Wednesday, 29 June 2022
           
Home
SOLENNITÁ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ MIXJA WARA KEWKBA LEJN L-ISKOPERTA TAL-MULEJ PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 01 January 2022

Din hija il-Liturgija tas-Solennita'tal-Epifanija tal-Mulej (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 holy-family-with-3-kings2559325.jpg

 

Joqgħod attent in-“Nisrani” li jaħseb li ġa sab dak li kellu jsib u li ġa hu mimli b’dak li sab.  Joqgħod attent in-“Nisrani” li jħares ’l isfel lejn dawk li hu jaħseb li qatt ma fittxew lill-Mulej, u jimmaġina li hu mexa iktar minnhom, sab iktar minnhom, hu “Nisrani” iktar minnhom.  Joqgħod attent għax ħafna għad jgħajtu: “’Mulej, Mulej mhux f’ismek ħabbarna aħna u mhux f’ismek keċċejna x-xjaten, u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’  Imbagħad jien ngħidilhom, ‘Lilkom qatt ma kont nafkom!  Warrbu minn quddiemi, into li tagħmlu l-ħażen!’”  (Mt. 7, 22-23).

 

In-Nisrani qatt ma jista’ jgħid li wasal, imma Ħajtu kollha kemm hi hija Mixja, tfittxija, sejba dejjem aktar fil-fond tal-Misteru enormi u glorjuż ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla. Din il-Mixja tal-Ħajja fiha t-tlugħ u l-inżul, mixi komdu fi pjanuri sbieħ, taħbit u taqtigħ il-qalb fid-dlam tal-widien, perikli ta’ tixbit mal-muntanji, l-“Halleluja” ta’ meta l-Mulej idewwaqna l-benniet tiegħu u nindunaw li tassew m’aħniex mexjin fil-vojt imma Hu miexi magħna!  Sal-aħħar nifs tal-Ħajja hija din il-Mixja, għax bħalma jgħid San Pawl: li aħna l-ħin kollu nikbru minn Fidi għal Fidi akbar.  Eżempju tal-Mixja tan-Nisrani pellegrin huwa r-rakkont fittizju “The Pilgrim’s Progress” li għalkemm inkiteb minn awtur Protestant, xorta huwa opra letterarja Nisranija klassika.

Imma eżempju qawwi ieħor jagħtihulna l-Vanġelu ta’ San Mattew, il-waħdieni fost l-Evanġelisti li daħħal l-istorja ħelwa tal-Maġi, li telqu kollox biex irħewla jfittxu l-Messija.  L-esperjenzi li għaddew minnhom huma gwida fil-mixi tagħna, aħna li bħalhom ġejna msejħin biex nitilqu f’Mixja ta’ tfittxija.  Issa dan li qed ngħidu hu mportanti, l-aktar fiż-żminijiet tal-lum.  Trid tkun imsejjaħ!  B’xi mod misterjuż, trid tkun imsejjaħ biex tkun Nisrani.  Għadda ż-żmien meta kulħadd kien ikun Nisrani fil-pajjiż.  Ħafna nies għandhom nostalġija għall-imgħoddi, imma le, iż-żminijiet tal-lum, għalkemm joffru sfidi akbar minn ta’ dari, huma isbaħ, huma aktar sinċieri, m’hemmx iktar Kristjaneżmu għax inzertajt twelidt Għawdex. 

 

Hemm Sejħa, li b’xi mod kull min hu mmarkat minn Alla, ikollu.  Hemm oħrajn li mhumiex imsejħa biex ikunu “Nsara” ta’ vera, mhux għax huma agħar... Allaħares jgħaddielna dan minn moħħna!  Imma mhux il-borma kollha hija melħ.  Hemm ħafna li Alla jrid li flok ikunu melħ, ikunu mmelħin minn dawk li huma melħ, biex bħalhom isalvaw xorta waħda.  Il-Knisja tinsab fid-dinja biex tmellah, tagħti togħma lid-dinja, biex id-dinja ssalva.  Dan hu kliem Kristu.  L-Insara jiskopru lil Kristu bi Grazzja mhux għalihom infushom biss, anzi l-ewwel u qabel kollox Alla jagħtihom dan l-aqwa Rigal b’risq l-oħrajn, b’risq id-dinja.

 

Il-Festa tal-Epifanija tiċċelebra din l-avventura tan-Nisrani.  Is-Sejħa ta’ Alla tant hi setagħna li, hekk kif it-tlett Maġi telqu lil pajjiżhom, telqu kollox u ntelqu fi prekarjetà enormi bla ma jafu fejn se jmorru jew x’se jiġri minnhom, l-istess in-Nisrani tal-lum. Mhux bil-fors jitlaq fiżikament mill-ambjent tiegħu, għalkemm ħafna huma msejħin għal dan ukoll.  Lanqas min hu msejjaħ ifisser li hu msejjaħ għall-Ħajja Presbiterali jew bħala reliġjuż/reliġjuża f’xi monasteru biss.  Hemm tant toroq oħra, kollha qaddisa l-istess!  Alla jista’ jsejjaħ koppja miżżewġa biex jibew Mixja ta’ tfittxija għall-Fidi adulta, biex isibu lil din it-tarbija, imma mhux biss iżda wkoll jiskopru l-meravilja ta’ x’ġara b’risq tagħna fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu adult.  Hemm min is-Sejħa ta’ Alla ma tridux li jitlaq minn pajjiżu bħall-Maġi, jew li jiċħad il-kundizzjoni tiegħu ta’ miżżewweġ jew xi tip ta’ qagħda oħra.

 

Imma żgur li s-Sejħa ta’ Alla tegħleb is-sejħat kollha tad-dinja, il-ġibdiet tad-dnub, anke s-seħer tal-idoli jew affarijiet oħra li jistgħu jaljenaw lill-bniedem.  Hi Sejħa biex Alla jiġi l-ewwel u qabel kollox.  Is-Sejħa hi dejjem “Tluq”.  Tagorè, poeta Indjan li m’ilux li miet għandu poeżija qawwija ħafna dwar dan:

 

Ġew maħlula l-irbit tiegħi,

imħallsa d-djun tiegħi;

il-bibien tiegħi infetħu beraħ

u se mmur fl-inħawi kollha.

 

Huma jistkennu fir-rokna tagħhom;

ikomplu jinsġu d-drapp mitfi tas-sigħat tagħhom.

jew jerġgħu lura fit-trab,

jgħoddu l-muniti tagħhom.

U jsejħuli, u jsejħuli, sabiex nerġa’ lura.

Iżda x-xabla tiegħi diġa mħejjija,

diġa lbist l-armatura,

u ż-żiemel tiegħi ħerqan biex jitlaq.

U jiena se nikseb saltnati,

u jiena se nikseb saltnati!

 

Is-Sejħa ta’ Alla tpoġġina fi vjaġġ li tmiemu huwa l-Epifanija tal-Mulej, il-Wirja, il-Manifestazzjoni tas-Salvatur Waħdieni tal-bniedem.  Kull min jemmen fi Kristu, kull min għandu esperjenza ta’ Sejħa u ta’ Mixja ta’ tfittixja, jgħid b’wiċċu minn quddiem li ma jeżistix Salvatur ieħor għall-bniedem ħlief Kristu Ġesù, u dan Iben ta’ Alla!  Ma noqogħdux nilagħbu bir-relattiviżmu tant moda llum biex ma ndejqux lil min ma jaqbilx magħna.  Kristu biss u waħdu huwa l-Verità.  Dan hu li jħabbar il-Vanġelu u t-Testment il-Ġdid kollu.  M’għandniex għalfejn inħarsu lejn personaġġi oħra u nimpressjonaw ruħna bihom.  Kristu waħdu hu biżżejjed.  Fi Kristu l-Missier tana kollox u wriena kollox u m’għadx baqagħlna iżjed x’nitolbuH, jgħid San Ġwann tas-Salib. 

 

Lili jolqotni l-fatt li l-Maġi kienu tlieta.  Mhux wieħed waħdu, imma grupp ta’ tlieta li huma figura tal-Knisja.  Ħadd ma jista’ jinqata’ għalih waħda u jgħid jien ninqata’ min-nies u mid-dinja biex ma jkollix tentazzjonijiet.  Anzi meta tkun waħdek iktar iduru madwarek ix-xjaten.  Ma tistax tersaq għall-għajnuniet tal-Knisja waħdek, bħal meta tmur tiċċelebra l-Ewkaristija bla ma tati kas li tinsab imdawwar minn Knisja, minn oħrajn li bħalek qed ifittxu lil Ġesù Salvatur.

 

Il-Maġi waslu fejn ġarrithom is-Sejħa, il-Kewkba, għax kienu “Knisja”.  Meta wieħed ifittex waħdu jkun qed jinjora r-rigal enormi li hi l-Knisja għalina.  Hemm wisq perikli mat-triq biex taħseb li waħdek issib lil Dak li qed tfittex.  Min jipprova jaqsam id-deżert waħdu hemm perikli li lanqas biss tista’ tgħoddhom.  Wieħed jista’ jitlef it-triq; jonqsu l-ilma; jattakkawh il-ħallelin; jaqta’ qalbu; jgħejja u jkollu bżonn min jgħinu...

 

L-Epifanija tkellimna wkoll fuq Misteru, li għall-Knisja tal-bidu kien eżattament dak: Misteru.  Il-Knisja tnisslet fost il-Lhud.  Kien Iżrael li welled l-ewwel komunitajiet.  Il-Lhud dejjem emmnu li huma kienu l-poplu magħżul ta’ Alla u kienu qegħdin jistennew lill-Messija għalihom biss, anke jekk il-profeti, ’l hawn u ’l hinn, kitbu li l-ġnus kollha kellhom jarawh u jifirħu biH.  Għall-ewwel Insara/Lhud kien xokk li s-Salvazzjoni li kiseb Ġesù kienet ukoll għall-pagani, għall-ġnus kollha tal-art!  Ġesù ġie biex jiġbor il-ġnus kollha madwaru u jifforma l-Knisja minn kull razza u ġens fuq l-art.  Infatti, l-aħħar Kelmiet tiegħu kienu:  “Morru, mela, u għamlu dixxipli mill-ġnus kollha!”  (Mt. 28, 19).

 

Għalhekk San Mattew ta tant prominenza lir-rakkont ta’ dawn it-tlett personaġġi pagani minn pajjiżi differenti b’kulturi għal kollox imbegħda minn dik Lhudija.  L-Evanġelista jrid jenfasizza mill-bidu tal-Vanġelu tiegħu, li Kristu huwa s-Salvatur tad-dinja kollha u li hu jsejjaħ aħwa mill-ibgħad irkejjen għax kullimkien hemm kotra fuq kotra ta’ bnedmin mejtin bil-għatx biex xi ħadd iwasslilhom l-Aħbar it-Tajba.  Kbir huwa l-ferħ tagħhom meta jindunaw li maġenbhom hemm Knisja li twasslilhom din is-Salvazzjoni waħdanija li tinsab fi Kristu biss.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Is-sebħ tal-Mulej jiddi fuqek.

Is 60, 1-6

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Qum! Ħa jiddi wiċċek!

Id-dawl tiegħek wasal!

Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!

Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli:

iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfiġġ fuqek.

Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,

u s-slaten fid-dija tas-sebħ tiegħek.

Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:

ilkoll miġbura ġejjin għandek.

Uliedek ġejjin mill-bogħod,

u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.

Imbagħad tħares u wiċċek jiddi,

u tħabbat u timtela qalbek,

għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid tal-ibħra,

u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.

Imrieħel ta’ iġmla għad jgħattuk,

l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa;

ilkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens,

u jxandru t-tifħir tal-Mulej.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 71 (72), 1-2.7-8.10-11,12-13

 

R/. (ara 11): Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej

 

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.

 

Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,

u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.

Isaltan minn baħar sa baħar,

u mix-xmara sa truf l-art. R/.

 

Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,

is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.

Iqimuh is-slaten kollha,

il-ġnus kollha lilu jaqdu. R/.

 

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,

u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.

Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;

il-ħajja tal-fqajrin isalva. R/.

 

Qari II

Issa ġie rrivelat li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wegħda.

Ef 3, 2-3a. 5-6

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom, jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni għarrafni l-misteru. Dan hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 2, 2

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa mil-Lvant,

u ġejna nqimu l-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġejna mil-Lvant nagħtu qima lis-Sultan.

Mt 2, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

 

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

 

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

 

Il-Kelma tal-Mulej

 
< Prev   Next >