Din
hija il-Liturgija tat-Tielet Hadd matul is-sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Liturġija tal-Kelma ta’ dan it-3 Ħadd taż-Żmien Matul is-Sena tkellimna
bil-ħlewwa dwar rejaltà li hi mportanti wisq għalina li ngħarfu: il-Ħajja
Nisranija hija “Mixja”, “Proċess”, “Żvilupp”, “Vjaġġ”, “Moviment
kontinwu”. Tlaqna minn post u mexjin
lejn destinazzjoni li għadna ma nagħrfuhiex u allura dejjem għaddejjin minn
toroq li ma nafuhomx u huma dejjem ġodda, bħalma jgħid San Ġwann
tas-Salib. Imma għalkemm
id-destinazzjoni għadna ma nagħrfuhiex għax għadna ma rajnihiex, aħna nafu li
l-Wegħda li hemm marbuta magħha hi Kelma fidila ta’ Alla li tgħid dwarha: “Għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet,
u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li
jħobbuh.” (1 Kor. 2, 9).
Mela l-Ħajja Nisranija hi ferm aktar serja milli wieħed jgħammduh ta’
tarbija, jibda jmur lezzjonijiet tad-duttrina biex jieħu s-Sagramenti
tal-Ewkaristija, tal-Qrar u tal-Griżma tal-Isqof u mbagħad kollox OK, wasalna
fejn kellna naslu... issa obdu r-regolamenti tal-istatut tal-Għaqda! Li nkun Nisrani huwa bħal xitla li nżergħet
bħala żerriegħa, saret pjanta ċkejkna, dgħajfa quddiem in-nuqqas ta’ ilma u l-qawwa
tar-riħ, imbagħad, jekk Alla jrid, jissaħħaħ mhux ħażin iz-zokk, jinżlu
l-għeruq dejjem aktar ’l isfel, u jikbru u jissaħħu l-friegħi... u ssir siġra
li għall-ewwel mhix kapaċi tagħti frott.
Imma l-bidwi, f’dan il-kas Alla l-Imbierek, jaf jistabar, sakemm dik li
darba kienet ħaxixa titriegħed quddiem ir-riħ, tagħti frott bla sforz, għax
fiha hemm natura li minnha nnifisha tnissel il-frott li jferraħ lin-nies.
Dan hu li jrid jagħmel Alla minn Ħajjitna, dejjem jekk ngħidulu l-famuża
“Iva!” għax il-Ħajja hija “żifna”, u ma niżfinhiex waħdi, u lanqas jiżfinha
Alla waħdu, imma jien u Alla flimkien. “It takes two to tango!” jgħidu, u dan
jgħodd ħafna għar-relazzjoni tagħna mal-Mulej.
Mela, niżfnu waqt li nimxu!! U
mhux ma’ Alla biss niżfnu u nimxu, imma ma’ oħrajn, ma’ aħwa li huma mħeġġin
bħalna li naslu f’dak l-imkien imwiegħed... nimxu mal-Knisja u fil-Knisja. U iktar ma nimxu ’l quddiem tibda sseħħ xi
ħaġa tal-għaġeb: nibdew insiru nixbħu lil Dak li sejħilna; nibdew insiru nixbħu
aktar lil Dak li hemm miexi quddiemna; nibdew insiru nixbħu lil Dak li
għajnejna huma dejjem iffissati fuq dahrU hekk kif narawħ jitbandal minn sieq
għall-oħra hu u jgħaddina minn toroq li għalina huma strambi, kultant skomdi,
kultant kollhom twegħir, daqqa fuq għoljiet, daqqa matul pjanuri, u xi minn
daqqiet ninżlu ’l isfel, ’l isfel ġo widien fondi u mudlama. Mhux dawn huma li jiffurmaw l-Istorja tagħna,
Storja li hi Kelma ta’ Alla?
U mhux biss insiru nixbħuH imma wkoll insiru parti minnU, parti mill-Ġisem
mistiku ta’ Kristu. Iktar kemm insiru
nixbħuĦ iktar ninbidlu fiH għax niġu mlaqqmin fiH, bħal meta jlaqqmu
s-siġar. Insibu ruħna ngastati fiH. It-Tieni qari tal-lum meħud mill-Ewwel Ittra lill-Korintin
jitkellem b’għerf dwar dan il-Ġisem ta’ Kristu li hu l-Knisja. “Issa
intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.” (1 Kor. 12, 27). Din mhix teorija! Dan hu fatt.
U kif inkunu nafu li aħna tassew parti minn Kristu? Mill-opri li nwettqu, anke bla sforz bħal dik
is-siġra. Kif nista’ nkun parti minn
Kristu jekk niżni, jekk nisraq, jekk nikkalunja, jekk nitkellem dwar il-ħażin
ta’ ħaddieħor anke meta dan hu veru? Kif
nista’ nkun parti minn Kristu jekk għad m’għandix l-Imħabba tiegħu taqbad bħal
Ħuġġieġa qaddisa ġewwa fija?
Għalhekk, huwa ċar li min-natura tagħna li biha twelidna, ma nistgħux
nitwaħħdu mal-Mulej. Hemm bżonn natura
oħra, natura divina; hemm bżonn nitwieldu mill-ġdid. Hu dan li jseħħ tul il-Proċess, il-Mixja,
il-Vjaġġ li semmejna fil-bidu. Għalhekk
qatt u qatt ma nista’ jien ngħid li wasalt!
Kieku tafu kemm inkun tad-daħq jekk ngħid dan! Hemm mogħdija, moviment matul Ħajjitna,
ċaqlieq dejjem ’il quddiem.
U f’dan kollu hemmm diversi għajnuniet li Dak li miexi fuq quddiem jagħtina
biex ma ngħejjewx mexjin, ma naqtgħux qalbna, jew addirittura ma niqfux u
nerġgħu lura għax nixbgħu mexjin! Fost
dawn l-għajnuniet hemm waħda li, fl-opinjoni tiegħi, u mhux tiegħi biss, aħna
fqar bil-bosta fiha. Bħala Knisja aħna
fqar fl-Iskrittura! Kienet il-Knisja, li
wara li esperjenzjat u għexet dak li kien qal Ġesù, niżlitu f’kotba. Kulma hemm miktub fil-Vanġeli huma possibbli
li jingħexu min-nies għax inkitbu minn Knisja li kienet għexithom. Mhux biss,
imma matul is-sekli kienet il-Knisja li għasset fuqhom dawn il-kitbiet,
ħarsithom, u qabbdet aħwa li “ħlew” ħajjithom dejjem jikkupjawhom, għax ma
kienx hemm magni li jistampawlek kulma trid dak iż-żmien.
Allura, wara din l-Imħabba kbira li l-Knisja għandha lejn l-Iskirttura
kollha kemm hi, kemm it-Testment il-Qadim kif ukoll il-Ġdid, għaliex naraw
“Insara” ta’ knejjes oħra li huma ferm aktar midħla minna tal-Kotba
Mqaddsa. Dan hu dnub! Għaliex il-Bibbja għadha ktieb tqil, magħluq
b’seba’ siġilli, meta s-siġilli kissirhom il-Ħaruf bla tebgħa li miet għalina? Bl-Ispirtu tal-Ħaruf ninagħtaw għerf (mhux
tal-iskola!) li bih nindunaw li l-Bibbja titkellem fuqi daqs kemm titkellem fuq
Alla! Huwa dan li hemm bżonn niskopru:
li Abraham huwa jien; li Iżrael huwa jien; li David huwa jien; li Ġuda huwa
jien; Pietru, l-għamjin u l-lebrużi li tfejqu huma jien; l-esperjenza ta’
Marija hija l-esperjenza tan-Nisrani...
Fuq kollox il-Bibbja hija Kristu l-Ħaruf tal-Għid, iċ-ċentru ta’
kollox. Kull paġna tal-Iskrittura
titkellem fuq il-Mulej Ġesù u iktar kemm insiru midħla ta’ dan l-għana kollu,
iktar nitwaħħdu ma’ Dak li hu kollox f’kollox.
Kemm nies bkew biki ta’ qsim il-qalb, biki ta’ ndiema fuq il-paġni
tal-Ktieb Qaddis! Kemm nies innamraw
miegħu, tant li jqattgħu il-jum kollu jgħoxew jistudjaw, jiskrutinaw,
jirriflettu fuqu. Kemm midinbin kbar
bidlu ħajjithom fuqu. Santu Wistin, li
ma kienx xempju tal-qdusija f’żogħżitu, darba sema tfajjel ikanta: “Ħu f’idejk
u aqra! Ħu f’idejk u aqra!” It-tifel kien qed jilgħab, imma għal dan
il-bniedem kbir fl-Istorja tal-Knisja dik għalih kienet Kelma ta’ Alla. Hu qabad l-Iskrittura u sar bniedem
ġdid. Sant Anton Abbati, li għadna kif
għamilna l-festa tiegħu it-Tnejn li għadda, darba daħal il-knisja u kien qed
jinaqara l-Vanġelu ta’ San Mattew fejn hemm il-Kliem: “Mur biegħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi
warajja!” (Mt. 19, 21). Kienet Kelma bħal sajjetta! Hekk għamel u kieku m’għamilx hekk kien
jintesa malli difnuh, imma llum huwa wieħed mill-qaddisin kbar tal-Knisja u
għadna nitkellmu fuqu.
Il-Qari minn Neħemija jurina ċar x’effett għandha l-Bibbja fuq in-nies
għax, bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu, il-qlub jinħallu u l-bniedem jinbidel. “Għax
il-poplu kollu kien qabad jibki malli sema’ l-kliem tal-Liġi.” (Neħ. 8, 9). Anke l-mod kif tinqara l-Kelma qaddisa juri
jekk int tħobbx il-Kelma jew le. Kristu
daħal fis-sinagoga, jgħidilna l-Vanġelu llum, u qara minn Isaija. Minn fommu l-Kelma ħarġet ħajja tant
li għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu
msammrin fuqu. (Lq. 1, 20). Xi ġmiel!
Il-bniedem għandu għatx għall-Ħajja vera. Tajjeb, din tinsab magħluqa fil-Ktieb Qaddis.
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Qraw mill-Ktieb
tal-Liġi.
Neħ
8:2-4a,5-6,8-10
Qari mill-Ktieb
ta’ Neħemija
F’dak
iż-żmien, Esdra l-qassis ġieb il-Ktieb tal-Liġi quddiem il-ġemgħa, li kienet
magħmula minn irġiel, nisa u oħrajn, li kienu jifhmu dak li jisimgħu. U
mis-sebħ sa nofsinhar qara minnu quddiem l-irġiel, in-nisa, u dawk li kienu
kapaċi jifhmu, iħares lejn il-misraħ li hemm quddiem Bieb l-Ilma. U l-poplu kollu kien
attent jisma’ l-qari tal-Ktieb tal-Liġi. Esdra l-iskriba kien wieqaf fuq palk
tal-injam, li kienu waqqfu għall-okkażjoni. Esdra fetaħ il-Ktieb u rah kulħadd
jagħmel dan billi kien fil-għoli ’l fuq mill-poplu kollu. U meta fetaħ il-ktieb
kulħadd qam bilwieqfa. U Esdra bierek il-Mulej, Alla l-kbir, u l-poplu kollu
b’idejh merfugħin ’il fuq wieġeb:
“Ammen, ammen”. U nxteħtu għarkupptejhom b’wiċċhom mal-art jagħtu qima
lill-Mulej. Dawn qraw mill-Ktieb tal-Liġi b’mod li jiftiehem, fissruh, u
spjegaw il-qari. Neħemija, li kien il-gvernatur, Esdra, il-qassis u skriba, u
l-Leviti li kienu qegħdin jgħallmu lill-poplu, qalu lin-nies kollha: “Dan hu
jum qaddis, ikkonsagrat lill-Mulej Alla tagħkom. Titnikktux u tibkux!”. Għax il-poplu
kollu kien infexx jibki meta sama’ kliem il-Liġi.
U żiedu jgħidulhom:
“Morru u kulu laħam imsemmen u ixorbu nbid ħelu, u lil dak li ma ħejjewlu xejn
ibagħtulu sehem minn dak li għandkom. Dan hu jum qaddis għall-Mulej. La ssewdux
qalbkom, għax il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tagħkom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm
18(19):8,9,10,15
R/.
(Ġw 6:63ċ): Il-kliem
tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja.
Il-liġi
tal-Mulej perfetta,
u
tagħti l-ħajja;
ix-xhieda
tal-Mulej hi sewwa,
u
tgħallem lil min ma jafx. R/.
Il-preċetti
tal-Mulej dritti,
u
jferrħu l-qalb;
il-kmandament
tal-Mulej safi,
u
jdawwal l-għajnejn. R/.
Il-biża’
tal-Mulej sinċier,
u
jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji
tal-Mulej sewwa,
u
mseddqa għalkollox. R/.
Ħa
jkunu milqugħa quddiemek
kliem
fommi u ħsieb qalbi,
Mulej,
blata tiegħi u feddej tiegħi. R/.
Qari II
Intom
il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.
1
Kor 12:12-30
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti,
bħalma l-ġisem hu wieħed, u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad
li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll
tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew
ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed. Issa l-ġisem mhuwiex
membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri. Kieku s-sieq kellha tgħid:
“Ladarba m’iniex l-id, jien m’iniex biċċa mill-ġisem”, b’daqshekk
mhijiex parti mill-ġisem? U kieku l-widna kellha tgħid: “Ladarba m’iniex
l-għajn, jien m’iniex biċċa mill-ġisem”, ma jkunx ifisser b’daqshekk li hi
mhijiex biċċa mill-ġisem.
Kieku l-ġisem kollu kien għajn, fejn kien ikun is-smigħ? U kieku kien kollu
smigħ, fejn kien ikun ix-xamm?
Iżda
Alla qiegħed il-membri fil-ġisem kull wieħed f’postu, kif għoġbu hu. Kieku
kollha kellhom ikunu membru wieħed, fejn hu l-ġisem? Imma ħafna, iva, huma
l-membri, iżda wieħed hu l-ġisem. L-għajn ma tistax tgħid lill-id: “Jiena ma
għandix bżonnok”, anqas ir-ras ma tgħid lis-saqajn: “Ma għandix bżonnkom”.
Mhux hekk biss, imma l-membri tal-ġisem li jidhru l-aktar dgħajfa, huma l-aktar
meħtieġa; u dawk li nqisu bl-inqas ġieħ fil-ġisem, lil dawn l-aktar li nieħdu
ħsiebhom; u ’l dawk li ma għandhomx ġmiel, inlibbsuhom b’aktar ġmiel; għax
il-membri sbieħ ma għandhom bżonn xejn. Alla imma bena l-ġisem b’mod li żejjen
b’aktar ġieħ lil dawk li jeħtiġuh l-aktar.
B’hekk ma jkunx hemm
firda fil-ġisem, imma l-membri kollha jaħsbu f’xulxin. Jekk membru jbati, ibatu
lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu. Intom il-ġisem
ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu. Lil xi wħud Alla qegħedhom
fil-Knisja fl-ewwel post bħala appostli, it-tieni bħala profeti, it-tielet
bħala għalliema. Imbagħad id-don tal-mirakli, imbagħad id-don tal-fejqan,
l-għajnuna, it-treġija, u d-don ta’ ilsna diversi. Jaqaw ilkoll appostli?
Ilkoll profeti? Ilkoll għalliema? Ilkoll bid-don tal-mirakli? Ilkoll għandhom
id-don tal-fejqan? Ilkoll jitkellmu bl-ilsna? Ilkoll ifissru?
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq
4:18
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Il-Mulej
bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u rrodd il-ħelsien
lill-maħqurin.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Din il-kitba seħħet
illum.
Lq 1:1-4; 4:14-21
Bidu tal-Evanġelju skont San Luqa
Bosta kienu dawk li
ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li
seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom
stess u saru ministri tal-Kelma. Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li
bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett,
deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità
sħiħa dwar kulma tgħallimt.
Jum wieħed, Ġesù,
bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk
l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’
kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien
imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu
u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
“L-Ispirtu
tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar
il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal
il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid
lill-għomja,
irrodd il-ħelsien
lill-maħqurin
u nxandar is-sena
tal-grazzja tal-Mulej”.
Imbagħad raġa’ għalaq
il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd
fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum,
intom u tisimgħu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Tifħir lilek, Kristu.
|