Din
hija il-Liturgija ta' l-ewwel Hadd ta' l-Avvent (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Insellmu lill-qarrejja ta’ din il-paġna, u fil-bidu ta’ Sena Liturġika
ġdida nawguraw il-Grazzja l-Kbira lil kulħadd.
Din il-Grazzja l-Kbira hi li aħna nidħlu dejjem iktar, bis-saħħa u
d-Dawl tal-Ispirtu s-Santu, fil-Misteru ta’ Kristu, fil-Misteru tal-Mewt u
l-Qawmien tiegħU. Din hi l-ikbar u
l-ogħla Rigal li Sid is-Sema u l-art jista’ qatt jagħtina. Dan hu l-għana veru, l-Għerf tassew! Li tagħraf l-Imħabba li Alla għandu għalik u
li wrihielna f’Ibnu; hu dan li jagħti sens lill-ħajja.
Fil-bidu tas-Sena tagħha, il-Knisja tgħajjat: “Maran Atha!”, esklamazzjoni
Aramajka li bi lsienna tfisser: “Mulej Ejja!”
In-Nisrani jaf li hu pellegrin fuq l-art. Iktar kemm jikber fis-snin u fl-Għerf qaddis,
iktar jagħraf li pajjiżu huwa s-Sema, hemm fejn hemm jistennih Dak li qalbu
tafu sewwa, Dak li hu jkun skopra, li
jkun għaraf: il-Mulej Ġesù li ma jmut qatt. Hemm fejn tgħammar l-Imħabba bla qjies u bla
kundizzjoni li lesta tgħannqu magħha.
Hemm fejn l-għejja taħrab u l-Mulej jixxotta minn għajnejna d-dmugħ
tal-esperjenzi tagħna fuq l-art u jnixxef għal kollox il-ġrieħi tagħna u aħna
nsiru “Imħabba”, ingastati fil-Mulej għal dejjem.
Il-Knisja tgħajjat “Maran Atha” fil-bidu ta’ dan iż-żmien qaddis tal-Avvent
għax taf li l-Mulej wiegħed li Hu għad jerġa’ lura fid-dinja fit-tmiem ta’
kollox, biex jiġbor lil dawk li huma
mmarkati bis-Salib fuq ġbinhom, jiġifieri lil dawk li fihom il-Magħmudija
Qaddisa kibret u tat frott kotran ta’ Ħajja ta’ Dejjem. Għax kien fil-Magħmudija li aħna ġejna
mmarkati bis-salib fuq ġbina, biż-żejt ifuħ tal-Ispirtu s-Santu. Iżda hemm ħafna li fihom dan baqa’ biss rit
li ma kibirx għax ma ssaqqiex bil-Kelma, bis-Sagramenti, bl-għożża tal-Knisja.
Għalihom, iż-żerriegħa qaddisa waqgħet fuq il-blat fejn il-ħamrija kienet
skarsa u malajr nixfet fix-xemx, jew fil-mogħdija u ntrifset mill-qawwiet
tal-ħażen, jew qalb l-għollieq fejn ix-xewk tal-passjonijiet ħonquha. X’ħasra!
Dawn huma n-nies li nbiegħu lill-idoli tad-dinja li huma l-flus,
il-poter, is-suċċess, iż-żina, it-tbaħrid, il-fama, il kburija...
Quddiem il-profezija ta’ tmiem id-dinja, jitwerwru u jitħawdu, u bir-raġun
għax dejjem investew fiha. Din
il-profezija jemminha kulħadd, mhux għax tħabbarha l-Kelma Qaddisa ta’ Alla,
iżda għax iħabbruha wkoll ix-xjenzjati.
Infatti, l-fatt li l-pjaneta tagħna ilha marida huwa s-suġġett l-iktar
li nisimgħu fuqu. L-egoiżmu tal-bniedem
wasal biex jirvina saħansitra l-art, il-baħar, il-ħlejjaq bil-kwiekeb
b’kollox! Daqshekk huwa profond u kbir
id-“Dnub” li twieled fl-Għeden.
Iżda l-bniedem li “sab” lil Kristu, iħares ’il quddiem bi ħrara li mhix
skont in-natura tad-dinja. Dawk li ssallbu
ma’ Kristu neżgħu l-bniedem il-qadim, bil-frugħat tiegħu kollha, u għalkemm
ġisimhom jixjieħ, bħalma xjaħet id-dinja, minn ġewwa għandhom żogħżija li
dejjem tiġġedded. Huma dawn li jgħajtu
“Maran Atha! Mhux li tiġi Mulej! Mhux li ċċarrat is-smewwiet u narawk ġej biex
tiġborna miegħek!” Mhux li kien li nkunu
magħduda magħhom.
Dawn huma n-nies fidili li dwarhom Ġwanni l-Evanġelista jikteb Kliem
tal-għaġeb, ispirat, aħna nemmnu, mill-Ispirtu s-Santu. Huma dawk li “laqgħu lil Ġesù u tahom is-setgħa li jsiru ulied Alla, dawk li jemmnu
f’ismu, li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda
tal-bniedem, iżda minn Alla.” (Ġw. 1,
12-13). Dawn huma l-Insara
“veri”. Aħna lkoll twelidna fiżikament
mill-“ġibda tal-ġisem” u mir-rieda tal-ġenituri tagħna. Iżda hemm Twelid ieħor... Twelid li jixbaħ
lil dak ta’ Kristu nnifsu... Twelid li mhux skont in-natura imma hu twelid
spiritwali. Dawk li jilqgħu il-Fidi
jitwieldu mill-ġdid fi Kristu, jitwieldu mill-Ispirtu s-Santu, jitwieldu għal
natura ġdida li mhix dik ta’ Adam, natura divina. Isiru xebħ ta’ Kristu. U dawn mhumiex biss il-qaddisin
“tan-niċeċ”. Tista’ tkun il-ġara tiegħek
li qegħda taħraq ħajjitha f’sagrifiċċju quddiem Alla billi ma tafdax għal
mument wieħed lil missierha jew lil żewġha marid f’qiegħ ta’ sodda. Hemm fejn tgħammar l-Imħabba, hemm jgħammar
Alla.
Sikwit wieħed jistagħġeb għaliex hawn il-mibegħda fid-dinja għal min
jipprova jagħmel il-ġid. Ġwanni jgħid: “L-aħwa, tistagħġbux jekk id-dinja
tobgħodkom. Nafu li għaddejna mill-mewt
għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab fil-mewt.” (1 Ġw. 3, 13-14). Minn hawn ġejja l-mibegħda lejn il-Knisja
għax ħafna jinsabu fil-mewt għax qatt ma twieldu mill-ġdid fi Kristu. Ma jafux x’inhi l-Imħabba ta’ Alla. Min skopra din, mhux għax hu aħjar
mill-oħrajn. Hu l-ewwel wieħed li għandu jħabbat fuq sidru u jgħajjat: “Xi Grazzja messitni bla ma
jistħoqqli!” “Hawn qegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax
ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.” (1 Ġw. 4, 10). Dan ifisser li Hu ħabbna meta aħna ma
konniex inħobbuH! Ma ħabbniex għax konna
tajbin, imma Hu ssallab għalina meta konna midinbin u fil-bżonn urġenti li Xi
Ħadd jinagħta għalina gratis bħala tpattija għall-ħażen naturali tagħna.
Imma jekk dan nemmnu tassew, allura aħna ninbidlu fiH u dan hu Miraklu
Morali tal-għaġeb! Minn midinbin insiru
nies ġusti mhux għax ġusti minna nfusna iżda għax jagħmilna ġusti Hu, il-Mulej
Ġesù, bil-merti li Hu rebaħ f’isimna b’tant tbatija. Hu jibdilna fiH biex sakemm għadna hawn
nixhdu għalih billi nħobbu lil kulħadd, anke lil dawk li jippersegwitawna. Bl-Ispirtu qaddis li Hu jagħtina ikollna
l-ħila ngħixu d-Diskors tal-Muntanja. B’hekk nafu li aħna ngħammru fih u Hu fina,
għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu.
Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla.
(1 Ġw. 4, 13. 15).
X’nista’ nagħmel jien ħlief li nawgura dan kollu lil kull min jaqra dawn
il-versi. Is-Sena t-Tajba lil kull min
għandu għal qalbu l-Knisja ta’ Kristu.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa.
Ġer 33:14-16
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Ġeremija
Ara, għad jiġu jiem
– oraklu tal-Mulej –
meta nġib fuq dar Iżrael u dar Ġuda
l-ġid li wegħedthom.
F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien
intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa,
bniedem li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż.
F’dawk il-jiem Ġuda jinħeles
u Ġerusalemm tgħammar b’moħħha mistrieħ,
u għalhekk isejħulha:
Il-Mulej is-sewwa tagħna.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 24(25):4bċ-5ab,8-9,10,14
R/. (1b): Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej.
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.
Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.
Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà
għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.
Midħla l-Mulej ta’ dawk li jibżgħu minnu,
lilhom jgħarraf il-patt tiegħu. R/.
QARI II
Il-Mulej iqawwilkom qalbkom għal meta jiġi Sidna Ġesù.
1 Tess 3:12–4:2
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lit-Tessalonikin
Ħuti, jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom
bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma aħna nħobbu lilkom,
ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla, Missierna,
għal meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu.
Fl-aħħar, ħuti, intom tgħallimtu mingħandna kif
għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq qegħdin iġġibu ruħkom; aħna
f’Sidna Ġesù nitolbukom u nħeġġukom biex tagħmlu xi ħaġa iżjed. Tafu x’tagħlim
tajniekom permezz ta’ Sidna Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI
QABEL L-EVANĠELJU
Salm 84(85):8
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
Lq 21:25-28,34-36
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun
hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom
ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ;
in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax
il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.
Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba,
b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu
raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma
jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja
jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum
li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru,
mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri
u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|