Friday, 27 May 2022
           
Home
IL-HAMES HADD TAR-RANDAN (2022) IL-KONVERZJONI TAGHNA HI XOGHOL ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 02 April 2022

Din hija il-Liturgija tal-Hames Hadd tar-Randan(2022) bi hsibijiet min Joe Rapa.

5hadd_randan.jpg

 

F’dan it-tmiem il-ġimgħa tant importanti, anzi memorabbli għall-Knisja f’Malta meta “Pietru” magħmul Kap tal-Knisja ġej iżurna, fil-persuna ta’ Papa Franġisku, biex iqawwina fil-Fidi, iktar għandna niftħu widnejna għall-Kelma ta’ Alla li l-Knisja trid li nisimgħu.  J’Alla l-preżenza tal-Papa, dak li jgħaqqadna fi Knisja Waħda, Qaddisa, Kattolika u Apostolika, tgħinna biex inħallu l-Kelma tinżel fil-qalb u hemm issir Nar li jeqred l-għeruq tad-dnub li jjassarna. 

 

Kull min sab lil Alla jibqa’ mbellah b’dak li jiskopri, u jingħi quddiem il-fatt li ħela ħafna minn ħajtu jiġri wara l-friefet u l-frugħat li jgħaddu.  Pawlu sab lil Alla u r-rejazzjoni tiegħu tafu x’kienet?  Nisimgħuha fit-Tieni Qari tal-lum: “Mhux għax għandi xi qdusija tiegħi...”  (Fil. 3, 9).  Immaġinaw ftit!  San Pawl jgħid li jekk għandu xi qdusija, din mhix minnu, mhix tiegħu bil-merti tiegħi, bis-saħħa tiegħu!  Għaraf lil Kristu u skopra ċ-ċokon tiegħu, id-dnub tiegħu. “Mhux għax għandi xi qdusija tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu.”  (Fil. 3, 9).  F’dan il-passaġġ famuż li se nisimgħu f’dan il-Ħadd se naraw li kollox jiġi mogħti lilna, u li l-Appostlu ma jagħtix kas tal-merti tiegħu għax iqishom bħala knis, tqanżiħ imsejken tal-bniedem.  Hu jibni kollox mhux fuq il-merti tiegħu, fuq tant u tant xogħol li  hu wettaq għal Kristu, iżda fuq il-Merti Glorjużi tal-Iben ta’ Alla li bihom Kristu rebaħ għalih il-Grazzja tal-Konverżjoni.

Dan għandu jkun ta’ kuraġġ immens għalina li għadna nterrqu hawn lejn id-Dar li qegħda tistenniena.  Għax anke għalina, aħna li twaħħadna ma’ Kristu fil-Magħmudija, anke għalina, bħal Pawlu, Kristu rebħilna Merti kbar, eterni, bla tmiem, li jgħelbu għal kollox it-tbajja ta’ tant dnubiet li wettaqna.  Dawn id-dnubiet qishom deżert li jiġi mifqugħ minn xmara enormi ta’ ilma ġieri.  Aħna ġejna maħsula fid-Demm ta’ Kristu, fix-xmara ta’ Demmu.  Min jista’ jqis il-Merti tad-Demm Qaddis ta’ Alla nnifsu?  Liema dnub, liema kwantita ta’ dnubiet jista’ l-bniedem jagħmel li huma ikbar mill-Merti ta’ Kristu favur tagħna, li huma aqwa mid-Demm tiegħU?  Imma dan irridu nemmnuh b’qalbna kollha.  Jista’ jkun li d-dnub li ma jinħafirx kontra l-Ispirtu s-Santu li Kristu jsemmi fl-Evanġelju, huwa appuntu dan: li jien naħseb li  jien dnibt wisq biex inkun nista’ naqla’ l-Maħfra mingħand Alla.  Li dnubieti huma ikbar mill-Merti ta’ Kristu!  Li ħtijieti jaqbżu l-enormita tal-Imħabba tal-Missier għalija midneb u li ġiet murija lili fil-Mewt u l-Qawmien ta’ Ibnu.  Dan hu d-dnub tal-ereżija  kontra l-Ispirtu s-Santu li huwa l-Imħabba li hemm bejn il-Missier u l-Iben.

 

Kulma għandna x’nagħmlu aħna hu li nilqgħu din il-Grazzja, dan ir-Rigal gratis, b’xejn.  Ir-reliġjonijiet l-oħra kollha tad-dinja jpoġġu lill-bniedem fiċ-ċentru u jgħidu li hu jrid  ikun biex isalva.  Il-Kristjaneżmu jpoġġi lil Alla fin-nofs u huwa Hu li jsalva lill-bniedem.  Iżda l-bniedem irid jemmnu dan.  U meta jemmen din l-Aħbar it-Tajba, il-bniedem jiftaħ qalbu beraħ għal Dak li lilu ħabbu tant! 

 

Għalhekk illum qed nindunaw li l-Kristjaneżmu hu iktar minn reliġjon, iktar minn sett ta’ kmandamenti li wieħed irid jobdi, imma li ma jirnexxilux jobdi.  San Pawl ma riedx iwaqqa’ l-Liġi meta qal li hu salvat bil-Merti ta’ Kristu u mhux b’tiegħu.  Hu jgħallimna li l-bniedem li jemmen fil-Merti ta’ Kristu huwa bniedem “ġdid”, twieled mill-ġdid, u nagħta natura ġdida li hi ta’ Kristu.  Issa l-bniedem jista’ tassew jobdi l-Liġi, mhux “għax hekk suppost”, jew kontra qalbu, jew bi sforzi li jagħmluh dejjem imdejjaq, għajjjien u mbeżża’, iżda għax fih jgħammar Kristu!  Tassew li l-Fidi fil-Merti ta’ Kristu favur tagħna tintwera mill-fatti għax bla fatti li jidhru l-Fidi hi mejta.

 

Din hija l-Konverżjoni li l-Knisja tistenna minna f’dan ir-Randan.  Din hija l-bidla li l-Mulej irid jaħdem fina.  Għandna ndawru l-orjentament ta’ kif naħsbu, indawru moħħna lejn dak li għamel Kristu għalina iktar milli lejn dak li “suppost” nagħmlu aħna.  Din hija Konverżjoni li hi xogħol Alla, imma rridu nixtiquha, nitolbuha, nixxennqu għaliha, niftħu qalbna  beraħ għaliha.  Għandna nsiru nies ta’ talb!  Mhux nitolbu biss ħwejjeġ materjali, imma l-iktar u fuq kollox nittalbu għal din in-natura ġdida li mingħajrha nibqgħu ilsiera tad-dnub, u mejtin f’għajnejn Alla.

 

Quddiem din ir-rejalta, min jien jien li niġġudika lil ħaddieħor?  Min hu bla dnub?  Quddiem il-mara midinba tal-Vanġelu tal-lum, Kristu kien il-Waħdieni li seta’ jiġġudikaha u jikkundannaha.  Iżda dan ma jagħmlux għax hu ma ġiex biex jeqred lill-bniedem iżda biex jeqred id-“Dnub” li jżomm lill-bniedem ankrat fil-miżerja.  Id-“Dnub” li jżommu jirgħa l-qżieqeż bħall-iben il-ħali flok ma jgawdi l-qagħda tiegħu ta’ werriet ta’ missieru.  Hu qered l-għerq tal-jasar li hemm fina billi nqasam għalina fuq is-Salib. 

 

Huwa HU l-awtur tal-konverżjoni tagħna.  Huwa HU li ikkonverta lil Iżrael u minn qabda lsiera għamilhom ġens.  “Dan jgħid il-Mulej li fetaħ triq fil-baħar, mogħdija fl-ilmijiet qawwija, dak li ħareġ karrijiet u żwiemel, eżerċti u rġiel qalbiena; xteħtu fl-art, biex ma qamux aktar.”  (Is. 43, 16-17).  Ta’ min kienu l-Merti li Iżrael ħareġ mill-Eġittu?  Tiegħu?  Le!  Għalhekk is-Salm Responsorjali jgħid:  “Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus: ‘Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!’  Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!  U aħna mtlejna bil-ferħ.”  (S. 126, 2-3).

 

Alla lest li jagħtina l-Grazzja l-Kbira li “nqisu kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli ngħarfu lil Kristu Ġesù Sidna... u kollox ngħoddu bħala knis, biex nirbħu lil Kristu, u nkunu ninstabu fih.”  (Fil. 3, 8-9).  Hemm qligħ kbir tassew f’li ngħarfu lil Kristu, u x’ifisser dan?  Liema hi l-Grazzja li għandi nixxennaq għaliha jien?  Dwar Kristu naf “kollox”.  Ilni nisma’ fuqU mid-Duttrina.  Il-Grazzja hi li l-Missier jikxfilna l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu li biha aħna “Qaddisin” u werrieta tas-Sema Pajjiżna!  Għax għandna bżonn il-miraklu morali tal-Missier li naraw b’għajnejn spiritwali dak li forsi sal-luma rajna biss imċajpar: dak li għamel għalina Kristu bil-Mewt u l-Qawmien tiegħU.

 

Jista jkun li xi wħud minn dawk il-Fariżej u x-xjuħ li telqu nkiss inkiss minn quddiem dik l-adultera, irċivew Grazzja kbira dak in-nhar.  Għax għarfu li Ġesù kellu raġun jixlihom bi dnubhom, huma li kien jaħsbu li huma aħjar mill-mara.  Għax hemm qiegħed il-bidu tal-konverżjoni.  Aħna lkoll midinbin, iżda hemm ħelsien kbir jistenniena fi Kristu.  Nittallbu lill-Missier għall-Grazzja ta’ dan l-għarfien biex tassew inkunu nistgħu ngħixu Għid ta’ ħelsien.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Sejjer nagħmel ħaġa ġdida biex nisqi l-poplu tiegħi.

Iż 43:16-21

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Dan jgħid il-Mulej,

li fetaħ triq fil-baħar,

mogħdija fl-ilmijiet qawwija;

dak li ħareġ karrijiet u żwiemel,

eżerċti u rġiel qalbiena f’daqqa;

inxteħtu fl-art, biex aktar ma qamux;

inħlew bħal ftila, u ntfew:

La tiftakrux iżjed fi ġrajjiet l-imgħoddi;

la taħsbux fuq dak li ġara qabel.

Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida:

feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?

Se niftaħ triq fix-xagħri,

xmajjar fid-deżert.

Ifaħħruni l-bhejjem selvaġġi,

ix-xakalli u wlied in-ngħam,

għax noħroġ l-ilma fix-xagħri,

xmajjar fid-deżert,

biex nisqi l-poplu tiegħi,

il-maħtur tiegħi,

il-poplu li sawwart għalija,

biex ixandar it-tifħir tiegħi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 125(126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6

 

R/.(3): Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

 

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,

konna qisna mitlufa f’ħolma;

imbagħad bid-daħk imtela fommna,

u bl-għajat ta’ ferħ ilsienna. R/.

 

Imbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:

“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom”.

Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

U aħna bil-ferħ imtlejna. R/.

 

Biddel, Mulej, xortina

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ

jaħsdu bl-għana ta’ ferħ. R/.

 

Huma u sejrin, imorru jibku,

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ,

iġorru l-qatet f’idejhom. R/.

 

Qari II

Minħabba fi Kristu ridt li nitlef kollox.

Fil 3:8-14

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ħuti, jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu, il-ġustizzja ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi. Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet. M’iniex ngħid li jiena ġa ksibtu, jew li jien ġa perfett. Imma nross ’il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili. Ħuti, ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa lil ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġoel 2:12-13

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, jgħid il-Mulej,

għax jien twajjeb u ħanin.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.

Ġw 8:1-11

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom. Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh.

 

Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ.

 

Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak”, qalilha Ġesù. “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 
< Prev   Next >