Wednesday, 26 January 2022
           
Home
IT-TIELET HADD TAL-AVVENT (2021) IL-FIDUCJA LI TAGHMILNA FERHANIN PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 11 December 2021

Din hija il-Liturgija tat-Tielet Hadd ta' l-Avvent (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.

3hadd_avvent.jpg

 

Xi sbuħija l-Vanġelu!  Xi sbuħija l-Aħbar it-Tajba li ġabilna l-Mulej Ġesù!  Xi ġmiel meta aħna nemmnu li aħna tant importanti għall-Missier li Hu bagħat lil Ibnu biex jinkarna f’laħam bħal tagħna u jiġi jaqsam magħna din il-Ħajja fuq l-art!  X’ma nifirħux meta niskopru li Alla hu Mħabba, xejn ħlief Imħabba; Imħabba għal dejjem għax Hu jgħix għal dejjem; Imħabba għalija, għalik, għad-dinja kollha! 

 

Quddiem dan il-Misteru enormi li jiddi b’dija li “tagħmina”, biex ngħidu hekk, għandu raġun San Pawl meta fit-Tien Qari jgħid:  “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa ngħidilkom, ifirħu!  Tħabblu raskom b’xejn!”  (Fil. 4, 4w).  Jalla l-għarfien ta’ min hu tassew Kristu ikun l-għajn tal-ferħ tagħna mhux biss fi żmien il-Milied, iżda matul is-sena kollha, u għal ħajjitna kollha.  “Ifirħu fil-Mulej!  Tħabblu raskom b’xejn!” Tinkwetaw b’xejn!

 

Għaliex qed jgħid dan il-kliem?  Għax Pawlu, u kull Nisrani li mmatura fil-Fidi, jaf tajjeb li Alla hu l-Pa tagħna, l-“Abba” tagħna, il-Missier kollu għożża tagħna.  Kemm drabi ma aċċettajniex lilna nfusna hekk kif aħna!  Kemm drabi stħajni bina nfusna u biex ma nidhrux dak li aħna lbisna tilja maskri quddiem ħaddieħor.  Kemm tbatija meta ma tistax tkun dak li int!  Imma quddiem il-Missier, tħabblu raskom b’xejn.  Tinkwieta b’xejn!  Kun dak li int quddiemU.  Inkunu dak li aħna, għax Hu jħobbna hekk  kif aħna, eżatt hekk kif aħna.  M’għandniex għalfejn nippruvaw  nimpressjonawH!  Wara kollox Hu jaf min aħna!  Hu jafna “inside out” u xorta Hu miġnun fuqna!

Ma jaranix bħala “ħżiena” anke meta niżbaljaw, anke meta ngħejjew infittxuH, anke meta jkollna aptit nibagħtuh jixxejjer!  Hu  jħares lejna u jara uliedu li huma mjassra, maqbudin f’xibka fina li minnha ma nistgħux noħorġu aħna waħedna.  Din hija n-natura li rċivejna mingħand il-ġenituri tagħna u li huma rċivew mingħand il-ġenituri tagħhom sa ma naslu għand Adam.  Qalb il-Missier tinħall quddiem il-ħsara li ġratilna u jaf li anke jekk irridu nagħmlu l-ġid, insibu dejjem il-ħażin qrib idejna u lilu nagħmlu.  Mill-ġdid mhux għax ħżiena iżda għax ilsiera.

 

Il-Missier jaf li inutli jpoġġi Liġi quddiem in-natura marida tagħna!  Kif nistgħu ngħixu x-“Shemà”, jiġifieri li nħobbuH fuq kollox u fuq kulħadd b’qalbna kollha, b’moħħna kollu u bis-saħħa tagħna kollha!  Kif nistgħu?  Jekk inkunu sinċieri jkollna ngħidu li llkoll infallu quddiem dan il-Kliem tal-Ħajja għax in-natura tagħna ma tasalx għal dan.  Kif se nħobbu lill-ieħor meta l-ieħor huwa rival, jheddina, jagħmilna mdejqin?  Il-Fariżej kienu jemmnu li huma kienu nies speċjali u kienu kapaċi jgħixu l-Liġi, imma minħabba f’hekk saru midinbin!

 

Alla jħobbna hekk  kif aħna, limitati, imsieken, dgħajfa.  Iżda hu jrid ibiddilna!  Irid ibiddilna tant li bil-mod il-mod jeħlisna min-natura ta’ Adam u jagħtina n-natura ta’ Ibnu Ġesù;  ikollna n-natura ta’ Alla nnifsu!  Dawn huma ħwejjeġ enormi li ġennew lill-qaddisin, mhux dawk ta’ ġon-niċeċ biss iżda dawk kollha li emmnu fil-Misteru tal-Għid ta’ Ġesù.  Il-Missier bagħat lil Ibnu biex imut u jqum mill-Mewt biex aħna nsiru bħalU.  Aħna nsiru bħalU mhux bil-merti tagħna.  Malli nibdew naħsbu ż-żejjed fuq il-merti tagħna nidħlu f’art kollha ċaflis u aktarx li niżilqu waħda nobis u nsiru tajn waħedna, kollna ħmieġ tas-suppervja. 

 

Il-merti ta’ Kristu, kollha kemm huma saru l-merti tiegħi, il-merti tiegħek, il-merti tagħna lkoll li nemmnu fih.  Jekk nemmnu li bil-Mewt tiegħu Kristu ħassar id-dejn kollu li kellna u li għad ikollna mal-Missier, aħna nsiru ġusti għax inkunu qed nemmnu fl-ikbar opra tal-Missier, opra aqwa mill-ħolqien innifsu.  Jekk nemmnu li meta l-Missier qajjem lil Ibnu mill-Mewt u għamlu Spirtu li jinagħta lin-nies li jemmnu fiH, aħna nirċievu gratis, bi Grazzja, din in-natura tiegħU.  U n-natura ta’ Ġesù hija natura rebbieħa fuq il-Mewt.

 

Mhux ta’ b’xejn li lill-Insara li rċivew dan kollu, San Pawl jgħidilhom: “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu.  Tħabblu raskom b’xejn!”  (Fil. 4, 4w).  Anzi jgħid xi ħaġa oħra: “Il-ħlewwa tagħkom ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha!”  (Fil. 4, 5).  Għax tiġri xi ħaġa kbira: In-Nisrani li fih jikber Ġesù, li tikber fih in-natura ta’ Ġesù, isir ħelu ma’ kulħadd, jgħin lil kulħadd, jinagħta għall kulħadd.  U dan mhux bi sforz, għax Kristu ma kienx jisforza biex iħobb, biex jgħin, biex ikun ħelu.  Anke fir-relazzjoni mal-għadu jiġru dawn l-affarijiet!  Min jista’ jgħid li dawn l-affarijiet jista’ xi darba jagħmilhom hu, bis-saħħa tiegħu?  Hija n-natura ta’ Ġesù li tikber fina u tieħu post dik ta’ Adam li twettaq dan kollu. 

 

Meta nfaħħru l-Qaddisin, meta ngħidu t-tajjeb fuq min ikun qed jgħix ħajja mogħtija għal ħaddieħor, ma nkunux infaħħru lilhom imma lil Ġesù li kiber fihom.  Il-Missier bagħatilna lil Ġesù biex fiH u biH aħna nerġgħu lura lejn l-oriġini tal-bniedem, kif kien qabel id-dnub.  Imma l-milja ta’ dan kollu nsibuh fis-Sema, fejn hemm il-Ħajja eterna tistenniena.  Imma dan induquh minn hawn.  U għax induquh minn hawn, aħna nsiru xhieda ta’ Ġesù. 

 

Dawk li m’għandhomx lil Ġesù jistaqsu: “Imma kif jirnexxilek tissaportih lil dak?  Kif jiernexxilek tati ħinek għal ħaddieħor, għax nipprova kemm nipprova dan ma nagħmlux, u lanqas irrid nagħmlu!”  Huwa f’dak il-ħin li int tħoss l-imbuttatura mill-Ispirtu biex tixhed għal Ġesù: li Ġesù hu kollox; li int m’int xejn ħlief midneb, imma f’Ġesù inagħtalek kollox.  Min jixhed għal Ġesù ma jistax ma jitkellimx fuq I-Imħabba tal-Missier għalih li dehret  fl-Iben meta ġie fid-dinja.

 

Din l-Imħabba libset ġisem u ġiet għandna, ġiet b’risq tagħna, fl-għar imbierek ta’ Betlehem.  Ġwanni l-Għammiedi jħabbrilna dan il-Ġid li ġiena.  Hu jgħolli leħnu quddiemna.  Dan hu Ġwanni l-veru, dak li jgħolli leħnu u jimbuttana lejn il-konverżjoni vera.  Għax dawk li ma jikkonvertux ifisser li ma jemmnux fl-Imħabba tal-Missier u allura dak kollu li għidna dwar in-Nisrani, huma ma jgawduh qatt.  U din id-dinja taf tkun infern... infern maħluq mill-bnedmin li jirrifjutaw l-Aħbar it-Tajba li bagħtilna l-Missier. 

 

Min jagħti dahru lil Ġwanni u ma jagħtix kas ta’ dak li jgħid hu, jintrabat mad-dinja, imma kulma hu tad-dinja riesaq lejn il-Mewt, irid jew ma jridx.  Ġwanni jsejħilna għall-ħelsien mill-frugħa.  Kulma mhux etern, hu frugħa.  Kulma ma jservix għall-Ħajja ta’ Dejjem hu xejxi giddieb.  Ħafna jiżżewġu lid-dinja, lill-kultura tagħha, lill-ekonomija tagħha li ma tħallix lill-bniedem ħin biex jaħseb fuq min ħalqu b’Imħabba.

 

Imma min iħares lejn Ġwanni l-Battista u jara f’għajnejh is-sinċerità ta’ bniedem li sab it-Teżor tal-Ħajja u jixtieq jgħaddih lilu, allura jgħodd għalih il-kliem tal-Profeta Sofonija: “Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon, infexx fil-hena u ifraħ b’qalbek kollha, ja bint Ġerusalemm!  Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontra tiegħek.”  (Sof. 3, 14-15).  Għax din hi d-differenza bejn min jemmen fl-Imħabba u min ma jemminx fiha. Min jemmen li Alla hu Mħabba u li fi Kristu inagħtalu kollox, kollox, kollox, allura hu ġa jinsab fil-Ħajja ta’ Dejjem, ġa għandu rebħa fuq il-Mewt.  Imma min ma jemminx, u jgħajjat kemm jgħajjat Ġwanni, jibqa’ jiġri wara l-gidba tad-dinja, allura  jibqa’ taħt is-sentenza, għax kull bniedem imut ħlief dawk li jilqgħu is-Salvazzjoni ta’ Kristu.

 

L-Aħbar ġiet u dwiet mal-art kollha.  Imma kien hemm min semagħha u emminha, imma kien hemm ukoll min beda jidħaq u dabbar rasu. Ġwanni ma jilgħabx bil-kliem:  “Jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.”  (Lq. 3, 17).  Dan in-“Nar” ma ħalqux Alla imma vvintah għalih il-bniedem li hu ħieles jagħżel it-triq tiegħu.

Imma l-Mulej jithenna bina aħna li nemmnu!  “Minħabba fik jithenna b’hena kbir!”  (Sof. 3, 17).  Immaġina ftit!  Int jew jien kapaċi nferrħu lil Alla!  Alla jiżfen bil-ferħ b’dawk li jemmnuH u ma jgħadduHx ta’ giddieb.  Dan tgħidu x’imkien ieħor l-Iskrittura Mqaddsa.  Jifraħ għax inħalluH iġeddidna u jagħmilna “Ħajjin għal Dejjem”!  Kemm għandna għax nirringrazzjawH u nħobbuH!

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

QARI I
Minħabba fik il-Mulej jithenna b’hena kbir.
Sof 3:14-18a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija

Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon,
Iżrael, samma’ leħnek!
Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm!
Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontrik,
keċċa l-għedewwa tiegħek.
Is-sultan t’Iżrael, il-Mulej, hu f’nofsok;
ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża’.
Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm:
“Tibżax, Sijon,
tħallix idejk jintelqu!
Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok,
gwerrier li jsalva;
minħabba fik jithenna b’hena kbir,
fi mħabbtu jġeddek,
jinfexx minħabba fik f’għajat ta’ ferħ,
bħallikieku f’jum ta’ festa”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Iż 12:2-3,4bċd,5-6

R/.(6): Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael.

Alla s-salvazzjoni tiegħi,
jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
għalija sar is-salvazzjoni.
Kollkom ferħana
timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni. R/.

Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,
xandru li ismu huwa fl-għoli. R/.

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf mal-art kollha.
Aqbeż bil-ferħ, għanni,
int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael. R/.

QARI II
Il-Mulej qorob.
Fil 4:4-7

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu. Il-ħlewwa tagħkom ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob! Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kulma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Iż 61:1

Hallelujah. R/. Hallelujah.
L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
U aħna, x’għandna nagħmlu?
Lq 3:10-18

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.

Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”. U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >