Wednesday, 26 January 2022
           
Home arrow Home
L-EWWEL HADD TAL-AVVENT (2021) MARAN ATHA! EJJA MULEJ GESŁ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 27 November 2021

Din hija il-Liturgija ta' l-ewwel Hadd ta' l-Avvent (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 ewwel_hadd_avvent_2021.jpg

 

Insellmu lill-qarrejja ta’ din il-paġna, u fil-bidu ta’ Sena Liturġika ġdida nawguraw il-Grazzja l-Kbira lil kulħadd.  Din il-Grazzja l-Kbira hi li aħna nidħlu dejjem iktar, bis-saħħa u d-Dawl tal-Ispirtu s-Santu, fil-Misteru ta’ Kristu, fil-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien tiegħU.  Din hi l-ikbar u l-ogħla Rigal li Sid is-Sema u l-art jista’ qatt jagħtina.  Dan hu l-għana veru, l-Għerf tassew!  Li tagħraf l-Imħabba li Alla għandu għalik u li wrihielna f’Ibnu; hu dan li jagħti sens lill-ħajja. 

 

Fil-bidu tas-Sena tagħha, il-Knisja tgħajjat: “Maran Atha!”, esklamazzjoni Aramajka li bi lsienna tfisser: “Mulej Ejja!”  In-Nisrani jaf li hu pellegrin fuq l-art.  Iktar kemm jikber fis-snin u fl-Għerf qaddis, iktar jagħraf li pajjiżu huwa s-Sema, hemm fejn hemm jistennih Dak li qalbu tafu sewwa, Dak li hu jkun skopra, li  jkun għaraf: il-Mulej Ġesù li ma jmut qatt.  Hemm fejn tgħammar l-Imħabba bla qjies u bla kundizzjoni li lesta tgħannqu magħha.  Hemm fejn l-għejja taħrab u l-Mulej jixxotta minn għajnejna d-dmugħ tal-esperjenzi tagħna fuq l-art u jnixxef għal kollox il-ġrieħi tagħna u aħna nsiru “Imħabba”, ingastati fil-Mulej għal dejjem.

 

Il-Knisja tgħajjat “Maran Atha” fil-bidu ta’ dan iż-żmien qaddis tal-Avvent għax taf li l-Mulej wiegħed li Hu għad jerġa’ lura fid-dinja fit-tmiem ta’ kollox, biex  jiġbor lil dawk li huma mmarkati bis-Salib fuq ġbinhom, jiġifieri lil dawk li fihom il-Magħmudija Qaddisa kibret u tat frott kotran ta’ Ħajja ta’ Dejjem.  Għax kien fil-Magħmudija li aħna ġejna mmarkati bis-salib fuq ġbina, biż-żejt ifuħ tal-Ispirtu s-Santu.  Iżda hemm ħafna li fihom dan baqa’ biss rit li ma kibirx għax ma ssaqqiex bil-Kelma, bis-Sagramenti, bl-għożża tal-Knisja. 

Għalihom, iż-żerriegħa qaddisa waqgħet fuq il-blat fejn il-ħamrija kienet skarsa u malajr nixfet fix-xemx, jew fil-mogħdija u ntrifset mill-qawwiet tal-ħażen, jew qalb l-għollieq fejn ix-xewk tal-passjonijiet ħonquha.  X’ħasra!  Dawn huma n-nies li nbiegħu lill-idoli tad-dinja li huma l-flus, il-poter, is-suċċess, iż-żina, it-tbaħrid, il-fama, il kburija...

 

Quddiem il-profezija ta’ tmiem id-dinja, jitwerwru u jitħawdu, u bir-raġun għax dejjem investew fiha.  Din il-profezija jemminha kulħadd, mhux għax tħabbarha l-Kelma Qaddisa ta’ Alla, iżda għax iħabbruha wkoll ix-xjenzjati.  Infatti, l-fatt li l-pjaneta tagħna ilha marida huwa s-suġġett l-iktar li nisimgħu fuqu.  L-egoiżmu tal-bniedem wasal biex jirvina saħansitra l-art, il-baħar, il-ħlejjaq bil-kwiekeb b’kollox!  Daqshekk huwa profond u kbir id-“Dnub” li twieled fl-Għeden.

 

Iżda l-bniedem li “sab” lil Kristu, iħares ’il quddiem bi ħrara li mhix skont in-natura tad-dinja.  Dawk li ssallbu ma’ Kristu neżgħu l-bniedem il-qadim, bil-frugħat tiegħu kollha, u għalkemm ġisimhom jixjieħ, bħalma xjaħet id-dinja, minn ġewwa għandhom żogħżija li dejjem tiġġedded.  Huma dawn li jgħajtu “Maran Atha!  Mhux li tiġi Mulej!  Mhux li ċċarrat is-smewwiet u narawk ġej biex tiġborna miegħek!”  Mhux li kien li nkunu magħduda magħhom.

 

Dawn huma n-nies fidili li dwarhom Ġwanni l-Evanġelista jikteb Kliem tal-għaġeb, ispirat, aħna nemmnu, mill-Ispirtu s-Santu.  Huma dawk li “laqgħu lil Ġesù u tahom is-setgħa li jsiru ulied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.”  (Ġw. 1, 12-13).  Dawn huma l-Insara “veri”.  Aħna lkoll twelidna fiżikament mill-“ġibda tal-ġisem” u mir-rieda tal-ġenituri tagħna.  Iżda hemm Twelid ieħor... Twelid li jixbaħ lil dak ta’ Kristu nnifsu... Twelid li mhux skont in-natura imma hu twelid spiritwali.  Dawk li jilqgħu il-Fidi jitwieldu mill-ġdid fi Kristu, jitwieldu mill-Ispirtu s-Santu, jitwieldu għal natura ġdida li mhix dik ta’ Adam, natura divina.  Isiru xebħ ta’ Kristu.  U dawn mhumiex biss il-qaddisin “tan-niċeċ”.  Tista’ tkun il-ġara tiegħek li qegħda taħraq ħajjitha f’sagrifiċċju quddiem Alla billi ma tafdax għal mument wieħed lil missierha jew lil żewġha marid f’qiegħ ta’ sodda.  Hemm fejn tgħammar l-Imħabba, hemm jgħammar Alla.

 

Sikwit wieħed jistagħġeb għaliex hawn il-mibegħda fid-dinja għal min jipprova jagħmel il-ġid.  Ġwanni jgħid: “L-aħwa, tistagħġbux jekk id-dinja tobgħodkom.  Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma  jħobbx jinsab fil-mewt.”  (1 Ġw. 3, 13-14).  Minn hawn ġejja l-mibegħda lejn il-Knisja għax ħafna jinsabu fil-mewt għax qatt ma twieldu mill-ġdid fi Kristu.  Ma jafux x’inhi l-Imħabba ta’ Alla.  Min skopra din, mhux għax hu aħjar mill-oħrajn.  Hu l-ewwel wieħed  li għandu jħabbat fuq sidru u  jgħajjat: “Xi Grazzja messitni bla ma jistħoqqli!”  “Hawn qegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.”  (1 Ġw. 4, 10).  Dan ifisser li Hu ħabbna meta aħna ma konniex inħobbuH!  Ma ħabbniex għax konna tajbin, imma Hu ssallab għalina meta konna midinbin u fil-bżonn urġenti li Xi Ħadd jinagħta għalina gratis bħala tpattija għall-ħażen naturali tagħna.

 

Imma jekk dan nemmnu tassew, allura aħna ninbidlu fiH u dan hu Miraklu Morali tal-għaġeb!  Minn midinbin insiru nies ġusti mhux għax ġusti minna nfusna iżda għax jagħmilna ġusti Hu, il-Mulej Ġesù, bil-merti li Hu rebaħ f’isimna b’tant tbatija.  Hu jibdilna fiH biex sakemm għadna hawn nixhdu għalih billi nħobbu lil kulħadd, anke lil dawk li jippersegwitawna.  Bl-Ispirtu qaddis li Hu jagħtina ikollna l-ħila ngħixu d-Diskors tal-Muntanja.  B’hekk nafu li aħna ngħammru fih u Hu fina, għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu.  Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u  hu f’Alla.  (1 Ġw. 4, 13. 15).

 

X’nista’ nagħmel jien ħlief li nawgura dan kollu lil kull min jaqra dawn il-versi.  Is-Sena t-Tajba lil kull min għandu għal qalbu l-Knisja ta’ Kristu.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

QARI I
Intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa.
Ġer 33:14-16

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Ara, għad jiġu jiem
– oraklu tal-Mulej –
meta nġib fuq dar Iżrael u dar Ġuda
l-ġid li wegħedthom.
F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien
intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa,
bniedem li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż.
F’dawk il-jiem Ġuda jinħeles
u Ġerusalemm tgħammar b’moħħha mistrieħ,
u għalhekk isejħulha:
Il-Mulej is-sewwa tagħna.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 24(25):4bċ-5ab,8-9,10,14

R/. (1b): Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej.

Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà
għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.
Midħla l-Mulej ta’ dawk li jibżgħu minnu,
lilhom jgħarraf il-patt tiegħu. R/.

QARI II
Il-Mulej iqawwilkom qalbkom għal meta jiġi Sidna Ġesù.
1 Tess 3:12–4:2

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin

Ħuti, jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma aħna nħobbu lilkom, ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla, Missierna, għal meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu.

Fl-aħħar, ħuti, intom tgħallimtu mingħandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq qegħdin iġġibu ruħkom; aħna f’Sidna Ġesù nitolbukom u nħeġġukom biex tagħmlu xi ħaġa iżjed. Tafu x’tagħlim tajniekom permezz ta’ Sidna Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 84(85):8

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
Lq 21:25-28,34-36

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >