Friday, 27 May 2022
           
Home
IT-TIELET HADD TAR-RANDAN (2022) IL-KONVERZJONI BZONN URGENTI GHAL KULHADD PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 19 March 2022

Din hija il-Liturgija tat-tielet Hadd tar-Randan(2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

 3haadd_randan_2022-1700.jpg

 

Fi żmien ir-Randan nisimgħu sikwit bil-jasar tal-Eġittu u bl-esperjenza twila ta’ Iżrael fid-deżert.  Dawn huma żewġ metafori qawwija u li jdawluna ħafna dwar il-qagħda tagħna li ħafna drabi aħna aljenati minnha.  Iżrael kien jaf x’inhu l-jasar!  Mhux biss kien ibati u ibati, imma kien mgħakkes minn potenza, qawwa (l-Eġittu), li magħha qatt ma seta’ jagħmel xejn.  Iżrael lanqas biss stajt issejjaħlu poplu.  Kienu ġens ta’ lsiera, bla kultura, bla identita, bla storja.  Nistgħu ngħidu li kienu wkoll bla reliġjon.  Kienu jiftakru li xi darba kien hemm xi “Alla” li kien għen lill-ewwel missirijiet tagħhom, imma issa kien ilhom iktar  minn erba’ mitt sena fl-Eġittu u kienu ddakkru mill-qima u l-festi tal-allat t’hemm.  U jekk kien tassew li kien jeżisti dan Alla, x’kien sar  minnu?  Għaliex kien telaqhom għal riħhom?  Il-bniedem, kultant, tifhmu li jagħmel ċerti mistoqsijiet profondi u serji.

 

Iżrael kien mejjet.  Ħaj imma mejjet.  Xbiha tal-bniedem fid-dnub.  Il-bniedem li għandu n-natura tiegħu imjassra mill-egoiżmi, mill-biża’ li jwelled il-vjolenza, mill-mibegħda lejn min jheddu.  Il-midneb qisu l-ilsir Lhudi li għandu dahru irrigat bid-daqqiet tal-frosta għax aħna lkoll inġorru feriti interni, feriti psikoloġiċi, li ma jħalluniex inħobbu.  U bħal Iżrael, il-bniedem m’għandux ċans jinqala’ minn fejn hu bl-isforzi tiegħu waħdu.  Ma jistax joħroġ mill-qabar, miċ-ċella magħluqa minn barra.  Irid ikun Xi Ħadd aqwa minn dak li qaflu, li jassru.

Hu Alla biss li jagħtina l-Ħelsien!  Hu biss kapaċi jiftaħ l-oqba tagħna u jagħtina Ħajja Ġdida, jaħtafna minn idejna u jaqlagħna ’l barra.  Alla biss għandu din is-setgħa.  Il-Missier qala’ lil Ibnu Ġesù Kristu minn ġol-qabar u mhux biss għamlu ġisem glorjuż, iżda għamlu Spirtu ta’ Ħajja ta’ Dejjem, Spirtu Rebbieħ fuq il-Mewt li kapaċi jitferrex u jidħol f’qalb dawk li jemmnu fih, li jsiru bħalu meħlusa mill-biża’ tal-Mewt.  Din hi l-Aħbar meraviljuża li trid tixxandar lill-imsejkna, lil dawk li jafu li huma mjasssra, li jafu li ma jistgħu jagħmlu xejn quddiem il-ħażen li jdur madwarhom.

 

Imma biex jaħdem Alla jinqeda bi bnedmin oħra.  Dawn iwasslu l-Aħbar lil sħabhom li hu possibbli l-Ħelsien; hu possibbli li wieħed jagħmel frott tajjeb li qabel ma kienx jista’ jagħmel; hu possibbli li tiskopri li Int il-Maħbub ta’ Alla.  Alla hu nnamrat miegħek u jrid jimliek bil-provi ta’ din l-Imħabba.  Hu jinqeda b’Mosè, biex imur iħabbar xi ħaġa li dehret impossibbli għall-Iżraelin imfarrkin fil-moral tagħhom.  “Alla jrid joħroġna minn hawn u se joħroġna żgur għax hu aqwa mill-Eġittu kollu!”  Kien diffiċli temmen dan il-kliem.  L-Ingliżi jgħidu: “Too good to be true!”.

 

Biex tkompli tagħqad, Alla jħobb juża strumenti dgħajfa, inutli, immankati u mġelġla!  Mosè kemm kemm kien jinftiehem fi kliemu għax kien ilaqlaq, u bagħtlu lil ħih Aron miegħu biex jitkellem hu.  Faqar.  Għaliex.  Biex tidher il-Glorja ta’ Alla u titkebbes il-Fidi fil-qlub.  Il-Fidi hi kollox.  Il-Fidi hi l-qawwa li teħles lill-bniedem minnu nnifsu u minn dak kollu li jheddu u jinkwetah. Jekk il-poplu kellu jemmen li ħelsu Mosè mill-Eġittu, kien ikun qed ipoġġi s-sigurtà tiegħu fi biedem dgħajjef.  Imma jekk kellu jara ċar li mill-Eġittu kien ħelsu Alla, allura ħadd ma kieb jista’ għalih.  Il-bniedem armat bil-Fidi, ħadd ma jista’ għalih.  Bħalma jkanta s-Salm Responsorjali: “Hu li jaħfer dnubietek kollha, li jfejjaq il-mard tiegħek kollu, li jifdi ’l ħajtek mill-ħofra, li jdawrek bit-tjieba u l-ħniena.”  (S. 103, 3-4).

 

Il-Ġenesi jiddiskrivi xena qawwija ħafna meta jirrakkonta s-Sejħa ta’ Mosè.  Il-Mulej hu Nar li jeqred it-taħsir, il-ħmieġ, in-natura lsira tad-dnub.  Huwa Nar li jsaħħan il-qlub, irattab il-ħadid l-aktar iebes.  Alla huwa Nar li jnissel stagħġib u biża’.  Biża’ tal-Mewt f’min jaħqar lil sieħbu, iżda biża’ li tista’ titlef Teżor imprezzabbli li tkun sibt, f’dawk li jħobbuH.  Nar li jeqred u jaħraq.  Iżda lill-għollieqa ma għamlilha xejn!  Dan hu l-għaġeb.  Alla hu Nar li jaħkem lil min iħobbu bla ma jagħmillu ħsara, anzi jimlieħ bil-Glorja tal-Ferħ li d-dinja ma tafx tagħti.

 

Il-Missirijiet tal-Knisja kienu jieħdu gost ixebbħu l-għollieq jaqbad bla ma jinħaraq ta’ Mosè mal-Verġni Marija.  Innu antik tal-Knisja, jsejħilha: Marija, ċkejkna Marija!  Int l-għollieq jaqbad ta’ Mosè, li ġġorr lill-Mulej u ma tinħaraqx!”  Mhux Marija n-Nar.  Marija hija l-għollieqa.  In-Nar hu Alla.  In-Nar hu Kristu, l-Għimmanu-El, Alla fostna liebes laħam bħal tagħna.  Marija ġarret dan in-Nar f’ġufha għal disa’ xhur!  Iżrael, quddiem is-Sinaj, twerwer meta ra n-Nirien ta’ Alla, is-sajjetti u r-ragħad.  Imma Marija, il-Ġwejda Marija, ġarritu dan in-Nar f’ħobbha bla ma nħarqet!

 

Marija hija xbieha tan-Nisrani.  Hija wkoll xbieha tal-Knisja.  In-Nisrani hu Nisrani għax fik kiber Kristu.  Minn Fidi għal Fidi ikbar.  Dan hu l-vjaġġ tan-Nisrani f’din id-dinja.  In-Nisrani wkoll iġorr in-Nar, li ra Mosè, f’qalbu.  Hu dan li jagħmel minnu “xhud”.  “Ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.”  (Lq. 2, 51).  “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.” (Lq. 2, 19).   Kienet taqbad bi Kristu bla ma tinħaraq.  L-istess in-Nisrani.  L-istess il-Knisja. 

 

Fil-Pentekoste, il-Knisja (l-Appostli) irċeviet fiha dan in-Nar li jħeġġeġ bla ma jagħmel ħsara lil min iġorru.  Għadu fiha sal-lum, għax il-Knisja u n-Nisrani huma l-istrument dgħajjef imma qawwi fl-istess ħin li juża Alla biex idawwal id-dinja, isaħħan il-kesħa kiefra li hemm fil-qlub u jrattab l-irjus ta’ min ilu fid-dnub, aktarx għax ikun ġie msawwat minn xi ġrajja.

 

Kollox minn Alla.  Imma hemm twissija serja!  Ir-Randan jiġi biex jagħtina twissija serja.  Alla hu kbir, imma dgħajjef fl-istess ħin.  Hu dgħajjef quddiem il-ħelsien tal-għażla li hu stess tana.  Hu jħobbna wisq.  M’għamilniex robots.  Ma jridx jaqbadna minn għonqna biex inħobbuH bil-fors.  Irid jirbaħ lil qlubna.  Irid jinnamra magħna, mhux jiddominana.  Irid jgħaqqadna miegħU fid-divinità eterna tiegħU.  Xi ġmiel!  Imma ġmiel perikoluż għax nistgħu nisfrattawlU kollox.  Nistgħu insiru tina selvaġġa li tkidd l-art u li ma tagħmel qatt frott.

 

Huwa mportanti li nitolbu għal ftit għarfien, dixxerniment fuqna nfusna!  Fuqna nfusna.  Għandna bżonn ngħarfu tassew aħna min aħna.  Siġra li tkidd l-art, bniedem/a li tkidd il-Knisja, jew siġra li tagħmel it-tajjeb b’mod naturali?  Għax hu faċli naħsbu li aħna aħjar mill-oħrajn, u hekk inkunu ngħalqu l-bieb għall-konverżjoni.  Randan ieħor għadda u mar.  Ma nżommux lilna nfusna aħjar minnn ħadd!”  “Taħsbu intom li dawn il-Galilej kienu iżjed midinbin mill-Galilej l-oħra biex sofrew dan kollu?  Le ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu, xorta waħda.”  (Lq. 13, 2-3).  Kelma ta’ Kristu għalina lkoll.

 

Il-Liturġija tal-Kelma għal-lum:

 

Qari I

JIENA-HU bagħatni għandkom.

Eż 3:1-8a,13-15

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, Mosè kien jirgħa l-merħla ta’ ħatnu Ġetru, qassis ta’ Midjan, u ħa l-merħla ’l hemm fid-deżert, u wasal sa ħdejn Ħoreb, il-muntanja ta’ Alla. Hawn deherlu l-anġlu tal-Mulej f’ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. Mosè ħares u ra l-għollieq jaqbad bin-nar bla ma jintemm. Mosè qal: “Ħ nersaq u nara din id-dehra tal-għaġeb: għala mhux jinħaraq l-għllieq?”. Il-Mulej rah riesaq biex jara, u Alla sejjaħlu minn qalb l-għollieq u qallu: “Mosè, Mosè!”. U Mosè wieġeb: “Hawn jien!”. U l-Mulej qallu: “La tersaqx ’l hawn. Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa”. U ssokta jgħidlu: “Jien hu Alla ta’ missirijietek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb”. Mosè għatta wiċċu, għax beża’ jħares lejn Alla.

 

U l-Mulej qallu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel”.

 

Mosè reġa’ wieġeb: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: ‘Alla ta’ missirijietkom bagħatni għandkom’. Huma jistaqsuni: ‘X’jismu?’. Jiena xi ngħidilhom?”. Alla wieġbu: “Jien li Jien”. U kompla jgħidlu: “Hekk għidilhom lil ulied Iżrael: ‘Jiena-Hu bagħatni għandkom’”. U Alla kompla jgħidlu: “Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael: ‘Jaħweh, Alla ta’ missirijietkom, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, bagħatni għandkom’. Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 102(103):1-2,3-4,6-7,8,11

 

R/.(8): Ħanin u twajjeb il-Mulej.

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. R/.

 

Il-Mulej jagħmel is-sewwa,

u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.

Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,

l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael. R/.

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,

hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu. R/.

 

Qari II

Il-ħajja tal-poplu ma’ Mosè fid-deżert inkitbet bi twissija għalina.

1 Kor 10:1-6,10-12

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, li missirijietna lkoll kienu taħt is-sħaba, ilkoll qasmu l-baħar, ilkoll kienu mgħammda f’Mosè fis-sħaba u fil-baħar, ilkoll kielu mill-istess ikel spiritwali – xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu – madankollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx għax ilkoll waqgħu mejta fid-deżert.

 

Dan ġara b’eżempju għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu huma. Anqas ma għandkom tgergru, kif għamlu xi wħud minnhom, u qeridhom il-Qerried. Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-żminijiet. Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4:17

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Indmu, jgħid il-Mulej

għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.

Lq 13:1-9

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”.

 

U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha! Għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?’. Iżda dak wieġbu: Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 

 
< Prev   Next >