex iħallas il-prezz li l-ebda bniedem ma jista’ jħallas. Bħal Danjel, anke Ġwanni l-Evanġelista
fil-Ktieb tal-Apokalissi, jinfexx jibki kemm jiflaħ għax ħadd u ħadd ma hu
kapaċi jikser is-siġilli tal-Ktieb tal-Ħajja.
Imma kemm Danjel u kemm Ġwanni jitfarrġu bis-sħiħ għax dehret Tama
għall-bniedem. L-Evanġelista jara l-Ħaruf li kien maqtul imma li issa hu
Ħaj u Rebbieħ li jikser is-siġilli tal-Ħajja li tibda tinagħta mill-ġdid! Hallelujah!
Għandu raġun is-Salmista, li jxomm
mill-bogħid din ir-Rebħa tal-Ħaruf, jiftaħ garġih u jgħajjat: “Tifraħ għalhekk qalbi u tithenna ruħi, u
ġismi jistrieħ bil-kwiet. Għax inti ma
tħallix lil ruħi fl-imwiet, ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir. Inti turini t-triq tal-ħajja, hemm il-milja
tal-ferħ quddiemek, hemm għaxqa għal dejjem f’lemintek.” (S. 15, 9-11). Min hu n-Nisrani, allura, jekk mhux dak li
għandu r-Rebħa fuq il-Mewt, fuq iż-Żmien, u fuq it-Tmiem? Kristu hu ferm ikbar minn xi “reliġjon” li
tgħinna nkunu “tajbin”. Kristu huwa
r-Rebħa fuq il-Mewt! Għalhekk ġie fid-dinja,
biex bil-Misteru tal-Għid jagħti lili, lilek u lil dawk li jittamaw fiH il-garanzija,
il-kapparra, l-“assurance”
li inqasam is-saqaf tal-konkrit li kien jifridna mis-Sema u t-Triq lejn
il-Ħajja issa hi miftuħa beraħ.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
F’dak iż-żmien il-poplu tiegħek jinħeles.
Dan 12:1-3
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Danjel
F’dak
iż-żmien iqum Mikiel, il-prinċep il-kbir, dak li qiegħed fuq ulied il-poplu
tiegħek. Imbagħad jiġi żmien ta’ għawġ, li qatt ma jkun deher ieħor bħalu minn
mindu ġens kien ġens sa dak iż-żmien. Imma jkun żmien li fih il-poplu tiegħek
jinħeles, dawk kollha li jkunu nstabu miktuba fil-ktieb.
U
ħafna minn dawk li huma rieqda fit-trab tal-art jistenbħu, min għall-ħajja ta’
dejjem u min għall-għajb u l-istmerrija għal dejjem. Il-bnedmin bil-għaqal
ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ’l ħafna
fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 15(16):5,8,9-10,11
R/.(1):
Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Mulej,
inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.
Hekk
tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.
Int
tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.
QARI II
Kristu għamel perfetti għal dejjem ’il dawk li huwa jqaddes.
Lhud 10:11-14,18
Qari
mill-Ittra lil-Lhud
Kull
qassis ieħor imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu, u joffri u jerġa’
joffri l-istess sagrifiċċju, bla ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet. Imma Kristu,
wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa
tal-lemin ta’ Alla, fejn qiegħed jistenna sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu
mirfes taħt riġlejh. Għax hu b’offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil
dawk li huwa jqaddes. Issa, fejn hemm il-maħfra tad-dnubiet, ma hemmx għalfejn
issir aktar l-offerta għad-dnubiet.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 21:36
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Ishru u itolbu l-ħin kollu,
biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri
u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ.
Mk 13:24-32
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù
qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam,
il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet
tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa
kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin
tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.
Mis-siġra
tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq,
intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li
hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma
jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak
il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas
l-Iben; ħadd ħlief il-Missier”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|