Wednesday, 26 January 2022
           
Home
IT-TIENI HADD TAL-AVVENT (2021) IN-NAR TA’ GWANNI L-BATTISTA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 04 December 2021

Din hija il-Liturgija tat-Tieni Hadd ta' l-Avvent (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 san_gwann_jghallem.jpg

 

Fomm l-Arkanġlu, il-Ħabbar, kellem lill-qassis li ma kellux ħila jemmnu.  “Hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija.”  (Lq. 1, 17).  Quddiem il-mogħdija tal-Mulej fil-ħajja tal-bniedem dejjem tqum taqtigħa bejn Fidi u Raġuni.  Żakkarija ma kienx Abraham.  Ma sabx fih innifsu Fidi biex jemmen li l-wegħda li kien qed jagħmillu dan ix-“Xi Ħadd” li kellu quddiemu setgħet isseħħ.  Hu u martu kienu lil hemm fiż-żmien mill-età tal-prokrejazzjoni bħalma kienu Abraham u Sarah imma waqt li Abraham ta Glorja lil Alla billi emmen li Hu kien kapaċi jagħmel dak li jgħid u għalhekk ġie meqjus “ġust” minn Alla, Żakkarija mmuta, ma setax jagħti Glorja lill-Mulej għax m’emminx l-Aħbar it-Tajba.

 

Imma Żakkarija ma setax iżomm ir-“ritorn” tal-Profeta tan-Nar, Elija, milli jitwieled fil-figura tal-iben imwieled mill-ġewwieni tiegħu.  Il-poplu kien jemmen li qabel il-wasla tal-Messija, kellu jidher Elija li kellu jqajjem lil Iżrael mir-raqda, mit-telqa ta’ sekli.  Hekk kien ħabbar  il-Profeta.  Dan il-personaġġ imponenti kellu jqanqal l-ilma qiegħed, kellu jmur lejn il-periferiji u jinkesa bir-riħa timbuttak tan-ngħaġ mitlufa minn dar Iżrael.  Kellu jitbiegħed mill-“kumdità” tat-Tempju, tal-Liturġiji vojta għax ma kinux jirriflettu iktar dak li hemm fil-qalb.  Anke jekk  kien mir-razza tal-qassisin, Ġwanni telaq lejn id-deżert minflok lejn Ġerusalemm u hemm niżel il-kenosi tiegħu fl-inħawi tal-Qumran ma’ sħabu l-Esseni, grupp imwarrab mis-soċjetà, imma li kienu qed ifittxu li jkunu mħejjija għall-wasal ta’ Dak li kien imwiegħed.

Kemm hu tqil għalina  nifhmu lil dawn in-nies li kellhom tensjoni li kienet timbuttahom lejn Alla bħala s-sens waħdieni tal-Ħajja!  X’aljenazzjoni terribbli daħħlitna fiha l-kultura materjalista li sibna ruħna fiha!  X’saqaf tal-konkrit hemm jifridna minn Alla!  Tlifna s-sens tas-Sagru.  Missirijietna sawru statwi tal-Qaddisin kważi għal kull kantuniera tat-triq għax kullimkien kien Sagru għalihom mhux miz-zuntier ’il ġewwa biss. 

 

Ġwanni huwa l-frott ewlieni li ħareġ minn dawn in-nies  Esseni tad-deżert, nies “kbar” għax saru “żgħar”.  Ġwanni kien il-bniedem “tan-Nar”, Elija l-ġdid, dak li qatta’ minn fuqu l-irbit tad-dinja u tal-użanzi.  Bħal Ġeremija seta’ jgħid li ma setax ma jitkellimx bla kontrol u bla diplomazija anke quddiem is-setagħna għax kellu Nar jaqbad f’għadmu li ma setax iżommu.  In-Nar tal-Ispirtu s-Santu!  In-Nar tal-Kelma!

 

Kellu għajnejn, Ġwanni, li fihom in-nies kienet tara dan in-Nar jaqbad.  Kellu għajnejn li bihom kien jaqra lil kull min kien jieqaf quddiemu.  Kien iħares u jilmaħ qalb il-Fariżej, l-iskribi u s-Sadduċej u kien jimtela b’qilla qaddisa quddiem il-faċċjoliżmu ta’ tant nies kemm fir-“reliġjon” kif ukoll barra minnha.  Kien jinħall quddiem in-nies sempliċi, komuni, trasparenti, li kienu jiġu għajjiena quddiemu jittamaw f’xi Kelma, jittamaw fil-mistrieħ tar-rit sempliċi tiegħu.

 

Bħalma Baruk farraġ lill-għajjiena ta’ żmienu, hekk Ġwanni xegħel bit-Tama tal-Messija lill-mitluqa maġenb il-Ġordan.  “Neħħi minn fuqek, Ġerusalemm, ilbies il-vistu u n-niket tiegħek, u ilbes għal dejjem id-dija tal-glorja ta’ Alla.  Għax Alla għad juri sbuħitek lid-dinja taħt ix-xemx.”  (Bar. 5, 1w).  Baruk kien “xamm” il-Glorja tal-Kristu, imnissel minn Alla nnifsu f’ġuf il-Verġni ta’ Iżrael.  Ġarra dgħajfa u mxaqqa kien Iżrael, imma x’Teżor ġarr fih innifsu!  “Qum, Ġerusalemm, itla’ fl-għoli, u ħares madwarek lejn il-Lvant, ara ’l uliedek miġmugħa minn fejn tinżel ix-xemx sa fejn titla’, għall-Kelma tal-Qaddis.”  (Bar. 5, 5).  Anke llum, il-Knisja għandha bżonn tisma’ din il-Kelma ta’ faraġ!  Anke  jien u int, kull wieħed minnha.  Kull min iħobb lill-Knisja ta’ Kristu hu mistieden jitlob biex jinagħtawlu għajnejn li jaraw l-Opra kbira li l-Missier qiegħed iwettaq fil-Knisja.  Ħafna jgħid li l-Knisja hi fi kriżi, hi fl-Eżilju fejn marret Ġerusalemm qabilha. 

 

Imma l-Avvent ixandar ħaġa waħda:  Alla jeżisti!  Alla deher fostna fil-ġisem, fil-Persuna ta’ Kristu Ġesù, Ibnu, li rebaħ il-Mewt għal dejjem.  Hu ħalla warajh Ġemgħa ta’ nies bin-Nar tal-Fidi mqabbad fihom.  Dawn huma l-Knisja, il-Ġisem ta’ Dak li ma jista’ jmut qatt.  Qatt mhi fi kriżi l-Knisja, għax kif jista’ l-Ġisem ta’ Dak li rebaħ il-Mewt jimrad jew imut?  Iżda, kif qal San Pawlu VI: “Hemm bżonn li f’kull ġenerazzjoni l-Knisja titwieled mill-ġdid bħal donnha qatt ma kienet teżisti!”  “Ecclesiam semper riformanda”, jekk qed nikteb b’Latin tajjeb!  Il-Knisja dejjem tirriforma ruħha, mhux għax in-nies, di natura, jħobbu jirriformaw ruħhom, iżda għax jirriformaha Alla.  U dak hu li qed jagħmel bħalissa, bħalma għamel f’kull seklu.

 

Kuraġġ!  Nisimgħu lil Ġwanni jiftaħ garġih u jgħajjat:  “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja!”  (Ġw. 1, 29).  L-Għammiedi ra dak li l-Profeti kollha, in-nies ġusti ta’ qablu, is-Slaten u l-għorrief ta’ Iżrael xtaqu fuq li xtaqu li jaraw u ma rawhx!  Dak li Kristu qal lil Pietru, joqgħod fuq li joqgħod għal Ġwanni: “Hieni int, Ġwanni bin Żakkarija, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet.”  (Mt. 16, 17). 

 

Mhux li kien li anke aħna tmissna din ix-xorti hienja li naraw fil-Messija it-tweġiba tal-Missier għal kulma jtaqqalna, kulma nixtiequ nibdlu f’Ħajjitna, il-Mewt li theddidna, il-ġrieħi ġewwinija li nġorru fina.  Kristu huwa s-soluzzjoni ta’ kollox.  Kulma jivvinta l-bniedem huwa biss tweġiba kożmetika, li tagħmel il-ġid tassew, imma għal ftit.  Kristu jfejjaq il-qalb.  Hu biss jidħol hemm ġew fejn hemm it-tiċrita li minnha ħiereġ il-gass li jivvelenana u jagħlaqhielna.  Nistennew!  Nittamaw!  Nishru! 

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum

 

QARI I
Alla għad juri sbuħit Ġerusalemm lid-dinja.
Baruk 5:1-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk

Neħħi minn fuqek, Ġerusalemm, ilbies il-vistu u n-niket tiegħek,
u ilbes għal dejjem id-dija tal-glorja ta’ Alla.
Ilbes mantar il-ġustizzja ta’ Alla,
qiegħed fuq rasek id-dijadema tal-glorja ta’ Alla ta’ dejjem.
Għax Alla għad juri sbuħitek lid-dinja taħt ix-xemx,
Alla jsemmik għal dejjem:
“Sliem tal-Ġustizzja” u “Glorja tal-Qima ta’ Alla”.
Qum, Ġerusalemm, itla’ fl-għoli, u ħares madwarek lejn il-Lvant,
ara ’l uliedek miġmugħa, minn fejn tinżel ix-xemx sa fejn titla’,
għall-kelma tal-Qaddis, ferħana li Alla ftakar fihom.
Telqu mingħandek bil-mixi, imkarkra mill-għedewwa,
u issa Alla se jġibhomlok,
merfugħin fil-ġieħ bħalkieku fuq tronijiet is-slaten.
Għax Alla ordna; jitniżżlu l-muntanji għolja, u l-għoljiet ta’ dejjem,
jimtlew il-widien u titwitta l-art,
biex hemm Iżrael jimxi ’l quddiem, bla tfixkil ta’ xejn,
taħt il-ħarsien ta’ Alla.
U l-foresti u s-siġar tal-fwieħa jixħtu dellhom għal fuq Iżrael,
bl-ordni ta’ Alla.
Għax Alla jmexxi lil Iżrael ferħan,
b’dawl il-glorja tiegħu,
imsieħba mill-ħniena u l-ġustizzja ħierġa minnu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 125(126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6

R/.(3): Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna. R/.

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.

Biddel, Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.

Huma u sejrin, imorru jibku,
iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Iżda huma u ġejjin lura,
jiġu b’għana ta’ ferħ, iġorru l-qatet f’idejhom. R/.

QARI II
Kunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu.
Fil 1:4-6,8-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom, minħabba s-sehem li intom ħadtu fix-xandir tal-Evanġelju, mill-ewwel jiem sal-lum. Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù. Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù! U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu, mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja permezz ta’ Ġesù Kristu, għall-glorja u l-foħrija ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 3:4,6

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu:
u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.
Lq 3:1-6

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka tal-artijiet tal-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Iżaija:
“Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Kull wied jimtela,
kull muntanja u għolja titbaxxa,
il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,
u t-triqat imħarbta jitwittew.
U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >