Din
hija il-Liturgija tar-Raba' Hadd matul is-sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Knisja ta’ Kristu hija Profeta għad-Dinja, Dawl fid-dlam, “Lumen Ġentium”. L-istess in-Nisrani, huwa Profeta fl-ambjent
fejn ipoġġih il-Mulej. Bil-Magħmudija,
in-Nisrani sar intimament ingastat fi Kristu, parti minnU u dak li hu ta’
Kristu sar tiegħu ukoll; u Kristu huwa
l-Profeta per eċċellenza, il-Mibgħut mistenni, li bil-miġja tiegħU l-Missier
uriena dak kollu li kellu f’moħħu li juri lill-bniedem.
Il-Profeta, min-natura tiegħu, jaqla’ l-inkwiet għax jgħid il-Verità. Hu jqanqal l-ilma qiegħed u jqallbu ta’ taħt
fuq, u kieku taf x’rieħa tinten toħroġ minnu!
Il-Profeta huwa dak li bħal Kristu jista’ jgħid: “Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf.” (Mt. 10, 34).
Għax il-veru Profeta neża’ minnu nnifsu biex jilbes lil Kristu
li hu l-Verità fuq kull bniedem. Il-veru Profeta u l-veru Nisrani skopra, l-ewwelnett
li hu maħbub minn Alla u li kien maħbub minn Alla meta hu kien għadu
tiegħu. “U hawn qegħda l-imħabba; mhux għax ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna
Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.” (1 Ġw. 4, 10). Is-sejba ta’ din l-Imħabba-Misteru
tnibbet f’qalb il-bniedem Imħabba reċiproka, Ħuġġieġa qaddisa ta’ Mħabba mhux
biss lejn Alla iżda anke lejn il-proxxmu, għax min iħobb lil Alla jħobb
lin-nies kif iħobbhom Alla għax l-Imħabba li hemm tgħammar fih hi l-Ispirtu
s-Santu nnifsu. Għal dan aħna msejħin,
għal dan il-Ferħ, din il-milja tas-sens tal-Ħajja.
Il-Profeta jagħraf li l-biċċa l-kbira tal-biża’ li niltaqgħu miegħu f’din
il-Ħajja mhu xejn ħlief biża’ fieragħ, biża’ li ġej mir-rabta żejda u marida mal-affarijiet
li jgħaddu, ma’ sentimenti morda, ma’ idolatriji li Kristu jfejjaqna
minnhom. Min isib l-Imħabba vera ta’
Alla, jinża’ l-bniedem il-qadim u jsir għal kollox ġdid. “Fl-imħabba
ma hemmx biża’; l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ’l barra, għax il-biża’ għandu
x’jaqsam mal-kastig.” (1 Ġw. 4,
18). Hu minħabba f’hekk li l-Profeta
jaffordja li jgħid il-Verità dejjem u lil kulħadd, u dan ma jiġbidx għal fuqu
popolarità, tifħir, ħbiberiji! Staqsu
lil Ġwanni l-Għammiedi u lill-Profeti kollha, u lill-Insara li ġew
warajhom! “Ħuti tistagħġbux jekk id-dinja tobogħdkom.” (1 Ġw. 3, 13). Imma Kristu jħobbha d-dinja u jgħidilha
l-Verità u spiċċa msallab. Il-Knisja, li
hi l-Ġisem ta’ Kristu, tħobb lid-dinja u tgħidilha l-Verità u għalhekk hi
pperseġwitata u huma l-Insara l-iktar, bil-bosta l-iktar, li jmutu martri kull
sena. Il-Knisja vera ta’ Kristu sofriet
mibegħda minn kull naħa tal-isfera politika: bagħduha l-faxxisti u n-nażisti, u
bagħduha wkoll il-komunisti. In-Nisrani
veru għandu saħansitra nies “reliġjużi” kontrih u ma rridux ninsew li kienu
nies “reliġjużi” ħafna li sallbu lil Kristu... la l-politika u lanqas il-poter
militari ta’ żmienu! “Iva, ġejt nifred lil-bniedem minn
missieru, lill-bint minn ommha, u lill-mara minn omm żewġha; u l-bniedem ikollu
n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu.”
(Mt. 10, 35-36).
Diġa dħalna fi żmien fejn Alla qed jożbor il-Knisja tiegħU, iċekkinha,
jagħmilha ħafna iktar umli, “Fdal”, biex hekk issir iktar awtentika, xhud veru
tal-Verità li hi biss fi Kristu. Fi Franza
aktarx jgħaddu liġi kontra l-Evanġelizzazzjoni, kontra li int tagħti xhieda
tal-Imħabba ta’ Kristu lil xi ħadd, jekk mhux fi knisja tal-ġebel. Qalu li ma jridux proselitiżmi għax tkun qed
tagħmel vjolenza fuq l-ieħor. Dan meta
twassallu l-Imħabba mmensa ta’ Alla!
Għaliex tibża’ daqshekk minn Kristu d-dinja? Fejn hemm il-biża’ hemm il-vjolenza u
l-persekużżjoni. L-Ewropa, li tant niftaħru
biha, għad trid timla l-ħabsijiet tagħha bix-xhieda ta’ Kristu li jkunu ġew
akkużati fil-qrati b’fundamentaliżmu, b’“hate
speech” u b’mitt qerq ieħor. U
pajjiżna...?
Dan kollu qed ngħiduh għax il-Liturġija tal-Kelma tal-lum titkellem fuq li
Kristu se jkun opponut u jkollu għedewwa f’kull ġenerazzjoni. Il-Vanġelu tal-lum iwassal il-kliem tiegħU: “Tassew ngħidilkom, ebda profeta ma
jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu.” (Lq. 4, 24). U jekk int trid tkun taf jekk intix Nisrani
“kulturalment” biss, jiġifieri skont id-drawwiet, tajbin kemm huma tajbin,
biss, jew intix Nisrani “ġuridikament” biss, jiġifieri għax għammduk darba u
ismek tniżżel fuq ir-reġistru tal-kappillan biss, jew jekk intix Nisrani xhud
ta’ Kristu, ara għandekx għedewwa minħabba fiH.
Min jixhed għal Kristu jkollu għedewwa, mhux minħabba l-wirt, jew
l-idejat politiċi tiegħu, jew għax kellu xi jgħid ma’ xi ħadd, iżda għax hu
Profeta!
Imma dan kollu mhux biex nintelqu u nibdew naħsbu li aħjar ma tkun Nisrani
xejn. Għax ngħiduha kif inhi, aħna lkoll
nippreferu ħajja komda, bla nkwiet, bla
Salib... Min jixhed għal Kristu u jħobb
lill-Knisja tiegħU, jagħmel dan għax skopra li kien Kristu, u Kristu biss, li
ħabbu hekk kif inhu, bla
kundizzjonijiet, bla ma talbu biex jinbidel. Anzi meta kien ħażin, Alla, fi Kristu, fetaħ
idejH beraħ fuq is-Salib u qallu: “Daqshekk inħobbok jien lilek!” Ma ġġudikahx u ma kkundannahx. Dan jgħidu l-ħin kollu l-Vanġelu. Hemm ferħ kbir imens li wieħed jimxi l-Ħajja,
l-Istorja fil-kumpanija ta’ Kristu. Meta
bniedem jiltaqa’ ma’ Kristu jiskopri dan kollu u jinduna li l-Imħabba vera
tassew tkeċċi l-biża’ ’l barra!
It-Tieni Qari tal-lum jitkellem fuq l-Imħabba u l-Knisja daħlitu f’nofs
il-qari tal-ġurnata biex tenfasiżża li l-aqwa arma li għandu l-Profeta mhix
il-kuraġġ, lanqas xi saħħa umana, u anqas u anqas li hu xi “superman”. Hu bniedem
dgħajjef bħal ħaddieħor, jista’ jkun anke agħar minn ħaddieħor meta ltaqa’
l-ewwel darba mal-Mulej... staqsu lil San Pawl!
L-aqwa arma tal-Profeta hija l-Imħabba.
“L-imħabba kollox tagħder, kollox
temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.”
(1 Kor. 13, 7).
Hija din l-Imħabba li tagħmel mill-Knisja, Dawl, Melħ u Ħmira għall-bnedmin
kollha tal-art biex biha jsalva kulħadd anke dawk li mhumiex membri
tagħha. Hi tipprova ddawwal anke
lill-imbegħdin, tagħti togħma lill-borma kollha, u ttella’ l-għaġna anke jekk
ftit ikunu magħha, għax kemm id-Dawl u kemm il-Melħ u kemm il-Ħmira, ftit
minnhom hu dejjem biżżejjed.
Imma fuq kollox, kemm id-Dawl li jinħela waqt li jdawwal, kemm il-Melħ li
jinħall waqt li jmellaħ, u kemm il-ħmira li tgħib fl-għaġna, dawn it-tlieta
jinagħtaw sal-mewt għall-oħrajn. Għax
in-Nisrani jitlef Ħajtu waqt li jixhed.
Int titlef ħinek, il-kumdità tiegħek, il-mistrieħ tiegħek... tgħid le
lilek innifsek, imma mhux b’Liġi għax hekk hu tajjeb u sewwa. Le!
B’hekk malajr tgħejja. Imma għax
tħobb! L-Imħabba tagħmel kollox u “l-Imħabba ma tmut qatt!” (1 Kor. 13, 8).
Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Jien
qegħedtek profeta fuq il-ġnus.
Ġer
1:4-5,17-19
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Ġeremija
Fi
żmien Ġosija,
ġietni
l-kelma tal-Mulej u qalli:
“Qabel
ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek;
qabel
ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.
Jien
qegħedtek profeta fuq il-ġnus.
Ħażżem
ġenbejk,
qum
u għidilhom kulma nordnalek.
La
tibżax minnhom,
għax
inkella nbeżżgħek jien quddiemhom.
Arani,
illum se nagħmel minnek
belt
fortizza,
kolonna tal-ħadid,
ħajt tal-bronż,
kontra l-pajjiż
kollu,
kontra s-slaten ta’
Ġuda, u l-prinċpijiet tiegħu,
kontra
l-qassisin tiegħu u l-poplu tal-pajjiż.
Huma
jeħduha kontrik, imma ma jagħmlulek xejn,
għax
jien inkun miegħek – oraklu tal-Mulej – biex neħilsek minnhom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm
70(71):1-2,3-4a,5-6ab,15ab,17
R/.(15):
Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek.
Fik,
Mulej, jien nistkenn;
ma
jkolli qatt għax ninfixel.
Għall-ġustizzja
tiegħek salvani u ħarisni;
agħtini widen u
fittex eħlisni. R/.
Kun sur ta’ kenn
għalija;
int
wegħedt li tiġi dejjem issalvani,
għax
blata u fortizza int għalija.
Alla
tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin. R/.
Għax
inti, Sidi, it-tama tiegħi;
Mulej,
inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.
Fuqek
serraħt sa minn twelidi,
sa
minn ġuf ommi inti ħadtni. R/.
Fommi
jxandar il-ġustizzja tiegħek,
il-jum
kollu l-għemejjel tal-għajnuna tiegħek.
O
Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;
u
jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek. R/.
Qari II
Issa
hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.
1
Kor 12:31–13:13
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti,
intom ħabirku għal doni ogħla. Imma jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll. Li
kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli
bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku.
U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu,
kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba,
jiena ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti
ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid.
L-imħabba
taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma
titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu
tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx
bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox
tittama, kollox tissaporti.
L-imħabba
ma tintemm qatt. Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf. Għalissa
nafu biċċa, u l-profezija tagħna hi nieqsa; imma meta jfeġġ dak li hu sħiħ,
jgħib dak li hu nieqes. Meta kont tarbija, kont nitkellem ta’ tarbija, inħoss
ta’ tarbija, naħseb ta’ tarbija. Meta sirt raġel warrabt dak li hu ta’ tarbija.
Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ.
Issa nagħraf biċċa, imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa. Issa hawn fidi,
tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba!
Il-Kelma tal-Mulej.
R/.
Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq
4:18
Hallelujah.
R/. Hallelujah.
Il-Mulej
bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u rrodd il-ħelsien
lill-maħqurin.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Ġesù ma kienx
mibgħut għal-Lhud biss.
Lq 4:21-30
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien Ġesù
qal lin-nies fis-sinagoga: “Din il-kitba seħħet
illum, intom u tisimgħu”. U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli
ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. Iżda hu
qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: ‘Tabib,
fejjaq lilek innifsek. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn
f’pajjiżek ukoll!’”. U żied
jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu.
Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta
s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu;
madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn
Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta
Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”. Meta semgħu
dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt,
ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u
riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’
sejjer.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
|