Din
hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd ta' l-Avvent (2021) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Meta Abraham ġie ġġustifikat minn Alla, jiġifieri magħmul
“bniedem ġust”, għax kien emmen li Alla kien kapaċi jżomm il-Kelma tiegħu li
jagħtih iben, anke jekk hu u martu kienu xjieħu bla tfal, hu sar il-Missier ta’
ġens li kellu jissejjaħ “il-Poplu ta’ Alla”.
Alla ħabb lil Iżrael u għamlu tiegħU b’mod partikulari minħabba
f’Abraham missieru.
Iżda nafu, li meta Alla ħalla lill-bniedem ħieles li
jagħmel jew it-tajjeb jew il-ħażin, il-bniedem dejjem spiċċa jintrebaħ
mill-ħażin. L-istess Iżrael. Iżda f’Iżrael, Alla dejjem refa’ għaliH
“Fdal” ta’ nies ġusti li kienu jitbekkew meta jaraw x’kien qed jiġri
madwarhom. Anke llum hawn nies li jibku
b’dak li qed jiġri lill-Knisja f’pajjiżna, fl-Ewropa, fil-Punent. Hawn nies illum li jistħu jsemmu l-kelma “Christmas” għax fiha hemm Isem
Kristu! Tassew li l-Ewropa bil-“lajċità”
tagħha, bir-“reliġjon” ġdida tal-kultura moderna, fejn il-bniedem huwa alla,
din l-Ewropa rremettiet lil Kristu minn fommha u ma tridx li ssemmi Ismu!
Imma Alla dejjem iħalli “Fdal” għaliH, jibża’ għalih u jiddefendih, u f’dan
il-“Fdal” Hu jara lil Ibnu u lill-Fidwa tal-bniedem, anke tal-bniedem għadu
tiegħU. Il-Missier iħares lejn il-“Fdal”
u jara l-Inkarnazzjoni u l-Misteru tal-Għid li kellu jseħħ. Meta Elija ħaseb li kien waħdu li baqa’
jemmen f’JHWH minn Iżrael kollu, Alla wieġbu li ma kienx hekk għax “jiena nħalli f’Iżrael sebat elef,
jiġifieri dawk kollha li ma niżlux għarkupptejhom quddiem Bagħal, u dawk kollha
li ma bisuhx b’xufftejhom.” (1 Slat. 19, 18).
Dan ġara f’kull ġenerazzjoni.
Dan il-“Fdal” hu magħmul minn dawk li fl-Antik emmnu
f’JHWH u għarrxu biex jaraw jekk kienx qed jidher ħjiel li sseħħ il-Wegħda li
kien għamel il-Mulej li għad jibgħat il-Messija. Anke llum dan il-“Fdal” jgħarrex biex jara
kif il-Mulej Ġesù qiegħed jaħdem fil-Knisja tiegħU, x’lingwaġġ se jagħtiha li tuża
biex ixxandar dak li Hu għamel għall-bniedem.
Sikwit dan il-“Fdal” ma jarax sinjali.
Iħares lejn “il-Lvant” minn fejn titla’ x-xemx, minn fejn jgħidu li għad
jidher is-Sultan, “ix-Xemx tal-Ġustizzja”, imma jaraw dlam, tweigħir,
persekuzzjoni dejjem taħt forma ġdida.
Per eżempju llum inbniet “ekonomija” fil-Punent fejn hu mpossibbli għal
koppja li jersqu lejn knisja matul il-ġimgħa, jew għal xi laqgħa fejn jistgħu
jikbru fil-Fidi. Xogħol, xogħol,
xogħol! Kulħadd “bil-għaqal” Alla
jbierek! Naħdmu “għall-familja”,
“għat-tfal”, bla ma nindunaw li qed inbusu sieq “Bagħal” kif kienu jagħmlu
n-nies ta’ żmien Elija...
Il-“Fdal” jgħid lil Alla: “Sirna bħall-ġnus li int qatt ma ħkimt fuqhom, u lanqas ismek ma
jissejjaħ fuqhom. Mhux li kont iċċarrat
is-smewwiet u tinżel minn hemm, u jitheżżu l-muntanji quddiemek!” (Is. 63, 19).
Dan il-Kliem qaddis jgħidu biss min għandu l-Fidi u qed jistenna mogħdija
ġdida tal-Mulej. Hija Kelma li tgħaddina
għall-Antifona tal-Ewkaristija tar-Raba’ Ħadd tal-Avvent: “Qattru
smewwiet mill-għoli, u ħallu s-sħab iraxxax il-Qaddis, ha tinferaq l-art u
tinbet is-salvazzjoni.” (Is. 45, 8).
Għax tassew għandna bżonn Miġja, kull wieħed minnha li
jittama fil-Mulej, Miġja personali li fuqha tkellem San Bernard: it-Tielet
Miġja tal-Mulej. “Ejja u agħmel minna
Qaddisin, għax aħna m’għandniex il-ħila nkunu fidili lejk, ħadd minna!” Għax jekk iraxxax is-sħab lill-Qaddis ifisser
li jgħaddi Alla bil-Grazzja tal-Fidi, bil-Grazzja ta’ Fidi akbar, għax għandna
tant bżonnha! U jekk tinferaq l-art
ifisser li qalbi, qalbek tinfetaħ għaliH, bibienna jinfetħu beraħ għat-taħbita
tiegħu. Dan hu l-Avvent. Din hi l-Istennija dejjiema tal-“Fdal”,
tal-Insara.
Din li l-Mulej
iċarrat is-smewwiet, il-Fdal ta’ Iżrael kien jitlobha fi żmien ta’
kriżi. It-tweġiba ta’ Alla dejjem tkun
waħda ta’ ħniena, mogħdrija, “understanding”. Hu dejjem iwieġeb fl-Istorja. Dan
jgħid il-Mulej: “Żommu s-sewwa u agħmlu l-ġustizzja, għax is-salvazzjoni tiegħi
għodda waslet, u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt tfeġġ.” Hieni r-raġel li jagħmel dan, u l-bniedem li
jżomm sħiħ fih. (Is. 56, 1-2).
Dak kollu li kien il-“Fdal” kien insawwab fi tfajla
tal-Galilija minn fejn qatt ma ħarġu profeti.
Hemm, fejn ġeografikament kien post ħawli, sterili għal Alla, poplu li
jħares ’l isfel lejn it-tajn tal-art u mhux ’il fuq lejn il-kwiekeb, gelgel
il-Messija bħalma gelgel l-ilma fid-deżert minn blata samma u xotta. Kemm iħobb jaħdem Alla bid-dgħajfin, b’dawk
li jafu x’inhu l-falliment, b’dawk li qalbhom muġugħa għax ma jemmnux fihom
infushom! Ahhh! Imma hu fid-deżert li jgelgel l-ilma ta’ Alla
u dan Alla biss jaf jagħmlu. F’Marija
gelgel l-ilma fid-deżert għax tqalet bla
intervent ta’ raġel. Fid-deżert
ma tistax tnibbet il-Ħajja u lanqas f’Marija, għax ma kinitx tagħraf
raġel. Imma fiħa tnissel l-għarar ta’
Alla u tqalet, hi, li bħal Sarah, ma setgħetx titqal. Fejn m’hemmx sinjali ta’ Ħajja, Alla jsawwar
il-Ħajja. U mill-ġdid ngħid li dan Hu
biss jista’ jagħmlu!
Hienja Eliżabetta, li anke fiha gelgel l-ilma ta’ Alla
fid-deżert! Hienja Eliżabetta li bħalma
Pietru, ħafna żmien wara, kien hieni għax “ra” ħwejjeġ li urihomlu biss
il-Missier, anke hi “rat” f’Marija l-OPRA glorjuża ta’ Alla għall-umanità. Eliżabetta kienet l-ewwel bniedma li xandret
l-Aħbar it-Tajba għax hi kienet l-ewwel li “rat”, bi Grazzja, il-fetus li kien
se jkun il-Messija li l-Profeti u n-nies ġusti xtaqtu tant jaraw!
X’mument ta’ Grazzja!
X’mument li fih iċċarrtu s-smewwiet!
Hi tiftaħ garġiha u nfexxet
f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti
fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi
għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja
leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani. Iva, hienja dik le emmnet li jseħħ kull ma ntqalilha
min-naħa tal-Mulej.” (Lq. 1,
42-45).
Anke għalina jistgħu jiċċartu s-smewwiet, għax il-Kelma
ta’ Alla hi għalina! Anzi! Aħna tnissilna f’ġuf ommna u twelidna f’din
id-dinja biex nirċievu l-Magħmudija u nikbru f’Insara ta’ veru li, bi Grazzja u
mhux għax aħna aħjar minn ħadd, jinagħtawlna għajnejn li jaraw lill-Messija,
is-Salvatur! Ħa jkollna l-Grazzja li
niftħu garġina f’għajta kbira għax malli “narawH” kollox jieħu sens ġdid, sens
glorjuż, sens imbierek u qaddis. Mhux li
kien li ninagħtaw l-“għajnejn” ta’ Eliżabetta, omm il-Battista, u “naraw”
il-Misteri ta’ Alla li bihom aħna mdawrin u li fihom ngħixu bħalma jgħix il-ħut
fl-ilma.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
QARI I
Minnek għad joħroġli dak li jkun prinċep f’Iżrael.
Mik 5:1-4a
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Mikea
Dan jgħid il-Mulej:
“Int, Betlehem ta’ Efrata,
ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda,
minnek għad joħroġli
dak li jkun prinċep f’Iżrael;
hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem,
sa minn dejjem ta’ dejjem.
Għalhekk il-Mulej jitlaqhom
sa meta teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas;
imbagħad il-bqija ta’ ħutu
jerġgħu lura fost ulied Iżrael.
U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu
bil-qawwa tal-Mulej, bil-glorja ta’ isem il-Mulej, Alla tiegħu.
U huma jgħammru fiż-żgur,
għax issa tkun kbira setgħetu,
sa trufijiet l-art.
U dan ikun
is-sliem!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 79(80):2aċ,3b,15-16,18-19
R/.(4): Mulej, itfa’ fuqna d-dija ta’
wiċċek, u nkunu salvi.
O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,
int li qiegħed fuq il-kerubini, iddi.
Qajjem il-qawwa tiegħek,
u ejja ħa ssalvana. R/.
Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik. R/.
Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek,
fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.
Aħna ma nitbegħdux minnek;
roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek. R/.
QARI II
Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek.
Lhud 10:5-10
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, Kristu meta daħal fid-dinja qal:
“Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx,
imma ġisem int ħejjejt għalija;
vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet
lilek ma għoġbukx.
Jien imbagħad għedt:
‘Hawn jien, ġejt
biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla,
kif fil-ktieb hemm miktub fuqi’”.
L-ewwel qal: “Sagrifiċċji u offerti, vittmi
maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk”, għalkemm dawn
titlobhom il-Liġi. Imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda
tiegħek”. B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji tal-ewwel biex iqiegħed flokhom
tat-tieni. Bis-saħħa ta’ din ir-rieda aħna konna mqaddsin, permezz tal-offerta
tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 1:38
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej:
ħa jsir minni skont kelmtek!
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?
Lq 1:39-45
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet,
f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli
Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u
Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet:
“Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli
smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet
bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir
lilek, Kristu.
|