Friday, 27 May 2022
           
Home
IT-2 HADD MATUL IS-SENA (2022) L-INBID TAL-FERH PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 15 January 2022

Din hija il-Liturgija tat-Tieni Hadd matul is-sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

wedding-at-cana-esteban-murillo-2000.jpg

 

L-inbid hu sinjal ta’ ferħ, ta’ festa, ta’ ċelebrazzjoni fil-familja jew mal-ħbieb.  Il-frott tad-dielja huwa msemmi bi prominenza kbira fil-Bibbja.  Lil Iżrael, għajjien wara erbgħin sena fid-deżert, Alla jfakkru li kien se jdaħħlu f’Art fejn hu għad jiekol minn dwieli li ma ħawwilhomx hu, u fi żmien il-profeti, bħala għelm ta’ paċi u sliem, lill-poplu kienu jgħidulu li kull wieħed minnhom għad joqgħod bil-qiegħed b’serħan il-moħħ kull wieħed taħt id-dielja tiegħu.

 

Mela l-inbid hu frott għażiż għall-bniedem, u żmien l-għasir tal-għeneb kien ikun żmien ta’ festi u radd il-ħajr.  Kemm għandna bżonn nisimgħu fuq żminijiet ta’ ferħ, serħan il-moħħ u festi hekk kif ninsabu assedjati minn għadu li ma jidhirx, minn pandemija li faqqritilna kull aspett tal-Ħajja.  Kellna bżonnu żmien bħal dan, meta “skarsa l-inbid” biex ngħidu hekk, biex nieqfu u naħsbu ftit li bl-avanzi kollha li għamilna, u li kollha huma sbieħ u meravilji tal-moħħ li tana Alla, il-Ħajja fuq din l-art li tgħaddi, hi dejjem prekarja.  Din il-Ħajja, il-mod kif ngħixu, il-kulturi, id-drawwiet, kollox hu bħall-baħar li jitkgħaweg, jitqalleb, xejn mhu sod.  Iżda l-Blata hi Kristu!

Ngħiduha kif inhi: kemm aħna fqar biex nemmnu tassew li Blata waħda hemm fejn il-bniedem jista’ jserraħ riġlejh u jħossu tassew fiż-żgur.  Aħna nippruvaw fuq li nippruvaw li nagħmlu minn din id-dinja pajjiżna għal dejjem.  Il-bniedem iqatta’ xagħru biex jibni sigurtà hawn, serħan il-moħħ hawn... bis-saħħa ta’ ġismu, bil-garanżija tal-flus, bis-sodisfazzjon tal-popolarità u l-istima tal-oħrajn... bil-qima lejn l-idoli. 

 

Imma jiġi waqt meta tiġri xi ħaġa li ġġagħalu jħares lejn il-ġewwieni tiegħu u jinduna li m’għandux inbid tal-festa ġewwa fih.  Kull bniedem jiġih waqt ta’ kriżi qaddisa, rigal ta’ Alla, meta jistaqsi lilu nnifsu: Fejn hu l-Ferħ?  Għalfejn qed ngħix?  Liema hu l-veru sens tal-eżistenza?  Jidħol il-bniedem f’baħħ eżistenzjali meta xejn ma jibqa’ jimlih.  Jinduna li kollox hu ‘tiben’.  Dak li kien jgħammex lil għajnejh, issa tilef il-maġija tiegħu.  Jinduna li dejjem kien qed jipprova jagħmel festa bl-ilma u mhux bl-inbid.  Dejjem fettex il-Ħajja fejn kollox miexi lejn il-Mewt, lejn it-tmiem, lejn it-taħsir.

 

In-Nisrani jxandar li hu sab minn fejn ħierġa l-Ħajja mimlija sens.  Hu ma jxandarx teoriji imma l-esperjenza tiegħu, dak li ġarrab, dak li għadda minnu.  Kristu waħdu kapaċi jibdel l-ilma tagħna f’Inbid Ġdid!  Kristu waħdu kapaċi jibdel it-telqa, l-għejja, il-qtigħ il-qalb tagħna fi żfin tal-festa!  Kristu waħdu jibdel id-deżert fi ġnien imsoqqi tajjeb.  Hu waħdu jagħti ħelsien; Hu waħdu jwiegħed il-Qawma mill-Mewt; Hu waħdu rebaħ għalina Ħajja bla tmiem, eternità, Mewt maqsuma.  Kristu hu l-waħdieni li ma jiġġudikaniex imma ġie biex jieħu fuqU n-nuqqasijiet tagħna, l-iżbalji tagħna, id-dnub kollu ta’ Ħajjitna. Hu l-Waħdieni li lil wieħed kriminal li kien qed imut maġenbu, flok ħallih jieħu dak li ħaqqu, daħlu fis-Saltna, fil-Festa, tah l-Inbid tal-Ferħ għax tgħabba Hu minfloku bil-ħtija tiegħu.

 

Il-Liturġija tal-lum titfa ħarsitha fuq l-għemil ta’ Kristu fit-Tieġ ta’ Kana.  Hu naturali li din il-ġrajja tgħinna nimmedaw l-importanza taż-Żwieġ, id-don tal-Familja Nisranija fejn titwieled il-Fidi tal-ulied, fejn il-bniedem ilissen l-ewwel talbiet imlaqalqa tiegħu, fejn l-ulied jisimgħu fuq Kristu l-ewwel darba u jħarsu lejn il-ġenituri tagħhom u jikkuppjawhom fl-għemejjel tajba tagħhom.  “Il-Familja Nisranija”!  L-għajn tal-Ħajja għall-Knisja kollha. 

 

Iżda ż-żwieġ Nisrani huwa xbieha ta’ Żwieġ ieħor profond u iktar qaddis.  San Pawl ixebbaħ iż-żwieġ bejn raġel u mara maż-Żwieġ mistiku bejn Kristu u l-Knisja, bejn Kristu u bejni, bejnek, bejnna, aħna li r-ruħ tagħna hi femminili.  Hu l-Għarus is-Sabiħ, jien, int, kull wieħed minnha l-Għarusa.  Hu n-Namrat mimli ħerqat għall-maħbuba tiegħu li fuqu tgħanni l-“Għanja tal-Għanjiet” fil-Bibbja.  Meta kien qed imut, San Ġwann tas-Salib, Duttur tal-Knisja u Qaddis kbir Spanjol, talab lil sħabu l-patrijiet biex, issa li kien wasal biex  jieħu l-aħħar nifs, jaqrawlu l-“Għanja tal-Għanjiet” u meta sħabu spiċċaw jaqraw il-“poeżija” kollha, hu tenna: “Xi ġmiel!” u miet.  Għax hu, bħal kull Nisrani li jimxi ’l quddiem fil-mixi tal-Fidi, kien jaf li Kristu kien iżżewweġ lilu.  Hu u Kristu ħaġa waħda, ġisem wieħed, imħabba waħda.

 

It-Testment l-Antik jitkellem fuq Kristu li ma jiqafx jipprova jirbaħ l-Imħabba tar-ruħ li magħha jieħu grazzja.  Hu jfittixha f’postijiet maħmuġa, koroh, imdallma.  Isibha liebsa mċerċra, tagħmel ta’ bir-ruħha li hi ferħana, tixrob l-inbid, mhux tas-Saltna, mhux l-inbid li jrid jagħtiha Hu iżda l-inbid qares ta’ ħwienet baxxi fejn hi kienet tinbiegħ lil kull min jiġi.  Sinjal ta’ Kristu l-Għarus kien il-profeta Ħosegħa, li, miskin, Alla jgħidlu biex imur jiżżewwweġ waħda prostituta magħrufa, Gomer.  Hekk għamel Ħosegħa, u kemm uġigħ ta’ ras kellu jgħaddi minnu!  Dan il-profeta huwa s-sinjal ta’ Alla li jiġri wara n-nagħġa sfrattata li taħseb li band’oħra tkun aħjar, li l-ħaxix ta’ ħaddieħor hu aktar aħdar u bnin minn dak tar-Ragħaj tagħha.

 

Hosegħa kellu jerġa’ jixtri bil-flus lil martu lura mingħand dawk li kienu jinnegozjawha, bħalma Kristu xtara l-ħelsien tagħna. Kunu afu li intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu.  (1 Pt. 1, 18-19).  Biex jurina mħabbtu, biex jurina l-wisgħa, l-għoli u l-fond ta’ Mħabbtu lejna, Hu jgħidilna “Daqshekk inħobbok jien!” u fetaħ idejH fuq is-salib u miet biex aħna ma mmutux.  Fuqu waqa’ l-kastig biex aħna, l-midinbin ta’ veru, neħilsuha.  Hu daħal f’ħalq il-Mewt biex ikun il-velenu tagħha u jeqred minn moħħna l-biża’ tagħha li jġagħalna ma nafdawx u nidinbu.

 

U f’Kana tidher ukoll Marija.  Marija hija Omm!  Mhux Omm Ġesù biss, imma Omm il-Knisja wkoll.  Mhux Omm il-“Knisja” biss iżda Omm tagħna wkoll... Ommi, Ommok, Ommna.  L-Omm hi sensittiva mmens!  Marija tara ħafna!  Tinduna ħafna!  Għandha l-intuwizzjoni ta’ Omm.  “Dawn m’għandhomx inbid!  Dawn m’għandhomx ferħ!  Dawn għandhom biss ilma bla togħma!”  Imma mhux Marija li tagħtina l-Inbid tal-Festa, l-Inbid tat-Tieġ.  Marija tidħol għalina, iva.  Hi turina lil Dak li għandu biss hemm l-iktar Inbid tajjeb.  Hi dik li tal-Lvant isejħulha l-“Ħodiġitrija”, dik li turi lil Ġesù.  “Agħmlu kulma jgħidilkom Hu.”  (Ġw. 2, 5). 

 

Hi tħares lejna u tara li l-inbid tagħna mhux inbid, il-ħajja tagħna mhijiex Ħajja, il-ferħ tagħna hu maskra u mhux il-Ferħ veru.  Hi teħodna għand Ġesù biex Hu jagħtina l-Ħajja ta’ Dejjem, li nsibuha fil-milja tagħha fl-eternità, imma li tibda minn hawn.  Huwa hawn, f’din il-Ħajja li Hu jagħtinia l-Inbid ħelu tiegħu.  Dan hu mportanti.  Il-Ħajja ta’ Dejjem tibda minn hawn!  Min għandu l-Inbid tal-Ferħ jidher u jkun sinjal hawn, f’din id-dinja, xhieda għal Kristu.  U anke jekk jasal għandna dan l-Inbid, tard f’Ħajjitna, x’jimporta?  L-aqwa li jasal.  Wara kollox fir-rakkont tal-Vanġelu, wasal tard l-Inbid it-tajjeb, wara li kien għeb il-qadim li kien fqir, qares u medjokri bħall-affarijiet li nippruvaw nimlew ħajjitna aħna. Dan hu l-kuntrast bejn Ġesù u d-dinja.

 

Il-Liturġija tal-Kelma għal-lum;

 

Qari I

Alla huwa l-għarus li jitgħaxxaq b’għarustu.

Iż 62:1-5

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Minħabba f’Sijon ma nehdiex,

minħabba f’Ġerusalemm ma niskotx,

sa ma tfeġġ bħal dija l-ġustizzja tagħha,

tħeġġeġ bħal torċa s-salvazzjoni tagħha.

Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus,

u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.

B’isem ġdid għad isejħulek,

isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.

Għad tkun kuruna ta’ ġmiel f’id il-Mulej,

u dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek.

Ma jgħidulekx aktar l-Abbandunata,

lanqas lil artek l-Imħarbta.

Lilek għad isejħulek Għaxqti Fiha,

u lil artek għad jgħidulha Għarusa,

għax l-għaxqa tal-Mulej fik, u artek għad titgħarras.

Bħalma għarus jitgħarras xebba,

hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;

u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu,

hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 95:1-2a,2b-3,7-8a,9-10aċ

 

R/.(3): Xandru fost il-popli kollha l-għeġubijiet tal-Mulej.

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Għannu lill-Mulej, bierku ismu! R/.

 

Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.

Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,

fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.

 

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,

agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;

agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu! R/.

 

Inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis;

triegħdu quddiemu, nies kollha tal-art!

Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”.

Hu jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

 

Qari II

L-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.

1 Kor 12:4-11

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, hemm diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd. Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd: lil wieħed kliem l-għerf, mill-istess Spirtu; lil ieħor il-kelma tas-sapjenza mill-istess Spirtu; lil ieħor il-fidi mill-istess Spirtu; lil ieħor id-don tal-fejqan mill-istess Spirtu; lil ieħor is-setgħa tal-mirakli; lil ieħor id-don tal-profezija; lil ieħor id-don tal-għażla tal-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir tal-ilsna. Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ara 2 Tess 2:14

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Għal dan Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju,

biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu.

Ġw 2:1-11

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.

 

Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

 

Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.

 

Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >