Friday, 27 May 2022
           
Home arrow Home
IS-7 HADD MATUL IS-SENA (2022) L-IMHABBA LI TWASSAL GHAL IMHABBA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 19 February 2022

Din hija il-Liturgija tas-Seba' Hadd matul is-sena (2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

saint_luke_2012.79.2-2000.jpg

 

Il-Kristjaneżmu huwa Aħbar Tajba!  U x’inhi din l-Aħbar Tajba?  Din l-Aħbar Tajba hija Persuna: Ġesù Kristu, l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla li fih dehret l-Imħabba miġnuna tal-Missier għal kull maħluq minnU. Meta konna lkoll għedewwa tiegħu għax konna lkoll xbieha ta’ Adam li kien mimli suspetti dwar din l-Imħabba li ħalqitu, Alla miet għalina sa fuq is-Salib f’Ibnu Ġesù.  Kien hemm bżonn li ssir tpattija għat-taħsir tan-natura tal-bniedem.  Kien hemm bżonn ta’ Fidwa li titħallas mhux bid-deheb jew bil-fidda imma bid-demm ta’ “Ħaruf” li jinagħta għall-merħla, biex imut hu u l-merħla tgħix.  Kien hemm bżonn li Xi Ħadd jieħu fuqu l-Mewt li fiha daħal kull bniedem bid-“Dnub”, biex il-qrusa tal-konsegwenza tad-“Dnub” iduqha Hu minflok il-bniedem.  Kien hemm bżonn li Xi Ħadd jidħol f’ħalq il-Mewt biex ikun għaliha velenu, biex jikxef il-gidba tagħha, biex ikun Spirtu ta’ rebħa fuq il-Mewt li jinagħta li kull min jemmen fiH.  Kien hemm bżonn li Xi Ħadd jirbaħ tant merti enormi u eterni li setgħu jitqassmu fuq kull midneb li jdur lejH u mingħajr merti tiegħu, imma biss għax iħares lejn “is-serp” imdendel mal-lasta bil-Fidi, huwa jsir qaddis, iġġustifikat, imlibbes il-merti ta’ Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub.

 

Id-“Dnub” mhux biss ksur morali ta’ xi kmandament.  Hu ferm iktar minn hekk.  Hu stat ta’ jasar.  Ilkoll twelidna b’natura mjassra mid-“Dnub” frott tas-suspett dwar Alla li tnissel fin-natura tagħna fil-Ġnien tal-Għeden.  Ilkoll twelidna maqtugħin mill-għajn tal-Ħajja vera u eterna, u minn hawn ġejja l-ħarba ta’ kull bniedem fid-dnub.  Għax kull bniedem iħoss id-dgħufija, in-nuqqas ta’ sigurtà, in-nuqqas ta’ ċertezza ta’ Ħajja ta’ Dejjem li hi biss tagħmel li l-bniedem jista’ jħobb.  Id-dell tal-Mewt li d-“Dnub” ġab fuq il-bniedem għamel minnu egoista, l-ħin kollu jiddefendi l-ftit ħajja li għandu, vjolenti kważi għal kull ħaġa ta’ xejn għax hemm ġerħa moħbija fl-intern tiegħu li hu ma jistax ifejjaq.  U din il-ġerħa hi ċ-ċertezza li hu jrid imut, li qed jgħix fi żmien “misluf”.  F’din l-ekonomija ta’ Ħajja, kollox isir prekarju, insigur, illum hawn u għada min jaf.  Huwa dan li jagħmel lill-bniedem jaħseb fih innifsu, jiġbed lejh.  Huwa dan li jfieri tant lill-bniedem meta jiġi, jew tiġi, tradut jew traduta, fiż-żwieġ, per eżempju.  Hemm suspett fil-biedem li jgħidlu li hu waħdu, waħdu, waħdu. 

Naturalment, din hi l-interpretazzjoni tax-xitan dwar l-Istorja li kull wieħed għandu.  Int u jien nieħdu r-ruħ jekk nistkennu fl-imħabba umana, fis-sigurta tal-familja, fis-serħan il-moħħ tal-ġid tal-art, fis-sodisfazzjon li aħna stmati mis-soċjetà, li rnexxejna, li jitkellmu tajjeb fuqna.  Imma meta xi ħaġa minn dawn tonqos, u tonqos żgur għax barmil vojt ma jistax jimla barmil vojt ieħor, allura nindunaw li konna qed inraqqgħu il-pannu bil-qargħa ħamra.  Jaħbat ma’ moħħna l-ħsieb li għandu raġun dak il-leħen fina li jgħidilna li m’aħniex maħbubin, li aħna waħedna, li l-Ħajja mhi xejn ħlief stennija ta’ Mewt li riesqa nkiss inkiss.

 

U hekk il-ħajja (mhix b’ ‘capital letter’ għax mhix ‘Ħajja’ vera) ssir terribbli u allura l-bżonn tal-alkoħol jew id-droga, tal-orġji sesswali, tal-pornografija, tas-serq u l-korruzzjoni, tal-ġenn f’kull qasam.  Imma f’dan id-dlam, jiddi Dawl.  “Alla hekk ħabb lid-dinja li bagħat lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-Ħajja ta’ Dejjem.”  (Ġw. 3, 16).  Mhux veru li jien u int, aħna weħidna f’dan il-bosk, mitlufin fid-dlam u x-xita nieżla.  Int maħbub minn Alla li jafek intimament.  Hu jaf li int lsir u ma tistax ma tidnibx!  Hu jrid jagħmel ħaqq mhux minnek imma mill-jasar tiegħek, mid-“Dnub” tiegħek, mit-tixwix li int imxewwex mill-Ħażin kontriH.  Alla jrid jikkonvinċik li hu Missierek u li kollox miexi tajjeb, anke jekk għaddej minn esperjenzi terribbli.  “Għada jisbaħ ukoll”, jgħid il-Malti, u dan hu l-Misteru tal-Għid.  Se jżernaq għalik, għax Kristu miet għalik u rebaħlek wirt ta’ Ħajja għal Dejjem.  Jekk int tittama llum li għandu mnejn li qatt ma emmint f’din l-Imħabba gratis ta’ Alla għalik u terfa’ ħarstek lejha u tinfetaħ għaliha, Alla jibgħat l-Ispirtu ta’ Ibnu jgħajjat “Abba! Missier!  Pa!” f’qalbek u nassigurak li kollox jinbidel madarek!

 

L-Imħabba ta’ Alla hu diffiċli ħafna ħafna titkellem fuqha għax hija esperjenza u mhux paroli.  Imma xi ħadd irid isemmagħhielek f’widnejk din l-Aħbar it-Tajba li bidlet il-Ħajja ta’ qtajja ta’ nies matul dawn l-elfejn sena li fihom dwiet f’kull rokna tal-art. Inutli noqgħod inparla dwar ir-riċetta ta’ kejk li ħareġ tajjeb immens, jekk ma naqbadx u nagħtik biċċa biex iduqu.  Int għandek bżonn idduq l-Imħabba ta’ Alla għalik bis-serjetà.  Dawwar ħarstek lejn Kristu.  Daqshekk biss hu mitlub minnek.  Dawwar ħarstek lejn “is-serp” li Mosè waqqaf fid-deżert biex kull min iħares lejh ifiq.  Għal darba insa li trid tkun int li ssolvi l-problemi tal-Ħajja.  Il-problemi jitilfu l-qawwa tagħhom mhux billi ssolvihom imma billi tiżvalutahom għax tkun ksibt xi ħaġa ferm ikbar, ferm iktar qawwija li timlik minn ġewwa u tibdel l-atteġġjamenti kollha tiegħek.  Kristu jħobbok hekk kif int.  Din hi l-għajta, l-Aħbar tal-Kristjaneżmu li ma tlissen l-ebda reliġjon.  Hu miet għalik meta int kont għadu tiegħu. Kien hu li ħabbna l-ewwel, u din l-Imħabba meta niskopruha tfejjaqna minn ġewwa u tagħmel li aħna nirċievu natura ġdida.  Mhux iktar in-natura ta’ lsir li kellna.  Mhux iktar in-natura kollha suspetti fuq kollox.  Mhux iktar in-natura ta’ Adam.  Mhux iktar in-natura miżżewġa lill-Mewt.  Imma... imma n-natura ta’ Kristu nnifsu. 

 

U iktar kemm jikber Kristu fina, iktar tikber din in-natura ġdida u tinqered dik qadima.  Din hi l-għajn tal-Ħajja għal dejjem.  Aħna li emminna l-Kerigma, l-Aħbar ta’ Kristu, aħna ma mmutu qatt għax fina hemm jgħix dak li rebaħ il-Mewt.  Ħa jieħdu lil ġisimna kemm iridu lejn iċ-ċimiterju, imma n-Nisrani għandu Spirtu li hu aqwa mill-ġisem u li jgħix għal dejjem.

 

Għalhekk li l-Antifona tal-bidu tal-Ewkaristija tal-lum tikkwota Salm 12 li jgħid: “Jien fit-tjieba tiegħek nitma, Mulej; tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek; ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli.  (S. 12, 6).  Għaliex David ma qatilx lill-għadu tiegħu li kien ġagħlu jbati tant?  Għax kellu ċertezza f’qalbu li hu maħbub minn Alla u li f’Ħajtu kollox, imma kollox, kien se jispiċċa tajjeb.  Ċertezza!  Garanzija!  Kristu miet għalina!  X’garanzija iktar minn din jista’ jkollna li aħna Ħajjin għal dejjem?  Dan hu l-ġid enormi li minħabba fih is-Salm Responsorjali se jgħid: “Bierek ruħ tiegħi, ’il-Mulej, kull ma hu ġo fija, bierek l-Isem qaddis tiegħu u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.  Hu li jaħfer dnubietek kollha,  li jfejjaq il-mard tiegħek kollu, li jifdi lil ħajtek mill-ħofra, li jdawrek bit-tjieba u l-ħniena!”  (S. 102, 1w). Għax fi Kristu, Alla jiżgurana mill-Ħajja.  Il-Missier innifsu ħallas prezz għoli biex jien u int ikollna dan il-wirt, billi rabat lil Ibnu ma’ Salib u hemm ħalla lilna, iva lilna, noqtluH bħala offerta ta’ tpattija.

 

X’tagħmel din l-Imħabba?  Tibdel qalb il-bniedem.  Il-bniedem jibda jħobb bl-Imħabba ta’ Alla nnifsu!  Dan hu l-ungwent li jfejjaq il-ġrieħi kollha tad-dinja.  Il-bniedem jibda jħobb lil min ma jħobbux, lil min jobogħdu, lil min jagħmillu d-deni!!!  Għax issa hu bniedem ġdid.  M’għadux iktar mhedded.  Ħadd ma jista’ jisraqlu dak li nżera’ f’qalbu.  Hu jaf li, jagħmel x’jagħmel, Alla hu Missieru, Alla jħobbu.  Ħadd ma jista’ jhedded lil min hu maħbub minn Alla.  Il-biedem ta’ qabel għadda u spiċċa.  “L-ewwel bniedem, mit-trab, hu tal-art; it-tieni bniedem, mis-sema.”  (1 Kor. 15,  47).  Din hija t-triq li qegħda tinfetaħ quddiemna. 

 

Hemm differenza bejn “Nisrani” u “bniedem tad-dinja”.  Ġesù jgħid: “Jekk intom tħobbu ’l min iħobb lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom?  Għax ukoll il-midinbin iħobbu ’l min iħobbhom.”  (Lq. 6, 32).  Imma, l-Imħabba ta’ Alla, meta tiġi emmnuta u skoperta, tagħmel id-differenza kollha.  Qabel ma stajtx, imma issa int tista’ toħroġ minnek innifsek u tinagħta għall-“ieħor”, għax l-Imħabba twelled l-Imħabba.  Għax il-“ġisem” m’għadux kollox għalik, imma issa għandek “għana” moħbija f’ħobbok li ħadd ma jista’ jmissulek.  Għax tassew jiswa fuq li jiswa d-Demm li xerred Kristu, u tiswa fuq li tiswa r-Rebħa li għamel fuq il-Mewt.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Il-Mulej telqek f’idejja llum, imma jien ma ridtx immidd idejja fuq il-midluk tal-Mulej.

1 Sam 26:2,7-9,12-13,22-23

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien, Sawl qam u niżel lejn id-deżert ta’ Żif, u miegħu ħa tlitt elef raġel magħżula minn Iżrael, ifittex lil David fid-deżert ta’ Żif. U ġie David u Abisaj ħdejn l-eżerċtu billejl, u Sawl kien mimdud u rieqed f’nofs il-kamp, u l-lanza tiegħu kienet imwaħħla fl-art in-naħa ta’ rasu; u Abner u n-nies tiegħu mimdudin madwaru. U Abisaj qal lil David: “Illum il-Mulej reħa l-għadu tiegħu f’idejk, ħa nsammru mal-art b’daqqa waħda bil-lanza tiegħu stess, bla ma nagħtih oħra”. Imma David wieġeb lil Abisaj: “La toqtlux! Għax min qatt medd idu fuq il-midluk tal-Mulej, u ħelisha?”. David ħa l-lanza u l-ġarra tal-ilma minn ħdejn ras Sawl u telqu, bla ma ħadd rahom jew intebaħ, u bla ma ħadd stenbaħ, għax kollha kienu reqdin, u ngħas tqil waqa’ fuqhom mingħand il-Mulej. David imbagħad qasam għan-naħa l-oħra u qagħad fuq il-quċċata tal-għolja fil-bogħod, b’wisa’ kbir bejniethom. U David għajjat: “Hawn hi l-lanza tas-sultan, ħa jiġi ’l hawn wieħed mill-qaddejja u jeħodha! Il-Mulej irodd lil kull wieħed skont il-ġustizzja tiegħu u l-lealtà tiegħu. Il-Mulej telqek f’idejja llum, imma jien ma ridtx immidd idejja fuq il-midluk tal-Mulej”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 102(103):1-2,3-4,8,10,12-13

 

R/.(8a) Ħanin u twajjeb il-Mulej.

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. R/.

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna;

ma ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna. R/.

 

Daqskemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,

hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.

Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,

hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu. R/.

 

Qari II

Għad nilbsu x-xbieha tal-bniedem tas-sema.

1 Kor 15:45-49

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, l-ewwel bniedem, Adam, sar ruħ ħajja, l-aħħar wieħed sar spirtu li jagħti l-ħajja. Mhux l-ispiritwali ġie l-ewwel, imma l-ewwel in-naturali u mbagħad l-ispiritwali. L-ewwel bniedem, mit-trab, hu tal-art; it-tieni bniedem, mis-sema. Bħalma hu l-bniedem tal-art, hekk ukoll huma l-bnedmin tal-art; bħalma hu l-bniedem tas-sema, hekk ukoll huma l-bnedmin tas-sema. Bħalma aħna mlibbsa x-xbieha tal-bniedem tal-art, hekk ukoll għad nilbsu x-xbieha tal-bniedem tas-sema.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 13:34

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej;

bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.

Lq 6:27-38

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.

 

Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >