Wednesday, 26 January 2022
           
Home
IL-MAGHMUDIJA TAL-MULEJ (2022) IL-‘KENOSI’ TA’ KRISTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 08 January 2022

Din hija il-Liturgija tal-Maghmudija tal-Mulej (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

magh-2000.jpg

 

Ninsabu fi żmien l-Epifanija tal-Mulej, il-Wirja tiegħU lill-popli li kienu miexja fid-dlam u raw dawl kbir; huma li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom (Is. 9, 1).  Il-Festa tal-lum hija parti mill-Epifanija tal-Mulej għax il-Missier xehed għal Ibnu quddiem Iżrael waqt li kien qed ikun mgħammed minn Ġwanni l-Għammiedi.  Dewa l-leħen li xandar il-Kelmiet: “Inti Ibni l-għażiż; fik il-għaxqa tiegħi.”  (Lq. 3, 22).  Il-Knisja Primittiva tal-ewwel sekli rat fl-Epifanija mezz kif ixxandar il-Bxara t-Tajba. Infatti kienet l-ewwel Festa wara l-Għid li daħlet fil-kalendarju liturġiku tagħha.

 

Wara millenji ta’ dlam deher id-Dawl li qalb il-bniedem kienet tishar għalih.  Eluf ta’ snin kulħadd jivvinta r-reliġjjonijiet għax il-bniedem kellu l-vojt f’qalbu; kien jaf li jinsab miexi fid-dlam bla ma jaf minn fejn ġie u fejn kien sejjer.  Il-Vanġelu tal-lum jgħid: “Il-poplu kien qiegħed jistenna.”  (Lq. 3, 15).  Kien hemm tensjoni fl-arja għax il-bniedem kellu intuwizzjoni qaddisa li żmien il-Wegħda kien wasal.  U meta seħħet il-milja taż-żmien, bħal meta tazza timtela qatra qatra sakemm l-ilma jċarċar għal barra, id-dinja ferħet għall-Epifanija tal-Mulej!

Din il-Festa fiha tifsir enormi, u l-Knisja fl-imgħoddi kienet tfakkar tliet okkażjonijiet mill-Vanġelu: is-sejba tat-tarbija f’Betlehem mill-Maġi, il-Magħmudija tal-Mulej fil-Ġordan u l-miraklu fit-Tieġ ta’ Kana, fejn Kristu ntwera lid-dinja bħala Dak li kapaċi jbiddel l-ilma bla togħma f’Inbid tal-Festa, l-Inbid tal-Ferħ u l-eżultanza li aħna mistiedna li jkollna, dejjem jekk nemmnu f’Dak li ġabilna dan kollu.

 

Illum qed niċċelebraw u nimmeditaw il-Magħmudija tal-Mulej għaliha.  Il-post fejn Ġwanni kien qed jgħammed kien il-Ġordan, mhux tant bogħod mill-Baħar il-Mejjet.  Dawn l-inħawi huma meqjusa mix-xjenza bħala l-aktar postijiet baxxi fid-dinja, ’l isfel fil-fond, saħansitra ’l isfel minn wiċċ il-baħar.  Din ix-xmara titma l-ilmijiet tal-Baħar tal-Galilija fejn ġa qegħdin 700 pied taħt il-Mediterran.  Iktar ’l isfel hemm il-Baħar il-Mejjet jistenna l-ilmijiet tagħha, u hawn ninsabu 1,290 pied ’l isfel mil-livell tal-baħar!  Kien f’dawn l-inħawi li Ġwanni l-Battista, wara ħajja fid-deżert, ħareġ quddiem Iżrael jgħammed Magħmudija ta’ ndiema.

 

Dawn il-punti ġeografiċi huma mportanti għax ikellmuna fuq in-niżla profonda li għamel l-Iben li minn ħdan il-Missier fl-ogħla tas-smewwiet, niżel sa fil-qiegħan tal-art fejn poġġa ruħu fil-fila mal-midinbin.  San Pawl jiddiskrivi din in-niżla, din il-kenosi ta’ Kristu b’dan il-Kliem: Hu li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.  (Fil. 2, 6-8). 

 

Hu, li kollox kien tiegħu, sar xejn biex ikun magħna.  Umilta!  Mhux biss, imma Hu li ma kienx jaf x’inhu “Dnub”, x’inhi “Mewt”, x’inhu “Egoiżmu” mar qagħad fil-kju għall-“qrar” (biex insejħulu hekk) tal-ħasil bl-ilma ta’ Ġwanni.  Ħadd ma għarfu, ħadd ma ta kasu, kien “midneb” fosti tant midinbin!  Għax Alla ried jiġi jgħammar fid-dinja biex jintilef fost il-kotra tal-midinbin, il-kotra ta’ dawk li “minħabba l-biża’ tal-mewt, kienu mjassra għal għomorhom kollu.   (Lhud 2, 15). 

 

Kristu indiehes ma’ dawk li normalment huma mwarrba, iġġudikati, bid-dnub tagħhom jidher, umiljati għax mhumiex “tajbin”; għax Hu kien jaf li huma kienu ‘fil-verità’ għax ma setgħux jaħbuha.  Dawn kienu dawk li kienu jafu li huma midinbin, u n-nies kienet tafhom bħala midinbin.  Imma Hu kien jaf li kull min jgħix fuq l-art huwa midneb.  Differenza waħda hemm: hemm dawk li jaħbu dnubhom u jirnexxilhom jikkonvinċu lin-nies li huma “għaqlin”, “tajbin”, “ħbieb ta’ Alla”, u hemm l-oħrajn li dan ma jirnexxilhomx jagħmluh.  Imma kulħadd hu midneb xorta waħda għax ilkoll aħna ulied Adam li sar bniedem li jmut għax tilef is-sigurta li kellu ta’ Alla.

 

Kristu dan kien jafu tajjeb!  Għalhekk ġie hawn biex fis-siegħa tiegħu jitgħabba b’dak kollu li qed joqtol lili u lilek.  Hu jaf xi flaġell kbir hu l-biża’ tal-Mewt li semmitilna l-Ittra lil-Lhud. Din hija espressjoni psikoloġika profonda ħafna.  Mad-dnub ta’ Adam, il-bniedem għotor taħt dan il-flaġell kbir, u qalbu inbelgħet mill-insigurtà ta’ ma jafx x’jista jiġrilu.  Dan kollu ngħixuh, daqqa ftit u daqqa wisq, kważi kuljum.  Kelma toqtolna.  F’illi bnazzi, f’illi s-sema jissaħħab għax b’xi mod inħossuna m’aħnex maħbubin.  Tlifna ’l Alla, u l-bniedem ħaġa jagħmel il-ħin kollu: jittallab l-Imħabba.  Dan il-Mulej jafu tajjeb, għalhekk hu jagħder, iħenn, jiskuża, jiddefendi, jilqa’ għall-midneb.  Kif jgħid Isaija llum: “Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu, qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx.”  (Is. 42, 2w). 

 

Hu ġie fid-dinja biex jitlobna nitfgħu fuqu l-ħtijiet kollha ta’ ħajjitna, id-dnubiet kollha li għamilna, l-egoiżmi kollha li ħassru r-relazzjonijiet ta’ bejnietna, il-passjonijiet u l-idolatriji kollha tagħna, is-suppervja mmensa li tgħammar f’kull wieħed minna bla ma ħadd ma jaf l-għoli u l-fond tagħha.  Kollox ħa fuqu, u tela’ bihom lejn l-għolja tal-kastig li titlob il-Liġi tal-Qdusija minn kull dnub, u hemm, imneżża minn ħwejġu kollha, laqa’ fuqu l-kundanna li hemm imdendla fuq kull bniedem.  Miet Hu biex aħna ngħixu għal dejjem!  Id-“Dnub” tagħna qatel lil Alla tassew!  Hieni l-bniedem li jagħraf dan!

 

Lil San Ġirolmu, Ġesù f’dehra qallu: “X’se tagħtini Ġirolmu?”  Ġirolmu prova jagħmel lista... “Il-fatt li ma żżewwiġtx biex naqdi lilek... l-istudji kbar tiegħi tal-Iskrittura biex naqlibha fi lsien li kulħadd jifhmu... is-sawm u l-penitenzi... il-predikazzjoni tiegħi... il-fatt li qed ngħix ġo għar bħala eremita...”  U kull darba Ġesù jerġa jistaqsih: “X’se tagħtini Ġirolmu?”  U meta rah li, miskin, kien infixel, Ġesù qallu: “Ġirolmu, agħtini dnubietek kollha, biex inġorrhom jien u mmut bihom jien għax lilek irridek tgħix għal dejjem!”  Dan tagħmel l-Imħabba!

 

Imma quddiem din il-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej ma nistgħux ma ngħixux mill-ġdid il-Magħmudija tagħna, is-Sagrament kbir li jagħtina identita.  Bil-Magħmudija, mhux biss jinħafer id-dnub imma hemm grazzji oħra.  Ninagħtaw in-natura ta’ Alla nnifsu!  Kristu rebħilna d-dritt għan-natura divina li mhux biss tagħtina Ħajja ta’ Dejjem imma taħsad l-għerq tad-dnub minn ġo fina.  Dak li qabel kien tant tqil nagħmlu, issa jsir naturali għalina.  Imma jekk int u jien inħarsu lejn żokritna, jiġrilna bħal Pietru li mallii ħares lejn il-mewġ tal-baħar beda nieżel!  Għax dawn il-ħwejjeġ mhumiex xogħolna imma xogħolU.  Il-Magħmudija torbot lil Alla (jekk ngħidulu “Iva!” aħna!), li jħaddem proċess ta’ twelid ġdid għalina.  Il-Magħmudija hija din il-Mixja, dan il-Proċess Qaddis tal-Opra manjifika ta’ Alla fina, jekk nemmnu li Hu daqshekk fidil u li l-Imħabba tiegħu tisboq kull dnub li nistgħu nagħmlu aħna.  Il-Magħmudija żergħet fina żerriegħa li hi Teżor moħbi.  Żerreigħa li fiha d-DNA ta’ Alla nnifsu!  ‘Mamma mia’, x’ħin toqgħod taħseb!  Kulma jiġri f’Ħajjitna hi parti mill-avventura tal-Magħmudija.  Għal dawk li Hu għażel, Alla jdawwar kollox għall-ġid biex il-Magħmudija li jkun tahom tilħaq il-milja glorjuża tagħha u tagħmel minna Knisja li tkun tassew xhieda tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, Kewkba li turi lill-imbegħdin fejn tassew jinsab Kristu.

 

Imma... aħna nistgħu inkunu wkoll fost dawk li jżommu ż-żerriegħa magħluqa f’kaxxa tas-sulfarini, fejn tmut bla ma tagħti frott.  Għax Kristu qal li l-bidwi li ħareġ iferrex iż-żerriegħa ġratlu waħda!  Ħafna waqgħet fil-mogħdija, oħrajn qalb ix-xewk, u oħrajn fuq il-blat.  Aħna maħluqin liberi li nemmnu lil Kristu jew nagħtu daqqa ta’ sieq lil kollox.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Tfiġġ il-glorja tal-Mulej, u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa.

Iż 40:1-5,9-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

“Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi”, jgħid Alla tagħkom.

Kellmu lil qalb Ġerusalemm

u għidulha li ntemm il-jasar tagħha,

tħallset ħżunitha,

ħadet mingħand il-Mulej darbtejn għal dnubietha kollha”.

Leħen jgħajjat:

“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,

wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.

Jintradam kull wied,

u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;

kull art imħabbta titwitta

kull art imħarbta ssir maqgħad.

U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,

u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,

għax fomm il-Mulej tkellem”.

Itla’ fuq il-muntanja għolja,

int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon!

Għolli leħnek bil-qawwa kollha,

int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;

għajjat, la tibżax.

 

Għid lill-ibliet ta’ Ġuda:

“Hawn hu Alla tagħkom!

Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa,

u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.

Hawn hu bi ħlasu miegħu,

u r-rebħa tiegħu quddiemu.

Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;

bi driegħu jiġmagħha,

u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;

u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 103(104):1b-2,3-4,24-25,27-28,29-30

 

R/.(1): Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

 

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,

bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb.

Inti frixt is-smewwiet bħal tinda. R/.

 

Waqqaft fuq l-ilma l-għamajjar għolja tiegħek.

Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek,

fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.

L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek,

u l-ilsna tan-nar qaddejja tiegħek. R/.

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Kollha bl-għerf għamilthom;

mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Dan il-baħar ta’ kobor u wisa’ bla tarf,

li fih jimraħ ħut bla għadd;

bhejjem żgħar u bhejjem kbar. R/.

 

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha

li tagħtihom ikilhom f’waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru;

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid. R/.

 

Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu;

jekk teħdilhom nifishom, imutu,

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,

u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

 

Qari II

Il-Mulej salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu.

Titu 2:11-14; 3:4-7

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lil Titu

 

Ibni, dehret il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien, u nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hu ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb.

 

Iżda meta feġġet it-tjieba ta’ Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, hu salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu. Dan l-Ispirtu hu xerrdu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem skont it-tama li għandna.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Lq 3:16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Ġej wieħed aqwa minni, jgħid Ġwanni;

hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Ġesù tgħammed u waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu.

Lq 3:15-16,21-22

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”.

 

Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >