Friday, 27 May 2022
           
Home
IL-5 HADD MATUL IS-SENA (2022) LAQGHA MA’ KRISTU – INDIEMA – SAJJIEDA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 05 February 2022

Din hija il-Liturgija tal-Hames Hadd matul is-sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 the_miraculous_draught_of_fishes_1997.21.1-2000.jpg

 

Il-Liturġija tal-Kelma ta’ dan il-Ħadd tlaqqagħna ma tnejn min-nies li kellhom laqgħa ħajja u qawwija ma’ Alla.  Din il-frażi “laqgħa ma’ Alla” sikwit qed nisimgħuha u naħseb li għa ħafna ftit li xejn tinftiehem.  Qed tinagħta ħafna enfasi, u bir-raġun, imma l-bniedem jistaqsi: “Imma jien x’irrid nagħmel biex ikolli din l-esperjenza għax lanqas biss naf x’inhi.

 

Esperjenza ta’ Alla, jew laqgħa ma’ Alla, jkun mument li int tibqa’ tiftakru ħajtek kollha, u meta tkun f’xi kriżi ta’ Fidi, għax ma tkunx qed tara l-Imħabba ta’ Alla fl-Istorja tiegħek, int tfakkar lilek innifsek din l-esperjenza u tiggranfa magħha.  Inti tħares lura u tgħid lilek innifsek: “Ftakar!  Dak inhar kont dahri mal-ħajt.  Ma stajt nagħmel xejn iktar jien.  Intlaqt fil-Mulej għax ma kellix triq oħra u b’Sorpriza kbira u hienja għalija, għadda Alla minn ħajti.  Hu tassew għadda minn ħajti dak in-nhar.  Dak in-nhar jien indunajt li Alla tassew jeżisti u jien importanti ħafna ħafna għaliH.  U jekk xi ħadd jistaqsini għaliex nemmen f’Alla jien nirrakkonta dik l-Istorja, anke jekk il-kliem li jiġini huwa fqir wisq biex nesprimi l-emozjonijiet tiegħi.

Issa, x’jista jagħmel wieħed biex ikollu din l-esperjenza ta’ Alla?  Xejn!  Din il-ġrajja ma tistax tisforzaha int, jew tivvintaha.  Huwa Hu li jiġi.  Hija għal kollox xogħlu.  Iżda jekk int bniedem immarkat minnU biex tinagħta Fidi kbira, ibqa’ ċert li din l-esperjenza se tgħaddi minnha.  Huwa Hu li jipprovoka l-Istorja, huwa Sid l-Istorja, il-bidu ta’ kull xi ħaġa kbira f’Ħajjitna.

 

Il-Qari mit-T.Q. ikellimna fuq l-esperjenza ta’ konverżjoni, biex insejħulha hekk, ta’ Isaija l-Profeta, li kien għadu żagħżugħ.  Kien qiegħed fit-Tempju meta kellu din l-esperjenza meraviljuża ta’ Alla.  L-ewwel reazzjoni ta’ kull min jiltaqa’ tassew ma’ Alla hi l-Indiema!  L-Indiema tad-dnubiet!  Għax laqgħa ma’ Alla dejjem hi laqgħa mal-Imħabba tiegħu u l-iskoperta kemm int dejjem kont ingrat fir-relazzjoni tiegħek miegħU.  Tibqa’ mbellaħ kif int hekk importanti għaliH.  L-ewwel kelmiet li ż-żagħżugħ Isaija lissen malli għajnejh raw il-Mulej kienu: “Jaħasra għalija!  Mitluf jien!  Bniedem b’xofftejh imniġġsa jien, u f’nofs poplu b’xofftejh  imniġġsa ngħammar; madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti!”  (Is. 6, 5).  Issa, naturalment, ħadd mhu se jkollu din l-esperjenza tremenda li kellu Isaija.  Iżda għalina, li aħna tant żgħar fil-Fidi u anke fix-xogħol li jqabbadna nagħmlu l-Mulej, l-esperjenza tiegħU li Hu jagħtina tkun kbira biżżejjed biex tibqa’ tiftakarha sa fuq is-sodda tal-Mewt.  Hawn min ikolli iktar minn Memorjal wieħed.  Għax ġrajja qawwija tal-Grazzja, insejħulha “Memorjal”, xi ħaġa li tidħol fil-Memorja tiegħek għal dejjem.

 

Quddiem il-Qdusija u l-Imħabba gratis ta’ Alla, Isaija jħossu “zero”.  Jinduna kemm kien hemm abbiss jaqsam bejn il-Ħajja tiegħu u dik li xtaq minnu Alla.  Imma flok inħaraq bid-dehra, Isaija jesperimenta l-Maħfra ħelwa tal-Mulej, ir-Rikonċiljazzjoni totali, tindif ġewwieni, anzi bidla fin-natura tiegħu.  Dan kollu seħħ b’antiċipazzjoni tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Għax il-Mewt u l-Qawmien ta' Kristu huma ċ-Ċentru tal-Istorja u kull ħaġa tajba li seħħet qabel ħarġet mill-Merti miksuba ta’ Kristu b’antiċipazzjoni!  Ir-rakkont isemmielna  ġamra nar f’idu li hu kien qabad b’imqass minn fuq l-altar, u messlu fommu biha u qallu: ‘Ara, din messitlek xofftejk: ħżunitek għabet, u dnubek inħafer.”  (Is. 6, 6-7). 

 

Kull dnub li jinħafer, jinħafer għax patta għalih Ġesù Kristu, il-Ħaruf bla tebgħa maqtul għalina u għal kull bniedem.  Għalhekk dik il-ġamra li l-anġlu qabad b’imqass mill-artal tal-inċens hija xbieha ta’ Kristu li ħa fuqu d-dnubiet tiegħi u tiegħek u tad-dinja kollha fuqu u ħaraqhom minn ġo fina!  Din l-Opra Qaddisa ta’ Alla tant tnissel ferħ fil-bniedem, li issa mhux l-obligu, jew il-Liġi, jew għax hekk hu sewwa, li jimbuttaħ biex jagħmel dak li jgħidlu Alla, iżda l-Imħabba, is-sens ta’ Ħelsien li jirievi.  Hu jsir bniedem ġdid u Isaija jgħajjat quddiem Alla: “Hawn jien, ibgħat lili!  Ibgħat lili!”  (Is. 6, 8).  Għax Alla  kien staqsa “Lil min se nibgħat?  Min se jmurilna?”  U hekk mil-laqgħa qaddisa, Isaija għadda għall-Indiema, u mbagħad biex isir sajjied tal-bnedmin.

 

Esperjenza simili, anke jekk inqas spettakulari, kellu Pietru, li kien għadu xettiku dwar Ġesù, il-Profeta minn Nazaret.  Quddiemu seħħ miraklu enormi ta’ qabda kbira ta’ ħut u dan is-sinjal ta’ barra minn hawn għenu jemmen li dak il-bniedem li kellu quddiemu kien bniedem ta’ Alla, xi ħadd speċjali, tal-għaġeb.  Induna li kien fil-Preżenza ta’ Alla li fid-dawl tagħha, bħal Isaija, huwa ra kemm kien goff, żorr, bla mħabba u kemm dejjem ta dahru lil Alla li kien iħobbu.  Lil Ġesù qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”  (Lq. 5, 8).  Imma t-tweġiba sorprendenti ta’ Kristu ma kinitx, “Sewwa qed tgħid!  Għandek ħafna minn xhiex tikkonverti! Ħu ħsieb ruħek!”  Le!  Imma qallu: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies.”  (Lq. 5, 10).  U bħal Isaija, Pietru u sħabu ħallew kollox warajhom u telqu għall-avventura ġdida ma’ Kristu l-Mulej.

 

Issa din hi l-Kelma ta’ Alla, Kelma li hi għal kull bniedem, Kelma li qegħda sseħħ issa.  Hi Kelma li dejjem hi Misteru għax għalkemm storikament ġrat ilu, hi seħħ f’min ikun qed jisma’ waqt li tiġi proklamata.  Għax il-Kelma ta’ Alla hi ħajja, hi Nar li jaħraq id-dnub, hi ilma li mid-deżert ta’ ġo fina jagħmel ġnien imsoqqi tajjeb.  Għalhekk din il-Kelma llum tistedinna biex napprofondixxu l-Fidi tagħna.  Inħaffru għat-Teżor!  Min jemminha din il-kelma?  Inħaffru għat-Teżor li mhux xi wirt tad-dinja, jew xi kaxxa mimliha pakketti tal-ewros.  Inħaffru għat-Teżor!  It-Teżor li hu Kristu!  it-Teżor li hu rebħa fuq il-Mewt minn hawn stess b’tali mod li meta nirċievu xi aħbar ħażina dwar saħħitna jew saħħet xi ħadd għażiż għalina, inħoss ż-żiffa ħelwa tal-Ispirtu jdur madwarna bħalma ħassewh dawk it-tliet żgħażagħ fil-ħuġġieġa tan-nar.  Ara taħsbu li dawn l-affarijiet ma jiġrux.  Kemm hawn Insara ta’ veru li jimxu fuq il-baħar tal-inkwiet u tal-biża’ tal-Mewt minħabba l-Fidi li għandhom fi Kristu Mqajjem fuq l-imwiet!  Dan hu t-Teżor li għandna nfittxu.  J’Alla l-Mulej jagħtina l-Għerf li jgħinna ngħarfu l-vera ġojjelli.

 

Kollox ġej mill-Aħbar it-Tajba.  Jew temminha jew ma temminhiex.  Hawn ħafna nies “reliġjużi” li jaħsbu li għandhom il-Fidi imma m’għandhom l-ebda ħajra jew aptit jidħlu dejjem iktar ’il ġewwa fl-Għarfien ta’ Kristu.  Malli ssemmilhom xi laqgħa jitgerrxu u jaqbadhom il-bard!  Min isib it-Teżor, jimtela bid-Dawl.  Hu mhux id-Dawl, imma jirrifletti d-Dawl li hu Kristu.  In-Nisrani veru huwa ‘Prekursur’ ta’ Kristu, iżda huwa Kristu li jfejjaq, jeħles, idewwi, iġedded iż-żgħożija... isalva u jagħti r-Rebħa.  Alla jibgħat nies qablu, ‘profeti’, ‘sajjieda tan-nies’, ‘Prekursuri’, biex iħejjulu t-triq.  Imma dawn huma biss ‘ġarar tal-fuħħar’ li jġorru fihom infushom it-Teżor li minnu tnissel l-univers kollu.

 

Il-Liturġija tal-Kelma għal-lum:

 

Qari I

Hawn jien: ibgħat lili!

Iż 6:1-2a,3-8

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Fis-sena li fiha miet is-sultan Għużżija, jien rajt lil Sidi bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ’il fuq; djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju. ’Il fuq minnu kien hemm serafini, li kienu jgħajtu u jwieġbu lil xulxin:

“Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej tal-eżerċti!

L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu”.

 

Bl-għajat tagħhom is-sisien tal-għetiebi theżżu, u t-tempju mtela bid-duħħan. Imbagħad jiena għedt:

“Jaħasra għalija! Mitluf jien!

Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien!

U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar;

madankollu rajt b’għajnejja lis-Sultan, il-Mulej tal-eżerċti”.

 

Wieħed mis-serafini ttajjar lejja, b’ġamra nar f’idu, li hu kien qabad bi mqass minn fuq l-altar, u messli fommi biha u qalli:

“Ara, din messitlek xufftejk:

ħżunitek għebet, u dnubek inħafer”.

 

Imbagħad smajt leħen Sidi jgħid: “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?”. U jien weġibt: “Hawn jien: ibgħat lili!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 137(138):1-2a,2bċ-3,4-5,7ċ-8

 

R/.(1ċ): Quddiem l-allat, Mulej, irrid ngħannilek.

 

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,

għaliex int smajt kliem fommi.

Quddiem l-allat irrid ngħannilek.

B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. R/.

 

Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,

għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.

Meta sejjaħtlek, int weġibtni,

kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.

 

Iroddulek ħajr, Mulej, is-slaten kollha tal-art,

għaliex semgħu l-kliem ta’ fommok.

U jgħannu l-imġiba tal-Mulej,

għax kbir hu sebħ il-Mulej! R/.

 

Il-leminija tiegħek issalvani.

Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.

It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;

la titlaqx għemil idejk. R/.

 

Qari II

Dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

1 Kor 15:1-11

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, irrid infakkarkom fl-Evanġelju li xandarnielkom u li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. Bih intom salvi bil-kelma li jien ħabbartilkom, kemm-il darba żżommuha, jekk ma emmintux għalxejn.

 

Qabelxejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax.

 

Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sal-lum; xi wħud minnhom raqdu. Imbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt, għax jien l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja ta’ Alla.

 

Imma bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn, għax tħabatt ħafna iktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien, iżda l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi. Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Jew il-forma l-qasira

 

Qari II

Dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

1 Kor 15:3-8,11

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax. Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sal-lum; xi wħud minnhom raqdu. Imbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt. Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4:19

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Ejjew warajja,

u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Telqu kollox u marru warajh.

Lq 5:1-11

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

 

Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 

Last Updated ( Saturday, 05 February 2022 )
 
< Prev   Next >